L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Illum aħna miġbura flimkien, bħala komunità ta’ fidi, biex nagħtu ġieħ lill-Madonna tal-Grazzja, l-Omm Qaddisa tagħna, f’din l-okkażjoni sabiħa aħna u nibdew is-sena li twassalna biex niċċelebraw il-ħamsa u sebgħin anniversarju mill-inkurunazzjoni tal-kwadru titulari tal-Madonna hawn f’Ħaż-Żabbar – il-kwadru mpitter fl-1715 minn Alessio Erardi. 

It-triq 

Ma nistgħux nifhmu sewwa s-sbuħija tal-lum jekk ma nħarsux lura lejn dak li ġara snin ilu. Kien fl-20 ta’ Lulju 1949 meta l-Papa Piju XII, permezz tas-Sagra Kongregazzjoni tar-Riti, wara talba li saret mil-Kappillan Mons. Ġużeppi Zarb – talba li kienet imsaħħa b’xhieda ta’ grazzji kbar u li kienet tesprimi x-xewqa tal-poplu Żabbari – u bl-approvazzjoni tal-awtoritajiet ekkleżjastiċi, ħareġ id-digriet tal-inkurunazzjoni tal-kwadru tal-Madonna tal-Grazzja b’kuruna ta’ deheb bħala sinjal tal-kult u d-devozzjoni antika lejha.

Nikkwota minn dan id-digriet: “Il-qima tal-Maltin lejn din l-Omm tal-Grazzja qatt ma waqfet. Anke llum, bħal fl-imgħoddi, ma jaqtgħu qatt il-fidili li jiġu minn kull naħa tal-gżira jew biex jitolbuha l-grazzji, jew biex jirringrazzjawha għall-grazzji maqlugħa bħalma jidher ċar mill-ħafna oġġetti prezzjużi mogħtijin b’wegħda u li jinsabu fis-Santwarju tagħha, biċċa minnhom mogħtijin mill-kavallieri ta’ San Ġwann”.

Din kienet ġrajja unika u qaddisa għall-belt ta’ Ħaż Żabbar, li għal sekli sħaħ kienet diġà magħrufa bħala “il-Belt tal-Madonna”. Meta ġie mħabbar dan id-digriet f’Ħadd in-Nies tal-1950, iż-Żabbarin u l-Maltin kollha ferħu ħafna. Il-preparamenti kienu twal u solenni. Il-poplu Żabbari, minkejja l-faqar u l-ġrieħi tal-gwerra li kien għadu kemm għadda minnhom, ta kollox biex jagħti unur lill-Omm Qaddisa. Għalhekk saru, dak iż-żmien, ġimgħat ta’ talb, u purċissjonijiet solenni. 

Il-ġurnata

Meta waslet il-ġurnata tal-inkurunazzjoni, it-2 ta’ Settembru 1951, il-Knisja Parrokkjali kienet mimlija dawl u fwieħa ta’ fjuri. Dak il-Ħadd, Ħaż-Żabbar inbidel f’baħar ta’ nies. Minn kull rokna ta’ Malta nġabru eluf ta’ pellegrini. Kien għadu żmien ta’ fejqan wara l-ħerba tal-Gwerra Dinjija, meta ħafna familji kienu tilfu djarhom, il-maħbubin tagħhom, u l-paċi tagħhom. Għalhekk, l-inkurunazzjoni kienet ukoll att ta’ ringrazzjament lil Marija li ħarset lil Malta u lil Ħaż Żabbar matul il-ġranet mudlama tal-gwerra.

L-Arċisqof Mikiel Gonzi, flimkien ma’ numru ta’ isqfijiet, mexxa l-quddiesa pontifikali solenni. F’nofs il-funzjoni, tqiegħdet il-kuruna fuq ras il-Madonna u mbagħad fuq ras Ġesù Bambin. Il-qanpiena tat-tempju ħabbtet b’saħħitha, il-kor intona innijiet lill-Madonna, u l-folla kollha kellha dmugħ ta’ ferħ. 

Din l-inkurunazzjoni ma kinitx sempliċi ċerimonja esterna. Kienet ukoll għarfien ta’ identità: li Ħaż-Żabbar hu l-belt li, minn dejjem, għexet u kienet protetta taħt il-mant tal-Madonna tal-Grazzja.

Din tal-lum hija okkażjoni ta’ tifkira u ta’ ringrazzjament, mhux biss għal dak li ġara snin ilu meta l-poplu tagħna, flimkien mal-Knisja, għaraf il-qawwa u l-ġmiel tal-Omm ta’ Alla, imma wkoll għal dak kollu li intom għextu bħala komunità matul dawn is-snin kollha taħt il-ħarsa materna tagħha.

Meta l-kwadru tal-Madonna ġie inkurunat, il-Knisja kienet qed tagħraf b’mod solenni kemm il-poplu jħoss qrib tiegħu lill-Omm ta’ Ġesù. L-inkurunazzjoni hija frott ta’ mħabba kbira li ilha sekli f’din l-art. Hawn f’Ħaż-Żabbar, il-kwadru tal-Madonna tal-Grazzja ilu għal żmien twil jispira devozzjoni, tama, u talb, speċjalment f’mumenti ta’ diffikultà u ta’ periklu. Il-kuruna li tqiegħdet fuq rasha 74 sena ilu mhijiex biss ġojjell; hija simbolu tal-fidi u tas-sagrifiċċji tal-poplu li dejjem ħares lejha bħala l-għajnuna tiegħu. Kien għalhekk li ħamsin sena wara l-inkurunazzjoni, il-kwadru ġie mżejjen bi tnax-il stilla tad-deheb imqegħdin mill-Arċisqof Ġużeppi Mercieca.

Ommna li tifhem u tgħin

Il-Madonna tal-Grazzja ma għandhiex tibqa’ biss figura fl-istorja jew xbieha fil-kwadru. Hi Omm ħajja, preżenti u qrib tagħna. Insejħulha “tal-Grazzja” għax hija dik li toffrilna, dejjem u f’kull żmien, il-grazzja ta’ Binha Ġesù. Dan f’kull waqt tal-ħajja tagħna, imma speċjalment meta nkunu maħkuma mid-diffikultajiet tal-ħajja – mill-mard, mit-tbatija, mill-qtigħ il-qalb – nersqu lejha b’fiduċja, u hi qatt ma tonqos milli tinterċedi għalina.

Matul dawn is-snin, kemm-il darba l-poplu Żabbari ħass il-ħarsien tagħha. Kemm familji sabu faraġ quddiem il-kwadru tagħha! Kemm ġenerazzjonijiet raw fiha l-ispirazzjoni biex jibqgħu mexjin fit-triq tal-fidi! Illum, aħna wkoll niġu b’umiltà u gratitudni biex ngħidu: “Grazzi, Omm tal-Grazzja, għax inti dejjem kont magħna.”

Ħarsa lejn il-ġejjieni

Imma dan l-anniversarju mhuwiex biss ħarsa lura. Inħarsu wkoll ’il quddiem. Dan l-anniversarju huwa wkoll sejħa għall-futur. Marija qed tistedinna ngħixu fil-grazzja, mhux nitkellmu biss dwarha. Inħalluha tmiss qalbna u tibdilna ħajjitna għall-aħjar.

Illum Marija tistedinna nxerrdu l-paċi. Bħalma hi kienet sinjal ta’ ringrazzjament wara l-gwerra, illum aħna nressqu x-xewqa tagħna għall-paċi bejnietna, u għall-paċi fid-dinja, speċjalment f’tant pajjiżi mifnija mill-konflitti u l-ġlied jew li huma vittmi tal-agressjoni. Smajna, fl-Ewwel Qari, lil Ester tidħol għall-poplu Lhudi biex il-poplu Lhudi ma jinqeridx. Hija talba li tkompli tul is-snin għall-poplu Lhudi, li kien vittma ta’ tant tbatijiet; imma hija talba wkoll biex min sofra tant ma joħloqx vittmi hu, bħalma qed jiġri issa f’Gaża – tant nies li huma vittmi tal-agressjoni u tal-vjolenza, vittmi innoċenti.

Illum Marija qed tistedinna biex inġeddu l-wegħda tagħna ta’ wlied li jridu jimxu wara Binha, Ġesù Kristu. Smajna fl-Evanġelju lil Marija tagħti dak il-parir li hu l-aħħar kliem li hemm tagħha fl-Evanġelju, u li hu l-parir importanti li tagħtina: “Agħmlu kulma jgħidilkom hu” (Ġw 2:5) – kulma jgħidilna Ġesù. F’soċjetà li xi drabi tinjora jew tinsa l-valuri tal-fidi, aħna msejħin biex inkunu xhieda ħajjin tal-Evanġelju, billi nagħmlu dak li jgħidilna Ġesù. Hekk kif Marija qalet “Iva” fil-bidu tal-ħidma tal-fidwa, hekk ukoll aħna rridu ngħidu “Iva” lil Alla fil-ħajja ta’ kuljum tagħna.

Għalhekk, iċ-ċelebrazzjoni mhix biss ta’ kuruna fuq kwadru, imma l-kuruna tal-imħabba tagħna lejn Ommna Marija. Waqt li se niċċelebraw il-ħamsa u sebgħin sena mill-inkurunazzjoni, ejjew nifhmu li kull kuruna, kull festa, kull ċelebrazzjoni, issib it-tifsira tagħha fil-mument li aħna ngħidu “Iva, Omm tagħna, irridu nimxu wara Ibnek Ġesù”. U hekk il-festa tal-lum issir ġrajja ħajja u kontinwa. 

Nitlob lil Alla biex il-ġmiel ta’ din iċ-ċelebrazzjoni jkompli jsaħħaħ il-fidi ta’ kulħadd, u biex il-Madonna tal-Grazzja tkompli tkun għalina l-kenn u l-protezzjoni tagħna. Nixtieq illum, f’din l-okkażjoni, nagħmlilha din it-talba:

Talba

O Madonna tal-Grazzja, Omm u Sultana inkurunata ta’ Ħaż Żabbar, illum nerġgħu nqiegħdu taħt il-ħarsien tiegħek il-familji tagħna, speċjalment it-tfal tagħna, l-adolexxenti, iż-żgħażagħ tagħna, l-anzjani tagħna, il-morda, u l-fqar. Żommna taħt il-mant tiegħek. Ipproteġina minn kull deni, żommna magħqudin bħala komunità, u wassalna dejjem lejn qalb Ibnek, Ġesù Kristu. Ħalli l-fidi tagħna, bħal dik tal-antenati tagħna, tibqa’ ħajja u sħiħa għal ġenerazzjonijiet li ġejjin.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta