L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Mingħajr xi parabbola ma kienx ikellimhom” (Mt 13:34). Dan hu li naqraw illum fl-Evanġelju skont San Mattew, fejn insibu lil Ġesù jgħid tliet parabboli differenti, li għandhom ħafna x’jgħidulna għall-ħajja tagħna. Nistedinkom biex inħarsu lejn xi punti li joħorġu b’mod ċar ħafna minn din il-Kelma ta’ Alla.
Niddistingwu t-tajjeb mill-ħażin
Il-parabbola li jirrakkonta Ġesù tal-qamħ u s-sikrana turina li fil-ħajja tagħna jeżisti t-tajjeb u jeżisti l-ħażin. Din hi t-tifsira tal-għalqa fejn inżergħet żerriegħa tajba, imma mbagħad maż-żmien kibret ukoll is-sikrana li żera’ xi ħadd ieħor – l-għadu.
Ġesù jurina li hi realtà tal-ħajja li jeżistu t-tajjeb u l-ħażin. Dan diġà hu messaġġ attwali ħafna, għax ifisser li mhux aħna li sempliċiment insejħu xi ħaġa tajba jew ħażina skont il-gosti tagħna, skont dak li fil-mument jogħġobna, qisu minna jiddependi ħaġa nsejħulhiex tajjeb jew ħażin. Hawn min il-ħażin isejjaħlu “stil ta’ ħajja”, imma fil-fatt jibqa’ ħażin. Hawn ħażin li jidentifika ruħu bħala tajjeb, imma fil-fatt jibqa’ ħażin.
Mhux dejjem faċli li niddistingwu, u jista’ jiġri li nitqarrqu. Għalhekk Ġesù jurina li neħtieġu l-għaqal u l-għerf li jagħtina hu, flimkien mal-qawwa tiegħu, biex nagħrfu niddistingwu t-tajjeb mill-ħażin, dak li jagħmel ġid minn dak li jagħmel ħsara, dak li jogħġob lil Alla minn dak li joffendih.
Ir-responsabbiltà tagħna
Fl-istess parabbola tal-qamħ u s-sikrana, għandna b’mod ċar lil sid il-għalqa li jgħid li jasal il-mument tal-ħsad, il-mument tal-ġudizzju. Dan hu messaġġ ieħor ta’ siwi kbir għalina.
Il-ġudizzju għad jasal, u hemm inkunu aħna – kull wieħed u waħda minna – quddiem Alla, u lilu rridu nwieġbu għal dak li nagħmlu f’ħajjitna.
Quddiem Alla, ma nistgħux nirraġunaw u ngħidulu “mhux kulħadd hekk jagħmel!” jew inkella ngħidulu “għax ma tarax x’jagħmel ħaddieħor?” Hemmhekk huwa aħna li rridu nwieġbu għall-għemil tagħna.
Dan il-ħsieb m’għandux joħloq fina biża’, jekk aħna nfittxu bis-serjetà dak li jrid Alla u dak li jogħġob lilu, u nħallu ħajjitna timtela bl-imħabba u bil-ħniena tiegħu. Huwa ħsieb li jgħinna ħafna fl-għażliet tal-ħajja tagħna, għax nagħrfu li l-ewwel responsabbiltà hija lejn il-Mulej. F’li nagħmlu rridu nfittxu lilu qabel kollox, u li nogħġbu lilu. Ma nħallu lil ħadd jidħol bejnha u bejnu.
Il-ġudizzju f’idejh
Hemm messaġġ ieħor importanti ħafna għall-ħajja tagħna. Fil-parabbola tal-qamħ u s-sikrana, hemm il-mument meta l-qaddejja jistaqsu lil sid il-għalqa kif tfaċċat is-sikrana meta hu żergħa żerriegħa tajba, u meta s-sid jgħidilhom li dik kienet biċċa xogħol tal-għadu, jistaqsuh jekk iridx li jmorru jiġbruha. Imma hu jweġibhom: “Le, għax intom u tiġbru s-sikrana, għandkom mnejn taqilgħu magħha l-qamħ ukoll” (Mt 13:29).
Is-sid ma riedx li l-qaddejja jmorru jqaċċtu s-sikrana, imma ried li jħalluhom jikbru t-tnejn – il-qamħ u s-sikrana – sa jum il-ħsad.
Ġesù qed ifakkarna li l-ġudizzju tal-persuni, ta’ kif inhuma quddiem Alla, mhuwiex f’idejna imma f’idejh. Jurina bl-iżball li nistgħu nagħmlu li mal-ħażin jeħel it-tajjeb, u nqaċċtu barra t-tnejn li huma – ħażin u tajjeb. Kemm għandu raġun! Ħa nsemmilkom eżempju. Nisimgħu b’qassis li jkun għamel xi ħaġa ħażina, u jkun hemm min jgħid: “Dawk kollha hekk il-qassisin!” Ma’ wieħed li jagħmel il-ħażin, jeħlu dawk kollu li qed jagħmlu l-ġid. Ara kemm hu realistiku l-kliem ta’ Ġesù, u dan nistgħu narawh fil-ħajja tagħna għax sikwit ikun hemm min bil-ħeġġa biex iqaċċat dak li hu ħażin, iqaċċat it-tajjeb ukoll.
Għalhekk, il-Mulej ma jridx li aħna nieħdu f’idejna l-missjoni li niġġudikaw il-persuni, imma din irid li nħalluha f’idejh.
It-tajjeb jikber fis-skiet
Minna l-Mulej irid ħaġa oħra, u dan hu mfisser tajjeb ħafna fiż-żewġ parabboli l-oħra li Ġesù jgħid fl-Evanġelju llum. Minna jrid li nagħmlu l-ġid, u nagħmluh fis-skiet u fil-kwiet imma b’mod effettiv.
Ġesù jgħid li hekk tikber is-saltna ta’ Alla. Juża x-xbieha taż-żerriegħa tal-mustarda, li meta taraha waħedha hija verament żgħira imma li għandha fiha l-kapaċità li f’ambjent tajjeb tikber ħafna u ssir siġra li “l-għasafar tal-ajru jiġu jbejtu fil-friegħi tagħha” (Mt 13:32). Isemmi wkoll ix-xbieha ta’ “ftit ħmira” (Mt 13:33) li meta mħallta mad-dqiq isservi biex togħla l-għaġna kollha. Ġesù jenfasizza dak li hu ċkejken, dak li waħdu jidher insinifikanti, imma li jista’ jagħmel ħafna ġid u jħalli ħafna frott.
Hekk hi l-ħidma tagħna fis-saltna ta’ Alla, u għal dan isejħilna Ġesù: biex naħdmu mhux b’xi mod li joħloq spettaklu jew li jagħmel ħafna storbju, mhux b’mod li aħna nkunu fiċ-ċentru tal-attenzjoni, imma fil-kwiet u fis-skiet u b’mod effettiv – u hekk isir ħafna ġid. Dan nistgħu narawh fil-ħajja tagħna, per eżempju, fil-ħajja tal-familji fejn isir tant ġid bil-ħidma ta’ diversi, magħmula fis-skiet u b’ħafna mħabba.
Nitolbu lill-Mulej illum biex din il-kelma tiegħu tkompli tkun ta’ ispirazzjoni għall-ħajja tagħna ta’ kuljum. Jgħinna speċjalment biex nagħrfu nagħżlu t-tajjeb mill-ħażin, niftakru li lilu rridu nagħtu kont ta’ għemilna, u filwaqt li nħallu l-ġudizzju tal-persuni f’idejh, infittxu li nkunu ħaddiema fis-saltna tiegħu b’kontribut żgħir imma effettiv.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta
Phoito: Pixabay