L-Awtoritajiet tal-Knisja f’Malta u l-Għaqda Każini tal-Banda llum, l-Erbgħa 21 ta’ Diċembru 2011, ffirmaw ftehim dwar iċ-ċelebrazzjonijiet tal-festi reliġjużi. Dan wara li ż-żewġ naħat daħlu f’eżerċizzju ta’ diskussjonijiet bir-rieda li ċ-ċelebrazzjonijiet esterni tal-Festi Reliġjużi jkunu jixirqu dejjem iżjed l-ispirtu Nisrani u soċjali. Id-diskussjonijiet segwew il-publikazzjoni tad-dokument konsultattiv ‘Nirrestawraw il-Festi Flimkien’ fil-5 ta’ Ottubru 2009.
Permezz tal-Ftehim iffirmat illum, l-Awtoritajiet tal-Knisja f’Malta u l-Għaqda Każini tal-Banda ddikjaraw li sar qbil fuq il-paragrafi kollha li jinsabu elenkati f’Appendiċi A (anness) u li jifforma parti ntegrali ta’ dan il-Ftehim. Ġie deċiż ukoll li dak li jikkonċerna l-Kummissjoni Parrokkjali Festa Esterna ma jiffurmax parti minn dan il-Ftehim peress li ma kienx hemm qbil dwaru.
Il-Ftehim ġie ffirmat minn Mons. Anton Gouder, Pro-Vigarju Ġenerali, Dun Ray Toledo, Delegat tal-Arċisqof għall-Ħajja u Ħidma fil-Parroċċi, Dun Eric Overand, President tal-Kulleġġ tal-Kappillani, f’isem l-Arċidjocesi ta’ Malta, u mis-Sur Lawrence V. Farrugia, President tal-Għaqda Każini tal-Banda u s-Sur Joseph C. Azzopardi, Segretarju tal-istess Għaqda.
Dan il-Ftehim ser jidħol fis-seħħ fl-Arċidjoċesi ta’ Malta fil-jum tal-akbar festa li tiċċelebra l-Knisja Kattolika, il-Qawmien ta’ Kristu mill-Mewt, li fl-2012 ser jiġi ċċelebrat fit-8 ta’ April.
Agħfas hawn biex tniżżel dan il-ftehim.