-
-
L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
Il-Kappella tal-Qalb ta’ Ġesù fl-Istitut Adelaide Cini, Sta Venera
15 ta’ Ottubru 2019Nirringrazzjakom ilkoll tal-preżenza sabiħa tagħkom. Illejla nixtieq nitlob lill-Mulej il-grazzja li dak li qegħdin nibdew iwasslu Hu għat-tmiem feliċi tiegħu. Nixtieq nirringrazzja ħafna lid-Dottoressa Giovanna Brizzi, li aċċettat li tkun postulatriċi għall-kawża tal-beatifikazzjoni u l-kanonizzazzjoni tal-qaddejja t’Alla, il-Venerabbli Adelaide Cini.
Dottoressa Brizzi hija postulatriċi ġenerali tal-Ordni tal-Karmnu, u l-Karmelitani jafu kemm ħadmet għall-kawża ta’ Patri Avertan, li nisperaw ukoll timxi ’l quddiem. Barra li hija mara, hija wkoll bniedma ta’ sensibbiltà kbira. Saret tafna aħna l-Maltin u nħoss li f’idejha l-kawża qiegħda f’idejn tajbin imma fuq kollox qiegħda f’idejn Alla.
Il-volontà tagħnà u tal-Knisja f’Malta hija li l-isem ta’ Adelaide ma jintesiex anzi jkollu r-rikonoxximent li jistħoqqlu u … li l-għotja tagħha ma tintesa qatt
Aħna ma nafux għaliex Alla ried jistenna daqshekk fil-każ ta’ Adelaide, ma nafux. Inġbarna hawnhekk eżatt 100 sena wara li l-fdalijiet tagħha nġabu bħal-lum 100 sena miċ-Ċimiterju tal-Addolorata u tqiegħdu hawnhekk b’ordni u bil-volontà tal-predeċessur tiegħi l-Arċisqof Mawru Caruana. L-għada, jiġifieri bħal għada 100 sena, l-Arċisqof Mawru kkonsagra din il-knisja. Jiġifieri l-ewwel ordna li jinġabu l-fdalijiet ta’ Adelaide mbagħad ikkonsagra din il-knisja. B’xi mod, Mawru – qed nipprova nifhem il-pjan tiegħu – ried li dan ikun il-mawsoleum ta’ Adelaide Cini.
Din il-knisja nbniet wara l-mewt tagħha u għalhekk din il-propjetà kbira li ħalliet f’idejn l-Isqof Pace u li mbagħad żviluppat pereżempju dan il-bini ta’ din il-knisja li saret ukoll il-knisja li tħaddan il-fdalijiet għeżież tagħha apparti milli se takkommoda appostolat attwali, li huwa dik tal-kura paljattiva fdata f’idejn il-Hospice, din il-parti hija memorjal permanenti ta’ Adelaide Cini. Il-knisja u anke d-daħla għal dan il-kumpless se jkollha wkoll esebizzjoni permanenti ddedikata lill-Venerabbli Adelaide Cini. Il-volontà tagħna u tal-Knisja f’Malta hija li l-isem ta’ Adelaide ma jintesiex anzi jkollu r-rikonoxximent li jistħoqqlu u li l-għotja tagħha, għotja konkreta li għandha futur ġdid skont il-ħtiġijiet tal-bnedmin tal-lum, imma l-għotja tagħha ma tintesa qatt! U lanqas l-isem għażiż tagħha.
Illum se nqassmulkom librett li kiteb il-maħbub Lawrence Mizzi, qiegħed magħna wkoll, fl-1985 propju fiċ-ċentinarju tal-mewt ta’ Adelaide li mietet fl-1885. Ġentilment tana l-permess nagħmlu kopji, ’il quddiem nispera li jkollu reprint anke b’dak kollu li nistgħu nsibu u nagħmlu edizzjoni ġdida. Għandna santi wkoll ta’ Adelaide, li bħalissa qegħdin fuq il-qabar tagħha, b’talba li jiena ktibt u li se nitolbuha qabel ma tispiċċa din il-Quddiesa.
Jiena u naqra mill-ġdid il-ħajja ta’ Adelaide kien hemm diversi affarijiet li laqtuni. L-ewwel nett din il-mara għexet bejn l-1838 u mietet fl-1885, u sabet il-vokazzjoni tagħha fid-dinja. Xtaqet ħafna tkun reliġjuża imma kif qaltilha l-Badessa qaddisa tal-Monasteru ta’ Santa Katerina l-Belt, La Badessa Baldacchino: ‘Binti, il-Mulej mhux qed isejjaħlek biex tkun magħna. Qiegħed isejjaħlek biex inti tgħin u ssalva nisa (dak iż-żmien kienu jgħidulhom traviate) li huma sfruttati, li huma vittmi taċ-ċirkostanzi ħafna drabi tal-faqar jew tal-vjolenza domestika u kienu jingħataw biex ikunu oġġett ta’ pjaċir u ta’ prostituzzjoni għal ħaddieħor.
Adelaide ma kinitx taf kif se taqbad tagħmel u l-Mulej laqagħha mal-ewwel proxxmu, ma’ din Carmela Mirafiore, li kienet mara sabiħa ħafna minn Sqallija, li kienet qed taqdi lis-sinjuri – mhux biex tixtrilhom il-ħobż, tifhmuni intom. Adelaide qalet: ‘Jiena nipprova nkellimha’, u x’għamlet? Ta’ mara kuraġġjuża u intelliġenti, x’għamlet? Għaddiet minn ħdejha u waqqgħet il-maktur. U din Carmela abbokkat fin-nassa, kif ngħidu. Refgħet il-maktur ta’ Adelaide u qaltilha: ‘Sinjorina, waqagħlek il-maktur’. U minn dik bdiet konverżazzjoni. Ħaditha San Ġwann u kellmitha dwar il-Mulej, imbagħad tas-Samra fejn kien hemm xi ħadd jitkellem fuq il-kruha tal-iskandlu, u din infaqgħet tibki u riedet bilfors tqerr.
Il-Mulej lil Adelaide użaha biex tmur tfittixlu n-nagħġa l-mitlufa u ta l-qalb tiegħu.
L-istorja tkompli li wara ftit jiem abbandunatha, qalet: ‘Issa sew, bdejt b’falliment kbir’. Kienet prova kbira għal Adelaide li l-ewwel persuna li avviċinat u forsi kienet se jirnexxielha tagħmel xi ħaġa, ħin minnhom titlaq, reġgħet marret fejn kienet qabel. U Adelaide għamlet il-kuraġġ, kontra l-pariri tal-qraba tagħha, marret tfittixha. Issibha f’sodda bid-deni u reġgħet kriet karozzella oħra u reġgħet ġabitha hawnhekk, imbagħad din il-persuna kellha ’l quddiem issir soru tal-Bon Pastur u saret superjura f’Alessandria, tagħmel il-ġid.
U minn hemmhekk indunat Adelaide li din kienet il-volontà tal-Mulej għaliha u kienet tmur tfittex lin-nisa f’sitwazzjonijiet diffiċli fl-inħawi tal-portijiet tagħna: il-Belt, il-Kottonera, jiġifieri t-Tlett Ibliet, kienet tmur tfittixhom hi. Tant li meta mbagħad ikkuntattjat lis-Sorijiet tal-Karità – uħud minnhom qegħdin hawn – biex ikomplu l-appostolat tagħha, il-Madre Generale tas-Sorijiet tal-Karità qaltilha: ‘aħna ma nistgħux nagħmlu dak li tagħmel inti, immorru nfittxu n-nies, imma toqgħodx tinkwieta, it-tfal li inti ġibt biex ikollhom ħajja dinjituża nieħdu ħsiebhom aħna’.
Il-Mulej lil Adelaide użaha biex tmur tfittixlu n-nagħġa l-mitlufa u ta l-qalb tiegħu. U għalhekk riedet li dan l-Istitut ikun imsemmi wkoll għall-qalb ta’ Ġesù imma hi kienet ingħatat propju biċċa mill-qalb tiegħu, ingħatat dik il-ħeġġa li tmur tfittex hi n-nagħġa l-mitlufa. Ġesù jgħid f’Luqa kapitlu 15, it-tliet parabboli tal-ħniena: in-nagħġa l-mitlufa, id-drakma l-mitlufa, l-iben il-mitluf. Hu ta din il-qalb, il-qalb tiegħu stess u din il-ħaġa swielha ħafna.
Dan il-kwadru ta’ Adelaide Cini, li qed taraw hawnhekk, qiegħed fil-Palazz tal-Isqof l-Imdina. Meta jiena dħalt fil-Palazz tal-Isqof bħala Arċisqof insib li Mawru Caruana kien ħalla tliet kwadri; wieħed ta’ Adelaide, wieħed ta’ Nazju Falzon u l-ieħor ta’ Adeodata Pisani, għax kienu tliet kawżi li hu sab pendenti mid-djoċesi ta’ Malta. Intom tafu li Nazju u Adeodata fis-snin 90, nirringrazzjaw lil Alla, sabu min jimbuttahom imma Adelaide baqgħet l-art. Imma se tibqa’ l-art, din l-imbierka Adelaide? Meta inti taqra dak il-volum [positio] issib li hemm ġabra tax-xhieda għax il-proċess kollu sar fuq Adelaide, ix-xhieda li kellhom jinstemgħu nstemgħu. Kienu nies fl-1907 u fl-1908, li kienu għadhom jiftakruha għax hi mietet ta’ età żgħira, kellha 46 sena meta mietet.
Kienet persuna naqra mibnija, mara tipikament Maltija, veru missierha kellu l-fabbrika tal-għaġin, naħseb jiena kien l-effett.. Immaġinawha din il-mara Alla jberikha, tirkeb karozzin iċekċek, biex tmur u tfittex dawn in-nisa. U għandna x-xhieda ta’ kemm kellha tbati, ta’ kemm insulti qalgħet għaliex inti meta raġel qed teħodlu – intom qed tifhmuni? – dan jirvilla. U din kienet qed tmur u ċċaħħad lil dawn in-nies li lill-mara kienu jarawha biss bħala oġġett jew bħala mezz ta’ qligħ, qed itellfilhom il-qligħ jew il-pjaċir. L-insulti, it-tagħjir li qalgħet.
Kien hemm neputi, it-tifel ta’ Paolo għax huwa kien jismu Paolo, benefattur kbir ukoll ta’ dan il-post, jirrakkonta li missieru qallu li z-zija f’Misraħ il-Barriera (li hu qrib hawnhekk, fil-fatt għad hemm it-Triq Misraħ il-Barrieri) kienet qalgħet xebgħa għasluġ. Jiġifieri mit-tagħjir laħqet ukoll qalgħet xebgħa. Tant hu hekk li dan in-neputi jgħid li x’aktarx iz-zija żviluppat il-marda li wasslitha għall-mewt minħabba dan ix-xokk, din it-trawma. Marret biex issalva mara, u r-raġel li kien qed jużaha għall-flus u għall-pjaċir lil Adelaide ta xebgħa papali. Il-pulizija kienu jirrispettawha ħafna, ġieli kellha ssejħilhom biex jipproteġuha biex taraw il-kuntest soċjali diffiċli. Anke l-ommijiet ta’ ċertu bniet kienu jiġu hawn jgħajru lil Adelaide għax iridu li t-tfal tagħhom ikomplu fil-mestier li kienu qegħdin iqabduhom il-ġenituri tagħhom.
Jiena nistaqsikom: imma dan kollu li qed ngħidu xi ħaġa tal-antik? Jiena nħoss, hawn id-Dottoressa quddiemi, li dan huwa diskors attwali, li l-messaġġ ta’ Adelaide hu urġenti daqskemm kien urġenti 150 sena ilu. Din hija mara li tat ħajjitha u ġidha, jiġifieri mhux bil-paroli, ħajjitha u ġidha biex tiddefendi d-dinjità tal-mara, biex tiġġieled l-isfruttament tan-nisa, biex tiddefendi l-ġieħ tagħhom, il-ħajja spiritwali, psikoloġika, fiżika tagħhom. U kienet tieħu ħsieb ukoll lil uliedhom.
Kien hemm sitwazzjonijiet diffiċli meta n-nisa li jinqabdu bit-tqala ma setgħux iżommu t-tarbija, u Adelaide kienet tgħidilhom: ‘toqgħodx tinkwieta, it-tarbija nieħu ħsiebha jien’. Jiġifieri kienet pijuniera wkoll li tiddefendi l-ħajja mhux billi tikkundanna. Adelaide qatt ma kkundannat lil ħadd. Il-kelma tagħha kienet dejjem kelma ta’ ħniena. Il-ġakulatorja preferita tagħha kienet: ‘Mulej, kun int il-ħniena tagħna.’ Qatt ma marret tiġġudika lil ħadd, avolja għajruha; kienet għamlet qoxra tal-azzar u kienet tkompli, ma kinitx tibża’.
Imma jiena wkoll illum nixtieqkom li nitolbu l-interċessjoni ta’ Adelaide Cini biex il-Mulej l-ewwel nett juri l-glorja tiegħu fiha u jagħmel miraklu li jkun jista’ jwassal għall-glorifikazzjoni tal-qaddejja tiegħu.
Għax imbagħad saret omm, mhux naturali imma spiritwali ta’ ħafna, bħal kull omm kellha tipprovdi u l-providenza tgħaddik mill-provi wkoll. Imma hemm diversi xhieda u l-kardinal li ppreżenta l-argumenti biex il-każ jgħaddi għall-istadju tas-Santa Sede, il-livell appostoliku, jgħid, dan mhux qed jgħid wieħed għax forsi ma rax tajjeb imma diversi jgħidu li kienu jgħidulha: ‘ma baqax flus’. Kellha waħda, il-preferita tagħha (kienet tgħidilhom il-penitenti, dawk li jkunu kkonvertew) li kellha dan id-don tat-talb. Kienet tibgħatha titlob biex jiġi xi ħadd b’donazzjoni u kienet tirranġa, kienet iġġibha żewġ. Imma mbagħad hemm tliet episodji ħelwin fejn jgħidulha: ‘Għandna żewġ ħobżiet biss’. U din tgħidilhom: ‘Taqtgħux qalbkom, ġib ħa nqassam jien’ u tibda tqassam u jiekol kulħadd u jibqa’. Ġara hekk bit-tiġieġ anke bil-bċieċen. Ovvjament kienu esiġenzi konkreti ta’ omm li ma tistax tħalli lil uliedha spirtwali bil-ġuħ, u kienet tafda fil-Mulej li kien dak li qed imexxi fiha u permezz tagħha.
Laħqet ukoll għarfet il-bniedem, u Lawrence, anke lejn tmiem tal-librett ħelu tiegħu, jitkellem b’xi fejqan li sar wara mewtha u bl-interċessjoni tagħha. Hemm episodju ħelu ta’ dik li mbagħad bdiet tissejjaħ ‘it-tifla tal-miraklu’. Fl-1903, tifla ċkejkna timrad bit-tifu u kienet sejra mill-ħażin għal-agħar u ħin minnhom wara kriżi kbira li kienet is-sinjal li m’hemm xejn x’tagħmel, fil-ħolm jew viżjoni tara mara liebsa skur. Adelaide kienet tilbes skur ħafna, jew iswed jew kannella skur, u lil din it-tifla tidhrilha din il-mara u tgħidilha: ‘inti trid tfiq?’ U tagħtiha grokk port.
Imbagħad din it-tifla lill-ġenituri tgħidilhom: ‘Isma’ jiena rajt mara, tatni ftit inbid ħelu ħafna, kien tajjeb ħafna, u din indunaw li fieqet. Imbagħad juruha santa u qaltilhom: ‘Dik kellmitni!’ Kienet santa ta’ Adelaide. Aħna nippruvaw naraw jekk għandniex iżjed informazzjoni fuq dan il-fejqan straordinarju ta’ din it-tifla.
Jiena llum ukoll nixtieqkom li nitolbu l-interċessjoni ta’ Adelaide Cini biex il-Mulej l-ewwel nett juri l-glorja tiegħu fiha u jagħmel miraklu li jkun jista’ jwassal għall-glorifikazzjoni tal-qaddejja tiegħu. Issa dan mhux f’idejna, f’idejn Alla, imma aħna ta’ qaddejja umli nitolbuh bil-ħniena imbagħad inħallu f’idejh bħalma darritna nagħmlu Adelaide u tant qaddisin oħra.
Din il-parroċċa ta’ Santa Venera mbierka b’ħafna qaddisin, mhux biss li qegħdin hawn, imma anke ta’ qabilna, u hawnhekk kellna x-xorti li jkollna lil Adelaide u miet ukoll San Ġorġ Preca, kif tafu. Imma meta mietet Adelaide, San Ġorġ Preca kellu ħames snin. Kienu għadhom joqogħdu l-Belt għax Adelaide twieldet il-Belt imbagħad bħalma ġara anki fil-każ ta’ San Ġorġ Preca, ġew joqogħdu f’dawn l-inħawi. U kienet dejjem devota kbira tal-qalb ta’ Ġesù u devota anke tal-Madonna. Għandna xhieda kemm kienet devota tar-Rużarju mqaddes tal-labtu tal-Karmnu, u għalhekk aħna nitolbu bil-ħerqa biex din il-lajka, din il-mara Maltija, tkun mudell għall-Insara u glorja tal-Knisja Universali.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta -
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Rum 1, 16-25
Salm: 18 (19), 2-3.4-5
Evanġelju: Luqa 11, 37-41 -
-
-
-