Il-messaġġ tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

L-ewwel nixtieq nirringrazzjakom ħafna tal-preżenza tagħkom, nirringrazzja wkoll lil dawk li qegħdin isegwuna permezz ta’ Zoom u l-mezzi soċjali.

Din l-Asssemblea Djoċesana, kif spjega tant tajjeb l-Isqof Joe [Galea-Curmi] lbieraħ meta ta l-oriġini tagħha u allura fakkarni mhux biss fl-esperjenza li bdiet mill-1999 sal-2003 – imma bħalma ġara fil-Konċilju Vatikan II meta jkollok esperjenza qawwija, ix-xewqa tiegħek tkun li din ma tispiċċa qatt, kważi l-esperjenza ta’ Għemmaws.

Allura l-Papa Pawlu VI wara l-esperjenza tal-Konċilju kien istitwixxa s-Sinodu tal-Isqfijiet. Mons. Mercieca ovvjament fuq livell lokali djoċesan li imma b’xi mod hi diġà profezija wara l-esperjenza qawwija tas-Sinodu Djoċesan, imbagħad xtaq li kull sena nġeddu dak l-ispirtu li mexxa l-esperjenza ta’ erba’ snin, propju kull sena din l-Assemblea Djoċesana. Nixtieq, bħalma awgura wkoll l-Isqof Joe lbieraħ, li għalkemm għaddejjin minn meseta, dan il-pajsaġġ li qisu ma tantx hu avventuruż, imma li aħna wkoll niskopru mill-ġdid l-esperjenza tal-aspett parrokkjali jiġifieri li nagħtu propju ħajja ġdida fejn nagħmlu wkoll irxoxt tal-assemblea parrokkjali.

Il-Papa Franġisku qed jinsisti ħafna f’dan il-proċess sinodali li ngħixuh ukoll f’din l-esperjenza li l-istrutturi li għandna nagħtuhom il-ħajja. Mhix kwistjoni, jinsisti ħafna meta jitkellem fuq il-proċess sinodali li jixtieq għall-Knisja, li nivvintaw strutturi ġodda imma hu l-atteġġjament tagħna.

F’din ir-riflessjoni qasira tiegħi rrid inħares ’il quddiem lejn dan l-atteġġjament li hu ispirat mill-erba’ atteġġjamenti li l-Papa Franġisku ssuġġerixxa fl-Evangelii gaudium: knisja li takkumpanja. U l-ewwel mistoqsija li nagħmel: imma takkumpanja min, lil min? Allura l-ewwel akkumpanjament li rridu nagħmlu jrid jibda mill-iskoperta tal-identità fundamentali tagħna: min qed jakkumpanja lil min. Hawnhekk nifhmu wkoll li mhuwiex proċess li jiena qisni superjur ta’ xi ħadd, imma hemm ċerta reciproċità: li fl-akkumpanjament aħna tassew qegħdin nimxu flimkien, nakkumpanjaw lil xi ħadd. Il-Knisja li takkumpanja, tiskopri lilha nnifisha, oħt tal-umanità. Mhux biss omm u għalliema, imma oħt. Aħna qegħdin f’mixja flimkien, nakkumpanjaw lil xulxin għax qegħdin fuq l-istess bastiment, l-istess karozza tal-linja, fuq l-istess ajruplan, jew fl-istess ajruport, tistenna.

Ħin minnhom dawn l-esperjenzi joħolqu qisu ċertu fratellanza, li inti ħin minnhom passiġġier imma mbagħad meta tiġi fil-kriżi kulħadd mitluf, kulħadd irrabjat, kulħadd frustrat, kulħadd għajjien, ċerti atteġġjameni li joħolqu qisu esperjenza partikulari, jinħoloq kważi grupp. U b’xi mod l-akkumpanjament iġagħalna naħsbu li mhix kwistjoni ‘ara qiegħed hemm, ħa nakkumpanjak, ngħidlek jien fejn irridu mmorru’. L-ewwel ħa nifhmu fejn qegħdin, min jakkumpanja, imbagħad il-kif. Diġà l-atteġġjament li nieħdu hu allura l-mentalità li bih naslu għal dan l-atteġġjament, jiddetermina l-kif. Kif se takkumpanja?

Hu propju billi ngħixu dak l-isem sabiħ ta’ Ġesù mħabbar minn Iżaija: “U jsemmuh Għimmanu-El, Alla magħna’. Fir-riflessjoni profonda tiegħu, Fr Stefan ilbieraħ mhux biss tana ħafna – apprezzajt kemm kienet densa propju din l-introduzzjoni għall-Kelma ta’ Alla – imma tana wkoll spunti li nixtieq ħafna li fis-sena li ġejja jkollna l-opportunità niżviluppawhom iżjed, nidħlu f’din l-ispirtwalità tal-akkumpanjament.

Ħaġa li laqtitni fil-preżentazzjoni ta’ Fr Stefan ilbieraħ kienet li ħafna bil-mod kif Alla jakkumpanja hu billi tgħid storja, billi tirrifletti kif Alla daħal fl-istorja tal-umanità. Allura r-rakkont ta’ Għemmaws, li aħna nieħdu l-ispirazzjoni tiegħu hu propju ta’ Ġesù li akkumpanja dawn iż-żewġ dixxipli, isibilhom il-mod tiegħu kif. Nirrifletti ftit kif Ġesù akkumpanja liż-żewġ dixxipli, aħna ngħidulhom ta’ Għemmaws, kif akkumpanjahom? Daħal fis-sitwazzjoni tagħhom, staqsa, sar jafhom, imma dderiġihom mingħajr ma impona lilu nnifsu. Jolqotni ħafna dak il-mument meta jagħmel “tabirruħu li se jibqa’ sejjer’. Huma jgħidulu: “Ibqa’ maghna, għax issa sar ħafna ħin”. Dik ir-risposta li ma timponix ruħha fuqek imma tħallik liberu u fl-istess ħin tirrispondi għall-għatx u għall-ħeġġa. “Ma kinitx imħeġġa qalbna meta kien qed ifissrilna l-Iskrittura?” Din iġġagħalni naħseb ukoll il-kif tal-Knisja li takkumpanja.

Ħin minnhom il-Papa Benedittu XVI uża espressjoni li tant tolqotni, tant inħossha attwali: li aħna rridu nedukaw il-libertà tal-bniedem – educare la liberta dell’uomo. L-ewwel nett nirrispettawha imbagħad nedukawha; ma tistax ma tedukahiex bħalma waqt li qed jakkumpanjahom u jifhem kemm huma mitlufa, frustrati, bla direzzjoni, jibda jfehimhom l-Iskrittura. Il-Knisja ddawwal il-kuxjenza u din hi parti mill-akkumpanjament għax li ddawwal il-kuxjenza mhix li timponi imma li ddawwal il-moħħ u l-qalb tal-bniedem u jifhem kemm hi ħaġa tajba.

Fejn? Fl-ambjenti kollha. Ħadt pjaċir nisma’ tant deskrizzjonijiet kommoventi, sbieħ, profetiċi ta’ kif il-Knisja – għax aħna m’aħniex qed nivvintaw ir-rota jew kif jgħidu t-Taljani inventare lacqua calda – aħna qed ngħixuha din il-ħaġa, hemm bżonn niskopruha iżjed, niċċelebrawha u ngħixuha. L-akkumpanjament, l-eluf ta’ studenti li aħna nakkumpanjaw fl-iskejjel tal-istat, indipendenti, tal-Knisja, dak li jsir fil-parroċċi, dak li jsir fil-katekeżi, dak li jsir fid-djakonija, dak li jsir fil-liturġija, fil-parroċċi. Il-fejn! Kull fejn hemm il-bniedem il-Knisja msejħa li tkun oħt, li takkumpanja, li timxi.

Imma wkoll li tifhem li s-soċjetà Maltija hi soċjetà li qed tiżviluppa b’mod drammatiku, b’veloċità massima u allura toħloq sfida kbira għall-metodi tradizzjonali tagħna kif nakkumpanjaw lil xulxin, kif niċċelebraw lil xulxin. Imma wkoll tagħtina l-opportunità li niskopru profeziji ġodda billi niftħu wkoll il-qalb tagħna, ir-ruħ tagħna, il-moħħ tagħna għal modi li fil-Knisja universali qegħdin jagħtu l-frott u jagħtu l-ferħ għax il-ferħ hu sinjal tal-Ispirtu s-Santu.

Għax hu Alla magħna, allura jħoss magħna.

Aħna rridu nimxu flimkien permezz tax-xhieda tal-imħabba tagħna. Jiena nħoss li r-realtà ta’ Knisja waħda fi vjaġġ wieħed trid tkun propju din ir-realtà ta’ Knisja li tilqa’ d-diversità ta’ wliedha imma wkoll torjentahom lejn persuna, lejn Ġesù. Waħda mill-affarijiet li nistgħu naqgħu fiha bħala nasba hi li nakkumpanjaw lil xulxin imma ninsew li Ġesù qiegħed f’nofsna. “Fejn hemm tnejn jew tlieta miġburin f’ismi, hemm jien f’nofshom”. Allura l-akkumpanjament ma jistax jinsa din il-kelma għażiża ta’ Ġesù, li waqt li aħna qegħdin f’dan l-atteġġjament ta’ akkumpanjament, allura qed nakkumpanajaw lil xulxin, hemm Ġesù f’nofsna. “F’ismi”. Hemm  spiritwalitajiet profondi li jinterpretaw x’jiġifieri f’isem Ġesù bil-mentalità tiegħu, bl-istil tiegħu, bl-Evanġelju tiegħu. Allura nakkumpanjaw bid-dawl tal-verità, bl-imħabba umli, nakkumpanjaw bil-ħniena u bil-profezija imma l-profezija mhix tagħna, li ġejja mill-imħabba tagħna lejn Ġesù, mill-imħabba tiegħu għalina. 

Kemm hi profoda t-tislima li l-Mulej jagħti lill-għeżież tiegħu u li niċċelebraw kemm-il darba fil-liturġija: ‘Il-Mulej magħkom. Jiena miegħek, il-Mulej miegħek’. Kemm-il darba din il-kelma tingħad fil-bidu ta’ vokazzjoni, ta’ missjoni anke bħala inkorraġġiment. Anke lil Pawlu qabel ma jibda vjaġġ li jwassalna għandu, li kellu tant avventuri u nawfraġju u lifgħat – dawk għadhom magħna t-tnejn li huma – imma wkoll il-qawwa li jfejjaq f’isem Ġesù hu li kien ħabsi. “Jiena miegħek,” hekk jgħidlu. Intom tafu li qabel jibda dal-vjaġġ li l-Mulej jidhirlu lil Pawlu, ma kinitx aluċinazzjoni, jgħidlu: “Jiena miegħek. Hemm bżonn tkun xhud tiegħi f’Ruma”. U allura l-Mulej jakkumpanja. Aħna qabel nieħdu u minn hemmhekk se nieħdu l-qawwa li nakkumpanjaw billi aħna nkunu persważi li l-Mulej hu magħna, li jakkumpanjana.

Jiena nħobb nirrifletti fuq dawn l-erba’ atteġġjamenti. L-ewwel biex nifhmuhom irridu nifhmu Alla kif jużahom magħna. Alla jisma’, Alla li jilqa’. San Pawl jgħid ilqgħu lil xulxin bħalma Ġesù jilqa’ lilkom, jakkumpanja, jissieħeb magħhom, mexa magħhom. U l-Knisja li toħroġ. Wara  kollox l-akkumpanjament ma jistax isir mingħajr outreach. Waħda mill-affarijiet li aħna nirrepetu kull sena, dawn l-erba’ atteġġjamenti mhumiex iżolati, qishom kategorija ta’ Liebnitz, imma huma jaħdmu ma’ xulxin; inti tisma’ inkwantu tilqa’ l-mod kif inti tisma’ u tilqa’ anki takkumpanja wkoll. Ma tistax takkumpanja mingħajr outreach għax inti takkumpanja l-persuna fejn qiegħda, intom tafu li meta ngħidu hekk mhix kwistjoni biss ta’ spazju imma anke ta’ ħajja, ta’ status, tal-qagħda tal-bniedem. San Ġorġ Preca kien iħobb jużaha din: ‘il-qagħda’, anke ‘seduta’. Fejn qiegħed.

Kif, fejn u meta. Jiena naħseb li dak li l-Papa Franġisku jsemmi bħala l-istil tal-Evanġelju hu dak li għandu jkun ir-ruħ tal-akkumpanjament tagħna. Il-Papa xi jsemmi? Nafuhom nispera bl-amment: il-viċinanza, il-kompassjoni, it-tenerezza. Għax hu Alla magħna, allura jħoss magħna.

Laqatni ħafna dak il-kumment li għamel Fr Stefan ilbieraħ fl-aħħar meta kkwota dik il-mistika li fl-esperjenza tagħha Ġesù qalilha: “When you are not with your stillness, you deprive me”. Kemm hemm bżonn li aħna niskopru dawk il-mumenti ta’ intimità ma’ Ġesù, fejn dak li qal fuq is-salib: “Jien għandi l-għatx”, aħna nkunu nistgħu nissodisfaw l-għatx tiegħu. Il-kompassjoni u anke t-tenerezza.

Tolqotni ħafna x-xbieha tal-Madonna Damaxxena fejn għandek il-Bambin iħaddan lil ommu u hi una delle Madonne della tenerezza. Ikollkom ċans meta tkunu l-Belt u l-knisja tkun miftuħa, żewġ affarijiet importanti, tinvistaw din ix-xbieha għażiża prezzjuża li għandna fostna. Ġiet mis-Sirja, għaddiet minn Rhodi, imbagħad ġiet hawnhekk fl-1530 u hi din it-tenerezza, l-omm ta’ din it-tenerezza li hi l-akkumpanjament li l-Knisja tixtieq toffri lis-soċjetà. Akkumpanjament li ma jiċħad il-libertà ta’ ħadd imma jeduka għall-imħabba, jeduka għall-ferħ u għall-paċi. 

Grazzi.

Il-Mulej ikun magħna u jberikna.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta