Wara li nhar is-Sibt 5 ta’ Jannar 2013, mil-Kappella tal-Isptar Boffa insterqu żewġ pissidijiet li kien fihom Ostji Kkonsagrati, l-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. jirrikmanda li fil-knejjes parrokjali u fl-oħrajn ukoll, matul il-ġimgħa d-dieħla, issir siegħa ta’ Adorazzjoni Solenni lill-Ġesù Sagramentat, bħala sinjal ta’ fidi, ta’ mħabba, ta’ adorazzjoni u fuq kollox, ta’ tpattija għal dan id-delitt. Malli ġie infurmat b’dan is-sagrileġġ, l-Arċisqof mar mill-ewwel fil-post tas-sagrileġġ, talab għal min għamlu u wera x-xewqa li jsir dak kollu possibbli biex jinstabu l-Ostji Kkonsagrati misruqa.
F’ċirkulari tal-Kurja maħruġa illum, l-Isqof Awżiljarju Charles J. Scicluna,qal li “għemil ikrah bħal dan għandu jġegħelna nitolbu għal dawk l-imsejknin li waslu sa hawn u npattu b’manjiera xierqa u pubblika għall-offiża li saret lil Sidna Ġesù Kristu, fis-Sagrament tal-imħabba tiegħu.”