• L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

     

  • Monasteru ta’ Santa Katerina, il-Belt Valletta
    27 ta’ Novembru 2018

    Il-Papa Franġisku fl-eżortazzjoni appostolika tiegħu Gaudete et Exsultate jitkellem fuq is-sejħa tagħna lkoll kemm aħna għall-qdusija. F’paragrafu 12 isemmi nisa qaddisin li taw kontribut kbir fil-ħajja tal-Knisja. Jitkellem ukoll fuq dawk li taw ħajjithom biex jistqarru l-fidi tagħhom (f’paragrafu 94).

    Santa Katarina tgħaqqad dawn it-tnejn flimkien: mara li tat xhieda għal Kristu bil-martirju tagħha. F’dan il-jum ta’ festa għaliha, ħa nħarsu lejha u naraw x’tgħallimna għall-ħajja tagħna.

    Insemmi tliet punti prinċipali.


    Il-fidi l-aqwa te
    żor

    Santa Katarina kellha l-fidi bħala l-aqwa teżor. Għarfet li Alla hu dak li jħobb, u hi kellha fidi kbira f’Alla li jħobb. Għaliha l-fidi kienet l-aqwa teżor. Alla kien tassew iċ-ċentru tal-ħajja tagħha.

    Quddiem għażliet oħra, baqgħet fidila lejn Alla. Kellha għażla li tfittex il-ġid u l-għana tad-dinja, imma kienet lesta tiċħad dan biex iżżomm soda fil-fidi. Kellha tfixkil għall-fidi anke mill-għorrief li ġab l-imperatur. Imma ma ħalliet lil xejn u lil ħadd itellifha.

    Hi eżempju kbir għalina li nemmnu. Il-fidi hi l-akbar teżor li għandna għax tagħtina l-iskop għal ħajjitna, timlielna qalbna b’dak li hu l-akbar u l-aqwa ġid. Jista’ jkun hemm x’itellifna fil-fidi tagħna; nistgħu nintilfu wara dak li jgħaddi u nittraskuraw dak li jibqa’ għal dejjem. Għalhekk nitolbu lill-Mulej biex isaħħaħna fil-fidi ħalli fuq l-eżempju ta’ Santa Katarina.


    Il-kuraġġ frott il-fidi

    Santa Katarina kienet persuna ta’ kuraġġ frott il-fidi tagħha. Għaliha l-fidi ma kinetx tagħlaqha fiha nfisha  imma riedet taqsam il-fidi mal-oħrajn. Meta l-Imperatur Massenzju mar fil-belt ta’ Lixandra fil-bidu tas-seklu IV u ordna lil kulħadd biex imorru joffru s-sagrifiċċji lill-allat fit-tempji, mill-folla ħarġet Katarina li ħeġġet lill-insara biex ma jobdux u ma jqimux allat foloz.

    Tat xhieda tal-fidi bil-kuraġġ u bla biża’. Quddiem l-Imperatur, quddiem l-għorrief, żammet sod u tat xhieda tal-fidi tagħha. Ma beżgħetx minnhom. Għażlet is-sewwa anke quddiem kull tip ta’ poter. U meta tefgħuha l-ħabs, diversi li marru jarawha fiċ-ċella, fosthom mart l-imperatur, baqgħu milquta minn din ix-xhieda tagħha u saru Nsara.

    Hi eżempju kbir għalina llum biex kulfejn inkunu nagħtu xhieda tal-fidi tagħna. L-ewwel bl-imġiba, imbagħad b’kelma ta’ ġid.

    Kultant ikollna sens ta’ inferjorità u din tegħlibna. Kultant qisna nibżgħu mill-konsegwenzi jekk nuru li nemmnu. M’għandniex għalfejn nibżgħu minn ħadd, m’għandniex għalfejn nistħu – nistħu jekk nippruvaw naħbu l-fidi, nistħu jekk ma nagħtux xhieda. Bejn dak li jista’ jagħtina xi ħadd hawn fid-dinja u dak li jagħtina Alla, jekk imorru kontra xulxin, għandna nagħżlu lil Alla. Ma naqtgħux qalbna fil-kuntrarju. Anzi jservina għal ħeġġa ġdida.


    Tbatija għas-sewwa

    Santa Katarina kienet lesta tbati għas-sewwa. Għaddiet minn kull tip ta’ tbatija – tbatija morali, tbatija għax imqiegħda fil-ġenb; tbatija fiżika, tbatija mill-aktar ħarxa. It-tbatija kienet għaliha bħal nar li jsaffi d-deheb. Għexet bil-fedeltà lejn Alla sal-aħħar nifs, sakemm tawha l-martirju billi qatgħulha rasha.

    Hi eżempju kbir għalina llum. Fi żmienna wkoll mad-dinja kollha diversi Nsara qed jgħaddu minn martirju u jinqatlu minħabba l-fidi tagħhom. Hi realtà li qed tiġri llum, u hemm ukoll persekuzzjoni ta’ tipi oħra. Il-Papa Franġisku f’Gaudete et Exsultate (par. 94) jikteb: “Il-persekuzzjonijiet m’humiex realtà tal-imgħoddi, għax anki llum qed inbatu minnhom, kemm bit-tixrid tad-demm, bħal tant martri ta’ żminjietna, u kemm b’mod iktar sottili permezz ta’ kalunji u qlajjiet foloz … Drabi oħra jkun żeblih li jipprova jisfigura l-fidi tagħna u jgħaddina ta’ nies boloh”.

    Il-messaġġ ta’ Katarina hu għalina wkoll fil-ħajja tagħna personali ta’ kuljum: ifakkarna li t-tbatija hija turija tal-imħabba vera u m’għandniex nibżgħu inbatu għas-sewwa.

    Illum inġeddu l-imħabba tagħna lejn Alla permezz ta’ Santa Katarina. Nitolbuha tidħol għalina, għall-għeżież tagħna, għal dan il-monasteru għażiż iddedikat lilha, għar-reliġjużi li hawnhekk taw ħajjithom lil Alla –  biex inkunu bħalha Nsara ta’ veru: li ngħożżu l-fidi, li nagħtu xhieda tal-fidi, li ma nibżgħux inbatu għas-sewwa.

    ✠ Joseph Galea-Curmi
        Isqof Awżiljarju