L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Ġesù kellu tipi differenti ta’ dixxipli. Kien hemm dixxipli li jimxu miegħu fit-triq, li jkunu fejnu meta jgħallem, ifejjaq u jagħmel il-mirakli. U kien hemm dixxipli oħra li laqgħuh f’darhom, bħal dik il-familja ta’ Betanja – Marija, Marta u Lazzru – li laqgħu lil Ġesù f’darhom.
Fost id-dixxipli li kienu jakkumpanjaw lil Ġesù, tista’ tgħid it-tnax kienu dawk l-aktar qrib. Imma kien hemm ukoll diversi nisa, kif naqraw fl-Evanġelju stess, u fosthom Marija ta’ Magdala. Ma nafux ħafna dettalji fuqhom, bħalma fuq diversi mit-tnax ma nafux. Imma Marija ta’ Magdala nafu li mxiet wara Ġesù, u baqgħet miegħu sal-aħħar taħt is-salib. Filwaqt li mit-tnax, wieħed biss baqa’ – Ġwanni – Marija ta’ Magdala kienet hemm taħt is-salib, flimkien ma’ Marija omm Ġesù u xi nisa oħra.
Marija kienet waħda mid-dixxipli li ġew mill-Galilija, mir-raħal jismu Magdala, fil-fatt. Li naqraw fuqha hu li Ġesù kien keċċa minnha x-xjaten. Fl-Evanġelju skont San Luqa (Lq 8:2) għandna din id-deskrizzjoni fuqha. Maż-żmien, diversi qishom ħadu l-figura ta’ Marija Maddalena u raw fiha l-midinba kbira. Imma li jgħid l-Evanġelju mhux hekk, imma jgħid li Ġesù ħelisha mix-xjaten. U hemm differenza. Għax, meta Ġesù ħelisha, ifisser li ħelisha mill-forzi tal-ħażen li kienu jaħkmuha. Fil-fatt tista’ tgħid li lil Marija ta’ Magdala, Ġesù mhux ħafrilha dnubietha għax kienet midinba kbira, imma ħelisha minn dak li lilha kien ifixkilha, ijassarha f’ħajjitha.
Hi baqgħet dejjem bi gratitudni kbira f’qalbha għal dak li għamel magħha Ġesù. U baqgħet dejjem immexxija mill-imħabba: tħobbu, timxi warajh. Proprju dak li smajna llum fil-Ktieb tal-Għanja tal-Għanjiet jiddeskrivi l-ħajja tagħha: sabitu, u għalhekk miegħu taf li għandha lil dak li jagħtiha ħajja ġdida. Ġesù lilha ħelisha, bidlilha ħajjitha, u taha din il-ħajja ġdida. U baqgħet dejjem b’din il-gratitudni f’qalbha sal-aħħar, u b’fedeltà taħt is-salib sal-aħħar – dik il-fedeltà tal-imħabba kbira. Fil-fatt, Marija ta’ Magdala taħt is-salib ma setgħet tagħmel xejn konkretament biex lil Ġesù tbiddillu s-sitwazzjoni tiegħu, imma kienet hemm, bi mħabba kbira, u b’fedeltà sal-aħħar. Min jaf x’għadda minn moħħha u minn qalbha hemmhekk taħt is-salib! Għax hemmhekk qed tara lil dak li lilha ħelisha mill-forzi tal-ħażen, issa fuq is-salib hu vittma tal-forzi tal-ħażen; lil dak li lilha ġabilha d-dawl f’ħajjitha, hemmhekk maħkum mill-ħakma tad-dlam. Min jaf x’ħasset Marija ta’ Magdala hemmhekk taħt is-salib! Dak li immaġinat f’ħajjitha kien qisu qed jispiċċa fix-xejn, imma baqgħet hemm b’fedeltà.
Mhux biss. Imbagħad, meta Ġesù miet u difnuh fil-qabar, kif qrajna fl-Evanġelju skont San Ġwann, marret fejn il-qabar u hemmhekk riedet issib il-ġisem mejjet tiegħu. Imma ma sabitx dan, u għalhekk bdiet tibki. U għandna din il-laqgħa sabiħa immens tagħha ma’ Kristu Rxoxt, li lilha jidher l-ewwel, u li jsaqsiha dik il-mistoqsija li f’San Ġwann insibuha f’mumenti oħra: “Lil min qiegħda tfittex?” (Ġw 20:15) Hi ma weġbitux, għax ħasbitu l-ġardinar u qaltlu: “Jekk ħadtu int minn hawn, għidli fejn qegħidtu” (Ġw 20:15). Imma kieku weġbitu, kienet tgħidlu: qed infittex il-ġisem mejjet ta’ Ġesù. U kien jgħidilha hu: mhux mejjet, imma ħaj – kif intebħet hi meta għajtilha b’isimha “Marjam” (Ġw 20:16). Hemmhekk intebħet li dak hu Ġesù Kristu ħaj, u lilha qed jagħtiha dan il-ferħ hekk kbir li tiltaqa’ miegħu ħaj, meta immaġinat li kien spiċċa u qed tfittex il-ġisem mejjet. Imbagħad Ġesù jgħidilha biex tmur hi tagħti l-aħbar lill-appostli. Jagħmilha, fi kliem San Tumas ta’ Aquino, appostlu tal-appostli għax lilha jibgħat biex tagħti din il-bxara lill-appostli.
Nitolbu llum lill-Mulej, bl-interċessjoni ta’ din il-qaddisa hekk għażiża, Santa Marija Maddalena, li aħna nħallu l-Mulej f’ħajjitna jġib il-ħelsien bħalma ġab lilha; li jkollna dik l-imħabba kbira lejh, bħalma kellha hi, imħabba kbira għax hu kien għażiż tassew għaliha; u li aħna wkoll inkunu bħalha appostli, jiġifieri li bix-xhieda ta’ ħajjitna u bil-kelma nxandru li Kristu hu ħaj.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju