Nhar is‑Sibt 23 u l‑Ħadd 24 ta’ Lulju 2022 il‑pubbliku hu mistieden jattendi għal open weekend fil‑Kurja tal‑Arċisqof fil‑Furjana. Din hi t‑tieni darba li qed issir open weekend tal‑Kurja, magħrufa wkoll bħala ‘Casa Manresa’. Id‑dettalji tħabbru dalgħodu waqt konferenza tal‑aħbarijiet indirizzata minn Michael Pace Ross, is‑Segretarju Amministrattiv tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta, fil‑preżenza tal‑Isqof Awżiljarju Joseph Galea‑Curmi, fil‑Kurja tal‑Arċisqof stess.
Waqt il‑jumejn tal‑open weekend il‑viżitaturi jistgħu jgħaddu minn kurituri mżewqa b’diversi opri tal‑arti u arkitettura, iżuru x‑xogħol artistiku tas‑sala tar‑refettorju u jipparteċipaw f’diversi taħditiet informattivi dwar l‑istorja tal‑binja, il‑proġetti ta’ restawr li qed isiru mill‑Knisja, kif ukoll dwar kif jiġu arkivjati diġitalment dokumenti storiċi.
Is‑Segretarju Amministrattiv qal li għall‑ewwel darba l‑pubbliku se jkun jista’ jinżel fil‑kripta li tmur lura 280 sena, u li tinsab taħt il‑bini tal‑Kurja. Spjega wkoll li matul dawn il‑jumejn se jkun hemm għaddejja erba’ esibizzjonijiet: wirja b’dokumenti storiċi Maltin waqt il‑pontifikat tal‑Papa Piju XII, wirja dwar il‑Beatu Nazju Falzon, filwaqt li fl‑ewwel sular se jkunu esebiti 15‑il pittura tal‑artist Malti Joseph Calleja kif ukoll diversi oġġetti u filmati marbuta mal‑erba’ żjarat f’Malta mill‑Papiet fis‑snin li għaddew. Il‑viżitaturi se jiltaqgħu ma’ għadd ta’ entitajiet tal‑Knisja li se jkunu qed jispjegaw dwar il‑ħidma pastorali tagħhom fis‑soċjetà. Fost l‑oħrajn se jkun hemm id‑Dar tal‑Providenza, Caritas Malta, Fondazzjoni Sebħ, il‑Kummissjoni Migranti u d‑Djar tal‑Knisja għall‑Anzjani. It‑tfal jistgħu jipparteċipaw ukoll fi kwiżż marbut mal‑istorja ta’ Casa Manresa u mal‑istorja tal‑Knisja Kattolika.
Il‑Ħadd, festa ta’ San Kalċidonju, l‑Arċisqof Charles Scicluna se jiċċelebra quddiesa mill‑kappella tal‑Kurja ddedikata lill‑Madonna ta’ Manresa fejn jinsabu r‑relikwi ta’ San Kalċidonju. Kulħadd imħeġġeġ jattendi u l‑quddiesa se tixxandar fid‑9:30am fuq TVM, Knisja.mt u Newsbook.com.mt. Wara, l‑Arċisqof se jkun qed jiffirma l‑ktieb ‘Luminous Kindness’, il‑pubblikazzjoni uffiċjali bir‑ritratti u d-diskorsi tal‑Vjaġġ Appostoliku tal‑Papa Franġisku f’Malta li se jkun ukoll għall‑bejgħ waqt l‑open weekend.
Fil‑bitħa ċentrali tal‑Kurja, minbarra l‑mużika live, il‑viżitaturi se jkunu jistgħu jaraw uħud mit‑tpinġijiet bit‑tema ‘Ilkoll Aħwa’ li studenti Maltin minn diversi skejjel tal‑Istat, tal‑Knisja u Indipendenti ħejjew bi preparazzjoni għall‑miġja tal‑Papa Franġisku f’Malta f’April li għadda. Fil‑fatt, preżenti għall‑konferenza tal‑lum kien hemm ukoll rappreżentanti tal‑iskejjel u l‑Isqof Awżiljarju Joseph Galea‑Curmi ppreżentalhom kopja tal‑ktieb li fih l‑espressjonijiet artistiċi tal‑istudenti stess.
L‑Isqof Joseph Galea-Curmi rringrazzja lil dawk kollha li kellhom sehem fl‑organizzazzjoni tal‑inizjattiva ‘Ilkoll Aħwa’, bi tħejjija għaż‑żjara tal‑Papa Franġisku, fosthom l‑istudenti minn 65 skejjel rappreżentati fil‑konferenza tal‑lum. Hu qal li l‑messaġġ ‘Ilkoll Aħwa’ hu dak li l‑Papa Franġisku jrid iwassal b’qawwa, u speċjalment bl‑enċiklika tiegħu b’dan it‑titlu. Hu faħħar il‑kreattività tal‑istudenti li b’modi artistiċi differenti wasslu dan il‑messaġġ. Qal li huwa sewwasew fl‑iskejjel fejn l‑istudenti jistgħu jikbru f’din il‑mentalitàli aħna lkoll aħwa, ulied l‑istess Missier.
Casa della Madonna di Manresa hi parti integrali mill‑istorja reliġjuża u soċjali ta’ Malta. Inbniet f’nofs is‑seklu 18 mill‑Ordni Ġiżwita bħala dar għall‑irtiri u baqgħet tintuża mill‑patrijiet għal 17‑il sena. Meta l‑Ġiżwiti ġew lura Malta fl‑1860, Casa Manresa għamlet seba’ snin tintuża bħala l‑kurja provinċjali tal‑Provinċja ta’ Sqallija. Il‑binja baqgħet tintuża mill‑Ġiżwiti sal‑1918. Mill‑1858 sal‑1910 u mill‑1921 sal‑1977 serviet bħala s‑seminarju djoċesan. Preżentament, il‑Kurja tal‑Arċisqof tintuża għall‑amministrazzjoni ċentrali tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta.
Il‑Kurja tal‑Arċisqof se tkun miftuħa għall‑pubbliku s‑Sibt 23 ta’ Lulju mill‑5pm sal‑10pm, u l‑Ħadd 24 ta’ Lulju mit‑8:30am san‑12:30pm u mill‑5pm sat‑8:30pm.Il‑programm tal‑open weekend jinsab fuq knisja.mt.
Id‑dħul huwa b’xejn. Donazzjonijiet b’risq The Archbishop’s Charity Fund huma apprezzati.