Fil-ħajja mgħaġġla li qed ngħixu, ħafna drabi qed nintilfu f’ħafna sigħat twal ta’ xogħol li mhux qed iħalli spazji biex inqattgħu ħin ta’ kwalità mal-familja u l-ħbieb. Iktar u iktar dan hu fattur li mhux qed iħalli ħin għall-persuna biex tidħol ftit fiha nnifisha u ssib dak is-skiet li tant hu importanti biex jagħti s-saħħa sana li għandha bżonn.
F’dawn ir-realtajiet ta’ kuljum, jista’ wkoll inkunu insensittivi għal dak li qed jiġri madwarna, għaI sitwazzjonijiet li jaf għaddejja minnhom ġirien tagħna.
Kemm hu importanti li ngħinu lil ħutna fil-bżonn?
Ilqa’ u ħaddan hi kampanja mnedija mill-ħidma tad-Djakonija fil-parroċċi Maltin li hi kkoordinata mid-Djakonija Unit fi ħdan Caritas Malta. Hi stedina ta’ riflessjoni dwar kif nistgħu nkunu sostenn għal xulxin meta nsibu ruħna fil-bżonn.
Permezz tal-website ilqauhaddan.knisja.mt wieħed jista’ jsib ħin komdu biex jieqaf u jirrifletti fis-skiet. Permezz ta’ filmati u personaġġi varji mill-istorja tal-passjoni naraw kif nistgħu napplikaw dak li għaddew minnu għalina.
Dawn ir-riflessjonijiet, li huma wkoll ideali f’dawn il-ġranet tar-Randan, huma ispirati mill-kliem tal-Papa Franġisku, u juruna kif meta ngħaddu mit-tbatija, nistgħu nifhmu aħjar u allura nkunu nistgħu nagħmlu xi ħaġa dwarha.
Il-parroċċi Maltin flimkien ma’ Caritas Social Work Unit, St Jeanne Antide Foundation, il-Millenium Chapel, is-Segretarjat Assistenza Soċjali, il-Fondazzjoni Sebħ u Paolo Freire Institute, jaħdmu id f’id biex isostnu ’l fuq minn 1,000 familja fil-bżonn fil-komunitajiet tagħna.
Dawn l-għajnuniet jingħataw permezz ta’ ikel misjur għal min mhux f’pożizzjoni li jsajjar għalih innifsu, xirjiet, xiri ta’ mediċini imma fuq kollox sostenn soċjali, ħin ta’ akkompanjament bi professjonisti u voluntiera li jagħtu ħinhom biex jisimgħu u jagħmlu żgur li ħadd ma jħossu minsi jew bla sostenn.
Il-kampanja ilqa’ u ħaddan tistiednek tgħin kif ġej:
- Taqsam l-esperjenza tiegħek jekk diġà involut/a f’ħidma soċjali, forsi tieħu ħsieb lil xi ħadd qarib, jew anki għamilt għażla professjonali biex tgħix ħajja ta’ servizz. L-esperjenza li taqsam magħna se tgħin lil ħaddieħor jisma’ xi tħallilek f’qalbek u kif qed tagħti sens lil ħajtek. (Qatt ma nidentifikaw persuna mingħajr il-kunsens bil-miktub tagħha). Agħmel kuntatt magħna billi tibgħat messaġġ fuq Whatsapp miktub, jew voice message fuq 99251820
- Jekk tixtieq tagħmel ftit sigħat ta’ esperjenza volontarja mal-ħidma tad-djakonija bejn issa u tmiem is-sajf li ġej fil-parroċċi – ħidma ta’ servizz lejn ħutna fil-bżonn. Tista’ tapplika fuq https://djakonija.org/volunteer-application-form/ jew tikkuntattjana fuq Facebook Messenger ta’ LOOP MALTA.
Tista’ wkoll tattendi għal xi laqgħat li qed isiru fil-parroċċi madwar Malta. Għal iktar tagħrif żur https://ilqauhaddan.knisja.mt/laqghat/