L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Warrab lejn il-Galilija” (Mt 4:12) L-ewwel kliem tal-Evanġelju tal-lum, skont San Mattew, jurina lil Ġesù jwarrab. Arrestaw lil Ġwanni, u Ġesù, jgħid l-Evanġelju, “warrab lejn il-Galilija”. Mhux spiss li nsibu lil Ġesù jwarrab. Imma r-raġuni għaliex warrab ma kinetx għaliex kien qed jibża’, imma għaliex ra li hemm bżonn imur post ieħor fejn jista’ jaqdi l-missjoni tiegħu aħjar.

Fil-fatt, meta mar lejn il-Galilija, għandna hawnhekk il-kliem ikkwotat mill-Profeta Isaija: “Il-poplu li kien miexi fid-dlam, ra dawl kbir” (Isaija 9:1). Ara kemm hu sabiħ li Ġesù, meta jara li hemm bżonn jiċċaqlaq, imur post ieħor, jagħmel hekk biex hemmhekk iwassal il-Kelma ta’ Alla. Dak li jolqotna ħafna fl-Evanġelju hu proprju dan id-dawl kbir li ġie lil dawn in-nies tal-Galilija.

Hawnhekk Ġesù qed ixandar il-Kelma. Nixtieq li nieqfu ftit fuq dan: b’liema mod il-Kelma ta’ Alla għal ħajjitna hija dawl? X’tagħmel il-Kelma ta’ Alla?

Inwieġbu b’libertà

L-ewwel nett, irridu ninnutaw kif Ġesù jxandar il-Kelma imma qatt ma jimponi l-Kelma. Iħalli lin-nies fil-libertà. Hawnhekk, kien qed jitkellem diġà – min laqgħu u min irrifjutah. Din hi l-istorja ta’ Ġesù. Dejjem, sa mill-bidu nett, kif jgħid San Ġwann l-Evanġelista meta jitkellem fil-bidu tal-Evanġelju tiegħu fuq Ġesù, jitkellem fuq id-dawl u d-dlam, kif smajna llum fl-Evanġelju, imbagħad jgħid: “Ġie f’daru u nies ma laqgħuhx” (Ġw 1:11). Imma mbagħad jitkellem fuq “dawk li laqgħuh” (Ġw 1:12). Hawn ukoll, kien hemm min ma laqgħux, imma f’postijiet oħra kien hemm min laqgħu.

L-ewwel messaġġ importanti għalina hu dan: Ġesù qatt ma jiġi bil-Kelma u jġagħalna bilfors nemmnu fih, u nimxu ma’ dak li jgħid hu, imma ħalliena fil-libertà, biex inwieġbu aħna. Biex tkun tweġiba vera ħierġa mill-qalb, u tweġiba ta’ mħabba. Fil-fatt, f’dan l-Evanġelju stess aktar ’il quddiem, meta jsejjaħ lill-ewwel dixxipli, Ġesù jsejħilhom imma jħallihom fil-libertà. F’dal-każ, ħallew kollox u marru warajh (ara Mt 4:18-22). Imma kien hemm nies li Ġesù sejħilhom u rrifjutawh.

Għalhekk il-messaġġ importanti għalina hu dan: il-Kelma ta’ Alla tiġi f’ħajjitna, imma jiddependi minna, mill-qalb tagħna, nilqgħuhx. Dan lilna jagħtina ħafna serenità fil-ħajja tagħna. Għax ġieli jiġri li nħarsu madwarna u ngħidu: daqskemm hawn nies ma jagħtux każ, indifferenti, jisimgħu kemm jisimgħu għalxejn! U jiġri li dak li naraw madwarna jeffettwa lilna fil-ħajja tagħna. Mentri l-Kelma ta’ Alla tħeġġiġna: ħa nkunu aħna li niftħu qalbna għall-Kelma ta’ Ġesù. Hu qatt mhu se jġagħalna, imma dejjem jistedinna, biex aħna nwieġbu għaliha.

Negħlbu d-dlam

Nindunaw kemm huwa dawl meta nisimgħu l-Kelma ta’ Ġesù proprju mill-esperjenza ta’ dawn in-nies: “Il-poplu li kien qiegħed fid-dlam ra dawl kbir” (Mt 4:16). F’ħajjitna, dan hu li tagħmel il-Kelma: tagħtina d-dawl. Speċjalment meta niġu fil-mumenti ta’ dlam. Aħna, f’mument jew ieħor tal-ħajja tagħna, ngħaddu minn mumenti ta’ dlam, mumenti diffiċli ta’ tbatija: jista’ jkun personali, jista’ jkun mard fil-familja, jista’ jkun xi azzjoni ħażina ta’ xi ħadd jew inġustizzja. Ngħaddu minn mumenti ta’ dlam. 

Ġesù, bil-kelma tiegħu u bil-preżenza tiegħu, jgħinna biex aħna noħorġu minn dan id-dlam. Ma nibqgħux fid-dlam f’ħajjitna, imma nimxu tassew fid-dawl. Din hi l-Kelma li tiġi, u għalhekk li tiddi f’ħajjitna u li tagħmel id-differenza kollha. Għalhekk, il-Kelma ta’ Alla, meta ngħixuha nindunaw kemm hi tassew id-dawl li jdawwal il-mixja ta’ ħajjitna.

Nistgħu nħarsu lejn il-Kelma ta’ Ġesù b’mod differenti, u ngħidu li din hi piż għall-ħajja tagħna: tagħmilx hekk, dik ħażina, agħmel hekk. Imma meta nħarsu lejha kif iridha Ġesù, bħala dawl, hemmhekk tagħmel id-differenza kollha. Nindunaw li meta nimxi skont ma jrid hu, anke meta jitlob sagrifiċċju, anke meta ngħaddu minn tbatija, nafu li għall-ġid tagħna, għall-ġid ta’ dawk ta’ madwarna, u għall-ġid tas-soċjetà kollha. Il-Kelma tiegħu hi dawl.

Naraw bidla

Ġesù fl-Evanġelju jgħid: “Indmu, għax is-Saltna tas-Smewwiet waslet” (Mt 4:17). Il-Kelma tiegħu ġġib f’qalbna bidla. Meta jgħid “indmu”, dik li tfisser: bidla fid-direzzjoni. Il-Kelma ta’ Alla ġġib bidla għall-aħjar fil-ħajja tagħna.

Nindunaw b’dan. Per eżempju, jekk jiena lsieni laxk, u noffendi kultant lil Alla u lill-oħrajn bil-kliem tiegħi, imbagħad tiġi l-Kelma ta’ Alla u tgħidilna: kliemna għandu jkun kliem li jixraq. U tagħmel dan l-isforz, u tgħid: ara kemm hu aħjar, kemm hu isbaħ! Għax il-kliem tagħna juri x’hemm fil-qalb. Kemm hu isbaħ meta l-kliem tagħna jkun kliem li jfaħħar lil Alla, jirringrazzjah, u li jagħmel il-ġid!

Inġibu l-għaqda

Kliem li jġib anke l-għaqda. Smajna llum l-Ewwel Ittra ta’ San Pawl lill-Korintin meta jenfasizza ħafna l-għaqda fost il-komunità Nisranija. Jgħid xi ħaġa li kultant ngħidu għalina llum, imma kienet teżisti fil-Knisja tal-bidu. Jgħid: Qaluli fuqkom li fostkom hemm it-tilwim. Hemm min jgħid ‘jiena ta’ Pawlu’, ‘jien ta’ Apollo’, ‘jien ta’ Kefa’, ‘jien ta’ Kristu’. Jgħid: Mela Kristu mifrud? (ara 1Kor 1:11-13). Jgħid: aħna li nemmnu fi Kristu għandna nfittxu li nkunu ħaġa waħda. U l-preżenza tagħna, u l-kliem tagħna, ikunu dawk li jgħaqqdu, li jġibu l-għaqda, mhux li jġibu d-diviżjoni u l-firda.

Kemm hi importanti din f’komunità, f’parroċċa, kemm hi importanti fis-soċjetà! Kultant irridu nagħmlu dan l-isforz, għax anke fostna jista’ jkun hemm dan li semma San Pawl lill-Korintin – ngħidu: jien ma’ din l-għaqda, ma’ dal-każin, ma’ dal-partit, ma’ dal-grupp, b’mod li mhijiex biss appartenenza imma toħloq firda. Mhux ħażin li int tkun involut jew involuta f’xi għaqda, f’diversi assoċjazzjonijiet u gruppi, anzi hija ħaġa tajba! Imma mhux b’mod li tħares lejn l-oħrajn, qisu: aħna u huma. Kemm hu sabiħ li nieħdu bis-serjetà dal-kliem ta’ San Pawl. Meta ngħixuh – hu l-kliem ta’ Ġesù stess li riedna nkunu “ħaġa waħda” – hemmhekk naraw kemm il-Kelma ta’ Alla hi dawl għal ħajjitna, u dawl fid-dlam.

Nitolbu lill-Mulej illum, aħna u nirringrazzjawh ta’ dil-Kelma tiegħu. Nitolbuh biex dil-Kelma tinżel f’qalbna, nilqgħuha, tagħtina d-direzzjoni f’ħajjitna u tgħinna biex aħna nagħrfu d-dawl, speċjalment f’mumenti ta’ dlam, u biex aħna mbagħad inkunu għall-oħrajn dawl għal ħajjithom.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta