Matul ix-xahar ta’ Lulju, 2025, Patri  Mario Abela OSA; id-Direttur tas-Segretarjat Missjonijiet Agostinjani Amigos, flimkien ma’ Patri Terence Spiteri OSA; u sitt  żgħażagħ Maltin għamlu ħidma missjunarja fil-Perù qalb il-familji u t-tfal foqra f’Iquitos u Nauta.

Is-Segretarjat Missjonijiet Agostinjani, ilu għal dawn l-aħħar  sena, sa mill-1994, itella’ gruppi ta’ żgħażagħ kull sena f’diversi pajjiżi fosthom il-Brażil, Mozambique u l-Kenja fl-Afrika. Din is-sena għall-ewwel darba saret ħidma f’Iquitos u Nauta fil-Perù.

Il-preparazzjoni għal din l-esperjenza missjunarja bdiet minn xhur qabel. Infatti għal din l-esperjenza, sa minn Ottubru tal-2024,  inbeda l-kuntatt mal-Patrijiet Agostinjani li jgħixu fil-Perù, li jaħdmu mill-qrib ma’ familji  li jgħixu f’faqar estrem.

Fix-xhur li ġejjin, is-Segretarjat Missjonijiet Agostinjani, permezz tad-donazzjonijiet tal-Maltin, ser ikompli jissapportja lil  dawn il-familji foqra permezz ta’ xiri ta’ ikel, ħwejjeġ u saqqijiet – xogħol li diġà nbeda matul ix-xahar li għadda.

Ħidmiet oħra li twettqu f’Lulju kienu:  għajnuna fis-soup kitchen f’parroċċa fqira f’Iquitos, tiswijiet ta’ djar fis-slum area f’Puerto Masusa u tisbiħ ta’ ċentru parrokkjali.

Iktar tard f’Nauta (sagħtejn ’il bogħod minn Iquitos) il-grupp kompla l-ħidma tiegħu permezz ta’ bini ta’ żewġt idjar għall-familji foqra u ż-żebgħa ta’ kappelli flimkien ma’ mument sabiħ ta’ logħob mat-tfal foqra fi skola fqira ’l bogħod miċ-ċentru ta’ Nauta.

Dan ma kienx ikun possibbli mingħajr il-ġenerożità tal-benefatturi u l-ħbieb b’parteċipazzjoni f’diversi attivitajiet li saru matul is-sena bħala parti mill-preparazzjoni għal din il-ħidma, bħal mixjiet għal dan il-għan, bejgħ ta’ kwareżimal, figolli,Christmas logs, u attivitajiet oħrajn li jkomplu jgħinu fil-ġbir ta’ donazzjonijiet b’risq dawn it-tfal u l-familji foqra.

“Dawn id-donazzjonijiet, kif ukoll dawk li jaslu permezz tar-rivista tagħna AMIGOS li toħroġ matul is-sena, jagħmluha possibbli li nkomplu nassistu dawn il-familji għall-ħajja iżjed dinjituża u ta’ valur fil-Perù u fil-pajjiżi kollha li jaħdem  fihom l-AMIGOS,” spjega Patri Mario Abela. 

Għal aktar informazzjoni ibgħat fuq [email protected] jew żur facebook.com/missions.amigos, instagram.com/missions.amigos