• L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

  • Il-Knisja tal-Erwieħ, Ħal Tarxien
    29 ta’ Settembru 2019

    Kieku f’din l-istorja ta’ Lazzru l-fqir ifittex il-frak li jaqa’ mill-mejda tal-għani li kien jiffanga fl-ikel, kien hemm fil-viċin is-sorijiet tal-Karità, ma naħsibx li lil Lazzru kienu jħalluh hemmhekk għal ħin twil. Kienu jieħdu azzjoni ta’ tip jew ieħor, għax dik hi l-kariżma tagħhom li mexxiethom tul is-snin.

    Għalhekk naħseb li hu provvidenzjali li llum, meta qed nagħmlu ċ-ċelebrazzjoni tal-ġublew tad-deheb ta’ dawn is-Sorijiet tal-Karità, għandna din is-silta mill-Kelma ta’ Alla li tant hi rilevanti għal ħajjitna.

    Messaġġ soċjali globali

    L-ewwel nett, f’din is-silta hemm messaġġ soċjali globali. Qed ngħixu f’dinja fejn din l-istorja tirrepeti ruħha. Il-Papa Benedittu XVI, fl-Enċiklika Caritas in Veritate, 27, isemmi kif l-istorja ta’ Lazzru u l-għani tirrepeti ruħha fid-dinja bejn il-pajjiżi għonja u l-pajjizi fqar, bejn dawk in-nies li jgħumu fil-ġid u dawk li jmutu bil-guħ. “… il-ġuħ għadu jaħsad għadd kbir ħafna ta’ vittmi fost dawk li, bħal Lazzru, ma jitħallewx jieħdu posthom mal-mejda tal-għani… Itma’ lil min hu bil-ġuħ (ara Mt 25:35,37,42) hu kmand etiku għall-Knisja universali, hija u twieġeb għat-tagħlim tal-Fundatur tagħha, il-Mulej Ġesù, dwar is-solidarjetà u l-qsim tal-ġid.”

    Iċ-ċentru tal-ħajja tagħna

    Nixtieq li naraw dak li Alla qed jgħid lilna personalment permezz ta’ din il-kelma tiegħu.

    Alla jgħinna nżommu l-affarijiet f’posthom. Papa Franġisku (29 Sett 2013) f’riflessjoni li għamel fuq din il-parabbola ta’ Ġesù jispjega ċar: “Jekk l-oġġetti, il-flus, il-ħwejjeġ ta’ din id-dinja jsiru ċ-ċentru tal-ħajja, jispiċċaw jaħtfuna, jipposseduna u aħna nitilfu l-istess identità tagħna ta’ bnedmin.” Il-Papa jgħidilna biex naraw sew kif l-għani tal-Vanġelu m’għandux isem, hu sempliċement ‘għani’, waqt li Lazzru jissemma b’ismu. Hu sempliċiment ‘għani’: l-oġġetti, dak li jippossedi, dawn huma l-wiċċ tiegħu, m’għandux aktar minn hekk.

    Il-Papa jagħmel din il-mistoqsija: “Kif ġara dan? Kif qatt il-bnedmin, forsi anki aħna, nistgħu naqgħu fil-periklu li ningħalqu, li npoġġu t-tama tagħna fl-oġġetti, li fl-aħħar mill-aħħar jisirqulna wiċċna, il-wiċċ uman tagħna? Dan jiġri meta nitilfu l-memorja ta’ Alla. Jekk aħna nitilfu l-memorja ta’ Alla, nibdew nidraw kollox, kollox jibda jdur mal-jien, ma’ kemm qiegħed sew jien. Il-ħajja, id-dinja, l-oħrajn, jitilfu l-importanza tagħhom, ma jibqgħu jgħoddu xejn, kollox jirriduċi ruħu għal dimensjoni waħda: kemm għandi.  Jekk nitilfu l-memorja ta’ Alla, anki aħna nitilfu l-konsistenza tagħna, anki aħna niżvojtaw minn ġewwa, nitilfu l-wiċċ tagħna bħalma ġralu l-għani tal-Vanġelu! … Aħna ġejna maħluqa fuq ix-xbieha ta’ Alla, mhux fuq ix-xbieha tal-oġġetti, tal-idoli!”

    Fejn hu Lazzru llum?

    Mhijiex l-għana fiha nfisha li hi ħażina imma hija r-regħba, u dak li twassal għalih. Tajjeb nistaqsu: fejn hu Lazzru llum f’ħajjitna? U kif nistgħu ngħinuh u ma nagħlqux qalbna għalih, jew nibqgħu indifferenti, kif għamel l-għani?

    Lazzru qiegħed kull fejn hemm nies żvantaġġjati, li l-leħen tagħhom dgħajjef, li l-karba tagħhom kultant lanqas tinstema’ qalb l-istorbju tal-ħajja. Lazzru jista’ jkun min kellu jaħrab minn pajjiżu u qed jitħabat biex jista’ jgħix u jkollu futur; min inzerta twieled f’ambjent (eż. familja) bi problemi kbar; jew min għandu xi dritt fundamentali mkasbar.

    Irridu nagħrfu lil Lazzru ta’ żmienna. Irridu nixirfu ’l barra mit-tieqa tal-kumdità tagħna u naraw min qed jitlob l-għajnuna. Hekk titlob minna s-solidarjetà u l-imħabba vera lejn l-oħrajn kif għallimna Ġesù.

    Kif nistgħu ngħinu lil Lazzru llum?

    Kif nistgħu ngħinu lil Lazzru ta’ żmienna? Jekk inħarsu lejn il-parabbola, naraw li l-għani seta’ għen b’modi differenti. Seta’ lil Lazzru tah x’jiekol. Seta’ stiednu għall-mejda miegħu. U seta’ impenja ruħu biex Lazzru jkollu dar u mejda u jibda jiekol regolarment bħan-nies.

    Dawn ifakkruna fil-modi kif aħna nistgħu ngħinu. Ngħinu milli għandna (eż. bil-flus); din hi għajnuna diretta importanti. Ngħinu billi ninkludu magħna dawk in-nies li qed ibatu. Ngħinu billi naħdmu biex kulħadd ikollu d-drittijiet bażiċi tiegħu rispettati.

    Il-parabbola b’ebda mod m’għandha twassal għal rassenjazzjoni, għall-passività, qisu: ‘Alla se jieħu ħsiebna fil-ħajja ta’ dejjem u għalhekk aħna nistgħu nserrħu rasna hawn’. Il-ħsieb stess ta’ Alla għandu jwassal għal impenn sħiħ f’din il-ħajja tagħna hawn.

    Gratitudni

    Dan li semmejt – l-għajnuna lil Lazzru ta’ żmienna – narawh fil-ħajja u l-missjoni tas-Sorijiet tal-Karità. Nixtieq nirringrazzja lil Alla, b’mod speċjali għal dawk li llum qed jiċċelebraw il-50 sena bħala sorijiet. Nirringrazzja lil Alla għal kemm għexu tassew din il-missjoni tagħhom b’ħafna mħabba u dedikazzjoni sħiħa.  Magħhom nixtieq nirringrazzja wkoll lill-Kongregazzjoni kollha tas-Sorijiet tal-Karità. Nuri wkoll il-gratitudni tal-Knisja f’Malta għal din ix-xhieda sabiħa ta’ din il-Kongregazzjoni, li tfakkarni fil-kliem li San Pawl qal lil Timotju: “Int, bniedem ta’ Alla, fittex li jkollok il-ġustizzja, it-tjieba, il-fidi, l-imħabba, is-sabar, il-ħlewwa.”

    Nitolbu ħafna llum għal dawn is-sorijiet biex bħalma qed jirringrazzjaw lil Alla ta’ dawn il-50 sena, ikomplu b’dan l-impenn fis-snin li ġejjin. Nitolbu għalina lkoll biex ikollna l-istess sentimenti ta’ Ġesù Kristu li dejjem kellu qalbu miftuħa beraħ għall-ħtiġijiet tal-oħrajn, u fittex li jgħinhom b’ħafna mħabba.

    Għalhekk nistedinkom biex miegħi tgħidu din it-talba – silta qasira ħafna minn talba ħafna itwal, imma li tfisser tassew dak li smajna llum fil-Kelma ta’ Alla. Nixtieq li nitolbuha u ngħixuha f’ħajjitna: “Mulej, għinni biex ma ngħaddix minn ħdejn xi ħadd b’ħarsa indifferenti, b’qalb magħluqa, bil-pass imgħaġġel.”

    ✠ Joseph Galea-Curmi
        Isqof Awżiljarju