L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Ħa nibda bit-talba li l-Papa Franġisku għamel fil-grotta ta’ San Pawl, ir-Rabat. Il-Papa mar hemmhekk biex jagħti qima lil San Pawl. Niżel fil-grotta, u hemm ma għamilx diskorsi imma qagħad għal ftit ħin fis-skiet u għamel talba sabiħa ħafna. Fiha qal hekk fuq dak li għamlu l-Maltin fil-ġrajja tan-Nawfraġju: “Qabbdu ħuġġieġa kbira, biex jinxfu u jisħnu. Laqgħuhom b’qalb miftuħa u, flimkien ma’ Publiju, l-ewwel fit-tmexxija u fil-ħniena, sabulhom fejn joqogħdu.” Dan kien il-kliem tal-Papa fit-talba li għamel fil-grotta ta’ San Pawl.
Iktar tard fl-istess jum, fl-indirizz tiegħu lill-Papa fi tmiem il-quddiesa, l-Arċisqof Scicluna qal hekk: “Fl-ewwel seklu wara l-Qawmien ta’ Ġesù, din l-art tagħna, bil-grazzja ta’ Alla, kellha x-xorti kbira li tilqa’ d-dawl tal-Evanġelju bil-preżenza tal-Appostlu Pawlu, li Publiju, il-protos (il-prinċep) tal-gżira u l-Maltin laqgħu flimkien mal-mitejn u ħamsa u sebgħin persuni oħra, u laqgħuhom ‘bi ħlewwa liema bħalha’”. U proprju meta semma lil Publiju diversi nies preżenti bdew iċapċpu.
Għaliex dawn iż-żewġ referenzi huma importanti għalina? Għax jgħidulna l-essenzjal fuq San Publiju, li għandna bżonn nerġgħu nisimgħu fil-festa tiegħu.
Publiju – l-ewwel fit-tmexxija u fil-ħniena
Fi kliem il-Papa, San Publiju huwa “l-ewwel fit-tmexxija u fil-ħniena”. Il-kelma “protos” li l-Arċisqof jenfasizza turih l-ewwel. Kien hu l-prinċep tal-gżira, l-awtorità, u r-refa’ r-responsabbiltà li kellu dak inhar meta tfaċċaw dawn in-nies f’Malta wara n-nawfraġju tal-ġifen. Publiju kien l-ewwel, imma mhux biex jaħkem imma biex iservi. Huwa hu li jissemma fl-Atti tal-Appostli li laqa’ għandu lil Pawlu u lil sħabu. Fil-mument ta’ bżonn, in-nies li kienu għaddew minn dik l-esperjenza verament iebsa sabu lilu jilqagħhom u jagħtihom dak li kienu jeħtieġu.
Il-Papa jgħid fit-talba: “Ma kienx hemm ħin għad-diskussjonijiet, għall-ġudizzji, għall-analiżi jew il-kalkoli: kien il-mument li jagħtu l-għajnuna; ħallew dak li kienu qed jagħmlu u hekk għamlu.” Taw l-għajnuna.
Publiju – l-ewwel biex jipproteġi l-ħajja
Publiju kien l-ewwel biex salva l-ħajja. Għen biex tkun salvata l-ħajja ta’ dawk in-nies kollha. Għal Publiju, il-ħajja umana kienet għażiża, u kull ħajja umana. Mhux biss tan-nies li kienu jgħixu Malta, imma wkoll ta’ dawk li spiċċaw hawn wara dik il-maltempata.
Dak li għamel Publiju l-mexxej hu messaġġ qawwi għal min għandu l-awtorità u għalina lkoll biex qatt ma ninsew li l-ħajja tal-bniedem, ta’ kull bniedem, hi prezzjuża. Meta ngħid “ta’ kull bniedem”, qed ngħid ta’ kull Malti u Maltija; qed ngħid ta’ dawk li jgħixu l-Ukrajna u kontinwament naraw tant vittmi minħabba l-invażjoni tal-pajjiż; imma wkoll qed ngħid għal min qiegħed mitluf fil-baħar Mediterran, u ta’ min qiegħed f’riskju li jispiċċa f’kamp ta’ tortura hu u jfittex il-kenn. Qed ngħid ukoll il-ħajja ta’ kull min tnissel u għadu ma twelidx, għax hemm ukoll għandna ħajja umana li trid tiġi salvata u ma għandhiex din il-ħajja umana li bdiet u li għadha ma twelditx tiġi skartata. Publiju tal-lum irid jagħti eżempju li dil-ħajja umana ma għandha qatt tinqered imma għandha tkun protetta. Publiju jfakkarna li din hija sfida kbira għalina l-Maltin illum. Dan hu d-dawl li jiġġieled id-dlam: kemm aħna nkunu qed nirsistu tassew biex nipproteġu l-ħajja umana, il-ħajja ta’ kull bniedem.
Publiju: l-ewwel f’li juri ħlewwa liema bħalha
Ħa nikkwota mit-talba tal-Papa Franġisku: “Meħlusa mill-għarqa, San Pawl u sħabu tal-vjaġġ sabu jilqgħuhom hawnhekk nies pagani ta’ qalb tajba, li ġabu ruħhom magħhom bi ħlewwa liema bħalha, għax intebħu li kellhom bżonn ta’ kenn, ta’ sigurtà u ta’ għajnuna. Ħadd ma kien jaf isimhom, mnejn ġejjin jew il-qagħda soċjali tagħhom; kien jafu biss ħaġa waħda: li dawn kellhom bżonn l-għajnuna”.
Din l-attitudni hi enfasizzata f’Publiju li l-Atti tal-Appostli jgħid fuqu: “Dan laqagħna u bil-qalb kollha żammna għandu tlett ijiem”. Publiju kien għadu ma semax il-kliem li smajna fl-Evanġelju tal-lum skont San Mattew Kapitlu 25, li kellu jħabbar Pawlu aktar tard; imma diġà kellu d-disponibiltà li jgħixu dal-kliem bl-attitudni sabiħa li jilqa’ bil-qalb.
Il-Papa Franġisku qal hekk f’dik it-talba sabiħa: “Missier twajjeb, agħtina l-grazzja ta’ qalb tajba li tħabbat bl-imħabba għall-aħwa. Għinna nagħrfu mill-bogħod il-ħtiġijiet ta’ dawk li qed jissaraw qalb l-imwieġ tal-baħar, mibżuqa fuq il-blat ta’ xatt li ma jafuhx. Agħmel li l-ħniena tagħna ma tintilifx fi kliem vojt, imma tkebbes il-ħuġġieġa tal-akkoljenza, li tnessi l-maltemp, issaħħan il-qlub u tgħaqqadhom: il-ħuġġieġa tad-dar mibnija fuq il-blat, tal-familja waħda ta’ wliedek, ilkoll aħwa.”
Għalhekk illum niċċelebraw lil dan Publiju li hu l-ewwel fit-tmexxija u l-ħniena, l-ewwel biex jipproteġi l-ħajja, u l-ewwel biex juri ħlewwa liema bħalha. Dan hu l-messaġġ li nixtieq li lkoll inżommu f’qalbna, b’talba biex l-eżempju ta’ Publiju jkompli jkun ta’ ispirazzjoni kontinwa għalina lkoll.
Nixtieq nagħmel appell biex inkomplu ngħożżu lil Publiju u nsegwu l-eżempju tiegħu. Aħna kuljum, wara r-rużarju reċitat mill-kappella tal-Kurja, insellmu lil San Publiju flimkien ma’ San Pawl. Huma mijiet ta’ drabi f’dawn is-sentejn mill-bidu tat-trasmissjonijiet tal-quddiesa. Imma l-aktar importanti mhuwiex id-drabi li jissemma Publiju, imma kemm aħna nkunu lesti li nsegwu l-eżempju tiegħu u nħalluh ikun ta’ ispirazzjoni verament qawwija għal ħajjitna.
Ħa nagħmlu llum din it-talba lil Publiju, l-iben dehen ta’ Malta: Publiju mqaddes u ħanin, ħares dejjem lill-Maltin!
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju