L-Omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi
“Kemmxa flus ġmielha”. Dan kien li l-qassisin il-kbar u x-xjuħ taw lill-għases biex jivvintaw storja ħa jagħmlu cover-up, ħa jgħattu l-ġrajja tal-qawmien ta’ Ġesù.
Il-ġrajja tal-qawmien fil-fatt hi ġrajja fundamentali għall-fidi tagħna. Naraw kif toħloq reazzjonijiet differenti: hawn għandna l-kuntrast fl-Evanġelju bejn dawk li kellhom qalbhom magħluqa, anzi kif juri l-Evanġelju, qalb korrotta; u dawk li kellhom qalb miftuħa, u aċċettaw u laqgħu lil Kristu ħaj.
Minn banda għandek dawn il-qassisin il-kbar u x-xjuħ li mhux biss, qabel ma nqatel Ġesù, ivvintaw ħafna affarijiet fuqu u kull xorta ta’ inġustizzji biex iwassluh għall-mewt tas-salib, imma issa, wara li Ġesù qam mill-mewt, jivvintaw ukoll storja biex jgħattu dil-ġrajja. Kellhom qalbhom magħluqa, moħħhom ukoll magħluq. Mhux biss, iżda, kif turi dil-ġrajja, kellhom ukoll qalb korrotta. Lill-għases jagħtuhom kemmxa flus biex jivvintaw storja – storja li turi kif il-qawmien ta’ Ġesù joħloq konfużjoni fost dawk li għandhom qalb magħluqa jew qalb korrotta.
Tant hu hekk, li jekk tara din l-istorja li vvintaw, jgħidulhom: “Għidu hekk: ‘ġew id-dixxipli tiegħu billejl u serquh waqt li konna reqdin’”. Jekk kienu reqdin, ma jafux min ġie! Jekk kienu għases, kif kienu reqdin? Suppost, mhux kemmxa flus tawhom, jekk vera kienu reqdin, imma tawhom charge jew issospendewhom, għax id-dmir tagħhom kien, jekk huma għases, li jkunu mqajmin. Tara kif il-ġrajja tal-qawmien toħloq konfużjoni fost dawk li għandhom qalbhom magħluqa jew qalb korrotta li ma tridx taf bil-verità, imma tkompli twebbes rasek f’dak li hu ħażin – mgħaddsa fil-ħażen.
Għandna l-kuntrast man-nisa, li marru fejn il-qabar ta’ Ġesù. Ma marrux għax se jarawh ħaj imma biex iqimu l-ġisem tiegħu mejjet. Jirċievu din l-aħbar li tnissel f’qalbhom ferħ, u fl-istess waqt ċertu biża’ – x’qed jiġri? Imbagħad jiltaqgħu ma’ Ġesù, u Ġesù, għax kellhom qalbhom miftuħa għalih, jimlielhom qalbhom bil-ferħ u bil-paċi tiegħu, u jagħtihom l-enerġija, biex huma jkunu mhux biss dawk li jgawdu minn din il-ġrajja tal-qawmien tiegħu, imma jħabbruha u jwassluha lill-oħrajn, u jwassluha tassew b’ferħ kbir.
Aħna u naraw dan il-kuntrast, nitolbu lill-Mulej il-grazzja li jkollna qalb miftuħa għaliha; li jippurifikana, ma jħalliniex b’qalb magħluqa jew b’qalb korrotta li lilu tfittex li teliminah, imma qalb miftuħa għall-ġrajja tal-qawmien tiegħu, għal Kristu li hu ħaj biex fina jnissel il-paċi u l-ferħ tiegħu u jagħmel minna wkoll dawk li nxandru din l-Aħbar mal-oħrajn.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju