L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Inżel, Mulej, qabel ma jmutli t-tifel!” (Ġw 4:49) Din kienet it-talba ħerqana li għamel l-uffiċċjal tas-sultan meta mar ifittex lil Ġesù u talbu biex imur id-dar ħalli jfejjaqlu lil ibnu. Kien fittex lil Ġesù għax ra li Ġesù seta’ jfejjaq lil ibnu.
Ħa nħarsu lejn dan l-uffiċċjal tas-sultan illi, bħal kull missier li jħobb ħafna lill-familja, għamel minn kollox għal ibnu, għax ibnu kien wasal fl-aħħar, u ried li Ġesù jmur biex fejqu. Għalhekk għamillu din it-talba ħerqana lil Ġesù biex imur id-dar. Emmen li Ġesù kellu l-qawwa biex ifejjaq lil ibnu. Ġa naraw hawnhekk il-fidi li kellu dan l-uffiċċjal tas-sultan. Imma Ġesù, fil-fatt, ma marx miegħu d-dar, imma qallu: “ibnek ħaj” (Ġw 4:50). Aċċertah li ibnu se jgħix. U r-raġel emmen din il-kelma ta’ Ġesù, u mar. Telaq b’din il-fidi li ibnu se jgħix.
Fil-fatt, ir-rakkont stess jgħid fl-Evanġelju kif, meta kien sejjer lura d-dar, iltaqa’ mal-qaddejja li qalulu l-istess kliem li qallu Ġesù: “Ibnek ħaj” (Ġw 4:51). Hu ra li kien proprju f’dak il-mument li Ġesù qallu hekk li ibnu qaleb għall-aħjar. Hawnhekk l-Evanġelju jgħid li emmen mhux biss hu, imma “emmen hu u l-familja kollha tiegħu” (Ġw 4:53).
Ħa nħarsu lejn Ġesù, li dejjem narawh attent għall-bżonnijiet tal-oħrajn. Hawnhekk jieqaf minn dak li kien qed jagħmel biex jagħti attenzjoni lil dan ir-raġel li ibnu kien qiegħed fl-aħħar. U Ġesù, b’ħafna mħabba, jgħid kelma u minn hemmhekk, mill-bogħod, ifejjaq lil ibnu. Jgħidlu biss: “ibnek ħaj”. Ġesù ma jmurx, kif talbu dar-raġel. F’mirakli oħra, Ġesù mexa u mar sad-dar fejn kien hemm xi ħadd marid biex ifejqu. Imma hawnhekk Ġesù li għamel hu mhux biss li fejjaq lil iben dan l-uffiċċjal, imma saħħaħ il-fidi ta’ dan l-uffiċċjal. It-talba kienet biex imur id-dar, imma Ġesù ma marx miegħu d-dar biex ifejjaq lil ibnu imma minn hemmhekk stess qal kelma li biha fejjaq lil ibnu. Hawnhekk lil Ġesù narawh mhux biss mimli mħabba, imma jgħin biex isaħħaħ il-fidi li diġa kellu dan l-uffiċċjal, u jsaħħaħha billi dan l-uffiċċjal iserraħ fuq il-kelma tiegħu.
Din hu messaġġ sabiħ ħafna għalina llum, aħna u nirriflettu fuq dan l-Evanġelju. Ġesù lilna jgħinna biex aħna nersqu lejh bil-fiduċja, iħeġġiġna biex aħna nagħmlu talba ħerqana għal dawk għeżież għalina, bħalma għamel dan l-uffiċċjal għal ibnu. Imma Ġesù jgħinna wkoll biex aħna nserrħu fuq il-kelma tiegħu. Mhux bilfors għax il-mod kif naħsbu aħna jkun il-mod kif jaħseb hu, jew l-aħjar soluzzjoni tagħna tkun is-soluzzjoni tiegħu. Hawnhekk, fil-fatt, dan l-uffiċċjal, meta mar jiltaqa’ ma’ Ġesù, mar biex jieħdu d-dar ħalli jfejjaq lil ibnu. Imma Ġesù ma marx kif talbu dan, imma fejqu mill-bogħod. Kultant magħna jagħmel l-istess Ġesù. Jisma’ t-talb tagħna imma jasal minn triq differenti milli nkunu ħsibna aħna, b’mod differenti, imma dejjem jisma’ t-talb tagħna u jagħtina dak li hu ta’ ġid għalina.
Nitolbu llum lill-Mulej biex isaħħaħ fina l-fidi, jgħinna biex inserrħu fuq il-kelma tiegħu, inressqulu t-talbiet ħerqana tagħna imma dejjem b’din il-fiduċja li hu jagħtina dak li hu ta’ ġid għalina.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta