-
-
*****
Direttur: Guy Ritchie
Atturi: Will Smith, Mena Maddoud, Naomi Scott, Marwan Kenzari, Navid Negahban, Nasim Pedrad, Numan Acar u Billy Magnussen
Ħin tal-Film: 128 min
Maħruġ minn KRS Releasing Ltd
KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: U
KLASSIFIKA TAL-KNISJA: U
Aladdin hu żagħżugħ li jgħix fit-triq u jgħaddi l-jum kollu jiġġerra madwar il-belt ta’ Agrabah. Mgħejun minn Abu, x-xadina pet tiegħu, kien idur il-belt jara x’jista’ jakkwista. Sadanittant il-Principessa Jasmine, it-tifla tas-Sultan, li ma kienux jafdawha barra l-palazz, ħarġet dawra madwar il-belt bil-moħbi. Hawn tiltaqa’ ma’ Aladdin waqt li kien qiegħed jaħrab mis-suldati. Kemm Aladdin kif ukoll Jasmine nġibdu lejn xulxin. Sadanittant missierha kien ħerqan li Jasmine ikollha raġel li jħobbha u jirrispettaha. Għal dan il-għan, is-Sultan, bniedem għaref u nobbli fil-karattru kien jistieden prinċpijiet biex forsi xi wiehed jieħu b’martu lil bintu. Sfortunatament, is-Sultan kien jafda wisq lil Jafar, il-Grand Vizier f’Agrabah. Dan kien saħħar u kellu l-ambizzjoni li jsir hu s-Sultan.
Meta Aladdin sab ruħu l-ħabs wara li nqabad jisraq, Jafar għaraf li issa kien il-waqt li jakkwista dak li dejjem xtaq. Hu kien jaf b’leġġenda li kienet tgħid li ġewwa għar kien hemm teżor kbir, kif ukoll lampa maġika u misterjuża. Iżda dan l-għar kien jinfetaħ biss minn xi hadd li “kien djamant mhux raffinat”. Jafar għaraf li forsi, Aladdin kien dan il-bniedem. Għalhekk ħa lil Aladdin fejn kien jinsab dan l-għar u tabilhaqq hekk kien. Kif Aladdin resaq lejn l-għar, dan infetaħ u hemm Aladdin mhux biss sab teżori kbar, iżda l-lampa maġika wkoll. Aladdin kif jaqbad il-lampa biex jillustraha, joħroġ ġenju li jagħti l-opportunità lil Aladdin biex jesprimi tliet xewqat.
Aladdin fl-ewwel xewqa xtaq li jsir prinċep u fil-fatt hekk sar. B’mod pompuż, mgħejjun mill-ġenju, Aladdin daħal ġewwa l-belt ta’ Agarabah, liebes ta’ prinċep. Il-belt kollha ssaħħret wara Aladdin u dawk kollha li kienu jakkumpanjawh. F’qasir żmien isib ruħu fil-palazz. Hawn jintebaħ li dik it-tfajla li kien iltaqa’ magħha fil-belt kienet il-Prinċipessa Jasmine. Tgħid issa ġie l-mument li jsir jaf aktar mill-qrib lil din it-tfajla li serqitlu qalbu? Jafar, iżda kellu pjanijiet oħra. Ried li bis-sewwa jew bid-dnewwa l-pjan tiegħu jirnexxi. X’sejjer jagħmel issa biex jahtaf f’idejh il-lampa maġika li gabet xorti hekk tajba lil Aladdin? Tgħid jirnexxielu?
Film mużikali Amerikan, ta’ fantasija, taħt id-direzzjoni ta’ Guy Ritchie u kitba tiegħu stess u John August. Film bi storja ħelwa li ssaħħrek, kif jafu jipproduċu l-Walt Disney Pictures. Nirrikmandah lil kulħadd, kbar u żgħar.