Għeżież Tfal,
Qed ngħaddilkom din l-ittra fl-ewwel Ħadd tal-Avvent, iż-żmien li jwassalna għall-festa tal-Milied. Il-Milied huwa rakkont tal-ħajja ta’ żewġ persuni li nbidlu għall-aħjar biex iħallu lil Ġesù jidħol f’ħajjithom, dawn huma Marija u Ġużeppi. Anke aħna bħal Marija u Ġużeppi rridu inħallu li ssir bidla fina, biex ikun jista’ jidħol Ġesù fil-ħajja tagħna.
Kemm hi xi ħaġa kerha meta l-bniedem ma jkunx irid jinbidel għall-aħjar. Min jagħmel hekk jiġrilu bħall-ilma, li meta jieqaf f’xi ħofra, wara li jgħaddi ftit taż-żmien jibda jinten, imma l-ilma li jibqa’ għaddej jibqa’ nadif u sabiħ.
Normalment il-bniedem iħobb ibiddel, pereżempju il-ħwejjeġ li jilbes, il-postijiet fejn imur, l-ikel li jiekol u oħrajn. Filfatt il-ħajja tagħna dejjem tinbidel; tinbidel aħna u nikbru. Imma ġieli jkun hemm mumenti fejn bidla ddejjaqna jew tbeżżagħna, bħal pereżempju meta jkollna nbiddlu l-iskola, nitilqu l-ħbieb, l-għalliema, l-ambjent eċċ… Dan joħloq fina ċertu biżgħa għax ma nkunux nafu x’se nsibu. Din il-biżgħa tista’ ma tħalliniex ninbidlu għall-aħjar.
Dan jista’ jiġri fuq livelli differenti. Bħalma, kif diġà semmejna, wieħed faċli jidra ħbieb, skola eċċ…hekk ukoll huwa faċli ħafna li wieħed jidra jagħmel affarijiet li mhux daqshekk tajbin, bħal pereżempju jgħid kliem b’ieħor jew jaħseb fih innifsu biss. Meta jiġrilna hekk din issir xi ħaġa li nibdew nagħmluha bla ma nindunaw. U hekk flok inkunu qed ninbidlu għall-aħjar inkunu qed ninbidlu għall-agħar.
Sfortunatament dan jista’ jiġri lilna wkoll fil-ħajja tagħna bħala insara. Meta konna iżgħar tant konna inħobbu lil Ġesù: konna nitolbu bil-qalb, infittxu li mmorru l-quddies, immorru bil-qalb għall-katekiżmu, nieħdu gost nisimgħu xi waħda mill-istejjer li qal Ġesù. Imma issa li qed nikbru, għadna inħobbuh lil Ġesù? Jew qed jiġrilna li qed niddejqu nitolbu, immorru l-quddies, nattendu l-lezzjonijiet tal-katekiżmu u nisimgħu t-tagħlim ta’ Ġesù? Jista’ jiġrilna wkoll li dawn l-affarijiet forsi qegħdin nagħmluhom bilfors u mhux bil-qalb kif jixtieq minna Ġesù.
Qegħdin nagħtu bidu għall-Avvent. Dan huwa żmien sabiħ li fih nippreparaw lilna nfusna għall-festa sabiħa ta’ Ġesù Bambin. Imma huwa żmien tajjeb ukoll biex wieħed jara x’jista’ jagħmel biex ikun aħjar. Il-Bibbja tgħidilna li meta Ġesù sar bniedem il-poplu li kien miexi fid-dlam ra dawl kbir. Għalhekk jien nixtieq li dan il-Milied ikun esperjenza qawwija li fiha dan id-dawl ta’ Ġesù iħeġġiġna biex ninbidlu għall-aħjar.
Tant Ġesù jixtieqna ninbidlu għall-aħjar li offrilna l-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu li rċevejnih fil-magħmudija tagħna, u li se nerġgħu nirċevuh b’qawwa ikbar fis-sagrament tal-Griżma. Għalhekk f’mumenti li fihom nindunaw li m’aħniex ninbidlu għall-aħjar ma rridux naqtgħu qalbna għax nafu li għandna l-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu li jinsab fina u li jrid jgħinna nerġgħu nibdew mill-ġdid.
Dan l-Ispirtu kien ukoll f’Marija li bil-qawwa tiegħu ħalliet li jitwieled fiha Ġesù. Hekk jiġri lilna wkoll jekk aħna niftħu qalbna għall-Ispirtu ta’ Ġesù; jgħammar f’qalbna u hekk jgħinna nkunu aħjar fil-ħajja tagħna.
Ħamsin sena ilu fil-Knisja kien hemm mument sabiħ meta il-Papa ta’ dak iż-żmien sejjaħ lill-Isqfijiet kollha tad-dinja biex jiltaqgħu flimkien fil-Vatikan ħalli bħala rgħajja jaraw kif l-insara tad-dinja kollha jistgħu jgħixu aħjar fuq it-tagħlim ta’ Ġesù. Dan kien mument qawwi tal-Ispirtu s-Santu tant li t-tagħlim li ħareġ dak iż-żmien għadu jgħodd sal-lum. Pereżempju fejn qabel il-quddiesa ma kien jifhimha ħadd għax kienet bil-Latin, illum issir bil-lingwa tal-post biex hekk kulħadd ikun jista’ jieħu sehem fil-quddiesa u jifhem dak li jkun qed isir u jingħad. Dak iż-żmien kienu biss is-saċerdoti li jgħallmu u jmexxu fil-knisja. Minn dak iż-żmien il-lajċi wkoll bdew jagħtu s-sehem tagħhom fil-ħidma tal-Knisja; pereżempju illum għandna rġiel u nisa jew żgħażagħ li jgħallmuna l-katekiżmu, li jqarbnu fil-Knisja u anke jmorru jqarbnu lill-morda fid-djar.
Hemm bżonn li nkunu deċiżi li ninbidlu għall-aħjar.
- Din il-bidla għall-aħjar trid issir l-ewwelnett bejnietna bħala nsara, fil-mod kif niċċelebraw il-quddiesa, li huwa l-aktar mument sabiħ fejn niltaqgħu ma’ Ġesù u nħalluh ikun ġewwa fina. Għalhekk irridu nagħtu aktar attenzjoni meta nisimgħu l-Kelma ta’ Alla, ħalli nħalluha tidħol fil-fond ta’ qalbna u tiggwidana fil-ħajja tagħna.
- Din il-bidla għall-aħjar trid issir ukoll meta niġu f’kuntatt mal-oħrajn. Fost dawn nistgħu nsibu min mhux bilfors għandu f’qalbu lil Ġesù, anzi jġib ruħu b’mod li juri li ma jridx jagħti kas it-tagħlim Tiegħu. Dan m’għandux jaqtagħlna qalbna imma b’ħafna mħabba ma nibżgħux nagħmlu t-tajjeb u nkunu ta’ eżempju għal dawn il-persuni. Dan żgur li jġib bidla għall-aħjar anki fl-ambjenti fejn inkunu.
Hija ħaġa tajba li fil-Knisja hawn Malta, għandna Kummissjoni Djoċesana tat-tfal b’rappreżentanza ta’ tfal Maltin u issa qed jitwaqqfu ukoll kummissjonijiet tat-tfal fil-parroċċi tagħna. L-iskop tagħhom hu li jgħinu t-tfal kollha ta’ Malta jilqgħu l-messaġġ ta’ Ġesù u hekk ilkoll flimkien ninbidlu għall-aħjar.
Inħeġġiġkom biex dan iż-żmien tal-Avvent tużawh tajjeb. Ejjew lkoll nistiednu lil Ġesù jiġi jgħammar fil-qalb tagħna. B’Ġesù fina żgur li fl-ambjenti tagħna jkunu jinħassu iktar l-imħabba u l-ferħ li Hu biss jaf jagħti.
Nagħtikom il-barka pastorali tiegħi.