L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Inġeddu kollox fi Kristu”. Dan kien il-motto li għażel il-Papa San Piju X meta kien elett Papa, u f’dan il-kliem hemm miġbur ukoll dak li ħadem għalih tul ħajtu, u dak li hu ta’ ispirazzjoni għalina llum meta qed niċċelebraw il-festa tiegħu – u, speċjalment, f’għeluq il-ħamsin sena mit-tberik ta’ din il-knisja ddedikata lilu, u t-30 sena mill-konsagrazzjoni tagħha.

Għeruq

Giuseppe Sarto, għax hekk kien jismu l-Papa Piju X, kien ġej minn familja kbira ta’ għaxart aħwa. Il-ġenituri tiegħu kienu mill-Polonja u emigraw lejn l-Italja. Kienet familja fqira, imma fiha kien hemm tassew l-ispirtu ta’ mħabba.

Din l-esperjenza tal-familja għenitu ħafna f’ħajtu, u tista’ tgħid li kien fejn kien fil-ħidma tiegħu tul is-snin – bħala saċerdot f’parroċċa, kappillan, fil-ħidma fil-Kurja, fis-Seminarju Djoċesan, bħala Isqof ta’ Mantova, Kardinal ta’ Venezja u eventwalment Papa, qatt ma nesa l-orġini tiegħu u dejjem baqa’ jgħix dawk il-valuri sbieħ Evanġeliċi tal-ħajja sempliċi u umli, u ta’ sensibilità lejn dawk li huma fil-bżonn.

Riformi

Meta sar papa, fittex li jagħmel diversi riformi fil-ħajja tal-Knisja, li wħud minnhom baqgħu jissemmew. Ta attenzjoni kbira lil-Liturġija, b’mod speċjali bir-riforma fil-mużika sagra. Ħadem għat-tfassil tal-Kodiċi tad-Dritt Kanoniku – il-Liġi universali tal-Knisja – u dal-Kodiċi mbagħad kellu jkun ippromulgat mis-suċċessur tiegħu. Ħejja wkoll it-test tal-Katekiżmu għad-djoċesi ta’ Ruma, li kien diġà ħadem fuqu snin qabel, biex jgħallem il-veritajiet tal-fidi b’lingwaġġ ċar u li jinftiehem, u dan baqa’ magħruf bħala ‘Il-Katekiżmu ta’ Piju X’. Kien hu wkoll li waqqaf l-Istitut Pontifiċju Bibliku għall-istudji fl-Iskrittura.

[Il-Papa San Piju X] qatt ma għamel bih il-poter, qatt ma għamlu bih il-pompa u l-unuri, ma fittixx lilu nnifsu jew li jaġevola lill-qraba u l-ħbieb tiegħu

Baqa’ msemmi b’mod partikulari għar-riforma li għamel fejn tidħol l-ewwel tqarbina, li sa żmienu kienet issir f’età ikbar, u hu ried li t-tfal ta’ seba’ snin ikunu jistgħu jirċievu lil Ġesù Ewkaristija. L-iskop tal-Papa Piju X kien li t-tfal jersqu sa minn età żgħira biex ikunu qrib Ġesù, u jistgħu jirċevuh ġewwa fihom. Ried ukoll li t-tqarbin ma jkunx xi ħaġa rari, imma li ta’ spiss wieħed ikun jista’ jirċievi lil Ġesù Ewkaristija.

Uġigħ

Papa Piju X fittex ukoll li jipproteġi t-tagħlim Kattoliku u għamel ħiltu biex il-Knisja, fit-tagħlim tagħha, ma tkunx imċappsa b’dak li jtellfilha l-identità tagħha. Kien ukoll konxju tal-problemi serji soċjali, politiċi u ekonomiċi ta’ żmienu. Ħadem ħafna wkoll għall-paċi, u għamel appell imqanqal, minħabba t-theddida tal-Ewwel Gwerra Dinjija, ftit ġranet qabel ma miet – appell li kien karba ta’ wġigħ il-qalb ta’ missier. Miet fl-1914 ftit wara l-bidu ta’ din il-gwerra – tista’ tgħid li hu kien wieħed mill-ewwel vittmi ta’ din il-gwerra.

X’jgħallimna San Piju X illum li qed ngħixu f’dinja tant differenti bl-iżviluppi li saru, imma fl-istess waqt dinja li għandha sfidi qawwija bħal fi żmienu? Insemmi xi punti ta’ ispirazzjoni.

Valuri

L-ewwel nett, kien papa li baqa’ jgħix il-valuri sbieħ tal-Evanġelju f’ħajja ta’ sempliċità, ta’ faqar, ta’ mħabba, ta’ attenzjoni lejn min hu batut – ħajja b’valuri li trabba fihom meta kien żgħir. Qatt ma għamel bih il-poter, qatt ma għamlu bih il-pompa u l-unuri, ma fittixx lilu nnifsu jew li jaġevola lill-qraba u l-ħbieb tiegħu. Dan hu messaġġ tant importanti għalina llum, kif qed iħeġġiġna wkoll il-Papa Franġisku, li dejjem immorru lura għall-għeruq tagħna fil-valuri tal-Evanġelju.

Jekk nagħmlu mill-ħidma pastorali tagħna mezz għall-gwadann tagħna, jew biex nidhru aħna, ma jkunx jista’ jidher Kristu li għandu jkun il-protagonista.

Għalhekk jgħodd ħafna għalina l-motto ta’ Piju X “inġeddu kollox fi Kristu”. Kull tip ta’ tiġdid irid ikollu l-għeruq tiegħu fi Kristu u fl-ispirtu tiegħu, u jkun frott tal-għaqda personali miegħu. Irid ikun frott tal-imħabba lejh, kif smajna fl-Evanġelju meta Ġesù jistaqsi lil Pietru “Tħobbni?” għal tliet darbiet, u meta dan jistqarr li jħobbu, jgħidlu “Irgħa l-ħrief…in-ngħaġ tiegħi”. Għalhekk it-tiġdid hu frott ta’ din l-imħabba lejn Kristu. Jekk nippruvaw inġeddu kollox kif jgħidilna moħħna biss, mingħajr din l-għaqda ma’ Kristu, aktarx inkunu qed nirriċiklaw xi ħaġa li qalbna marbuta magħha.

Tfal

Nixtieq insemmi wkoll ir-riforma li għamel il-Papa Piju X dwar l-ewwel tqarbina, u minnha nieħu dan l-ispunt: kemm hu importanti li t-tfal iż-żgħar iħossu li posthom hu fil-Knisja bħala komunità, u fil-knisja wkoll bħala l-post fejn niltaqgħu flimkien! Kultant ikun hemm l-idea li t-tfal iż-żgħar, jekk jiġu jtellfu lill-oħrajn; u għalhekk ikun hemm min tiġih it-tentazzjoni li jgħidilhom jibqgħu barra mill-knisja jew ma jiġux. Ħażin!

Jekk nagħmlu mill-ħidma pastorali tagħna mezz għall-gwadann tagħna, jew biex nidhru aħna, ma jkunx jista’ jidher Kristu li għandu jkun il-protagonista.

It-tfal posthom hawn, il-preżenza tagħhom hi sinjal ta’ ħajja ġdida. Hu aħna li rridu nadattaw ruħna għalihom. Jalla t-tfal iż-żgħar jidraw jipparteċipaw mindu żgħar, u jħossu li għandhom x’joffru mindu għadhom żgħar.

Djalogu

Il-Papa Piju X kien ukoll konxju ħafna mhux biss ta’ dak li kien meħteġ jinbidel internament fil-Knisja imma wkoll ta’ dak li kien qed jiġri fis-soċjetà fi żmienu. Ir-reazzjoni tiegħu kienet frott il-mentalità taż-żmien, u kienet ispirata mis-sensibilità għal dawk li kienu qed ibatu minħabba l-problemi taż-żmien.

Naturalment, f’dik li hi r-relazzjoni mas-soċjetà, minn żmien il-Papa Piju X l-Knisja għamlet żviluppi important, snin li wasslu għall-Konċilju Vatikan II b’mod li llum – u din hi importanti għall-Knisja – aħna ma nħarsux lejn il-bidliet li jseħħu bil-biża’ imma naraw fihom is-sinjali taż-żminijiet, u dak li l-Ispirtu s-Santu qed jgħidilna. Huma sinjali li lilna jgħinuna niġġeddu u nagħtu l-kontribut tagħna fi spirtu ta’ djalogu. F’dan is-sens, aħna nitgħallmu wkoll ħafna mill-Papa Piju X għax nagħrfu li ma nistgħux inħallu l-biża’ jaħkimna. Il-Mulej jagħtina l-għerf u l-qawwa li neħtieġu.

Paċi

Il-ħidma tal-Papa Piju X għall-paċi hi wkoll messaġġ ta’ valur għal żmienna. Hu miet qalbu maqsuma minħabba l-bidu tal-Ewwel Gwerra Dinjija, u aħna qegħdin fi żmien ukoll diffiċli ta’ gwerra bil-biċċiet, kif isejħilha l-Papa Franġisku. Hu l-waqt li nitolbu ħafna wkoll għal dawk li huma vittmi tal-vjolenza u tal-mibegħda, u li nissaħħu fl-impenn tagħna li nkunu strumenti tal-paċi fil-ħajja tagħna ta’ kuljum.

Nitolbu llum biex, fuq l-eżempju tal-Papa San Piju X, naħdmu dejjem għat-tiġdid tagħna fi Kristu, għat-tiġdid tal-Knisja fi Kristu, u għat-tiġdid tas-soċjetà ispirat mill-ispirtu ta’ Kristu. U li nagħmlu dan bil-ferħ, u bil-qawwa li jagħtina Alla. Nagħmlu dan konvinti li t-tiġdid fi Kristu jħalli frott kbir fil-ħajja tagħna personali, fil-komunità, fil-parroċċa u fis-soċjetà.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju

Ritratti: Ivan Vella