L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Fejn hu dak li twieled sultan tal-Lhud?” (Mt 2:2) Din kienet il-mistoqsija li għamlu xi magi li ġew Ġerusalemm mil-Lvant, bl-iskop li huma jaslu għand dan is-sultan u jqimuh. Kienet mistoqsija magħmula b’sinċerità, imma li qajmet ferment kbir fost il-kbarat. Fil-fatt, l-Evanġelju skont San Mattew jgħid li għal dil-mistoqsija, Erodi li sema’ bihom “tħawwad hu u Ġerusalemm kollha miegħu” (Mt 2:3).
Din hi mistoqsija li kompliet tħawwad lil ħafna nies fil-ħajja ta’ Ġesù. Niftakru lejn l-aħħar tal-ħajja tiegħu, fil-passjoni, fl-istess Evanġelju skont San Mattew, meta kien quddiem Pilatu, u dan staqsieh: “Inti s-sultan tal-Lhud?” (Mt 27:11) U niftakru wkoll li fl-aħħar ta’ ħajtu, meta kien imsallab, Ġesu kellu din l-iskrizzjoni fuq is-salib li fil-fatt kitibha Pilatu, u li kienet skont l-Evanġelju “il-kawża tal-kundanna tiegħu”, skrizzjoni li kienet tgħid: “Dan hu Ġesù, is-sultan tal-Lhud” (Mt 27:37). Il-mistoqsija li staqsew il-Maġi “Fejn hu s-sultan tal-Lhud?” fl-aħħar mill-aħħar sabet ir-risposta fuq is-salib, fejn hemm Ġesù jingħata b’imħabba għas-salvazzjoni tal-umanità u li juri, għalhekk, x’tip ta’ sultan hu.
Ħa nħarsu ftit lejn din il-ġrajja tal-Epifanija, li bdiet minn din il-mistoqsija, u speċjalment lejn il-maġi, u naraw x’jgħallmuna għall-ħajja tagħna.
Għarfu s-sinjal
Dawn il-maġi kienu nies għorrief, nies li jistudjaw u jfittxu. Għalihom il-kewkba li raw kienet indikazzjoni tat-twelid tas-sultan. Ma baqgħux jistudjaw biss, u jagħrfu l-affarijiet mill-bogħod, imma ddeċidew li jibdew vjaġġ twil mil-Lvant, vjaġġ skomdu, biex jaslu għand dan is-sultan. Ma kinux jafu x’se jsibu, ma kinux jafu min kien Ġesù, imma ddeċidew li jagħmlu vjaġġ immexxija mill-kewkba biex jaslu għandu.
L-ewwel ħaġa li jgħallmuna dawn il-maġi hija kemm hu importanti li f’ħajjitna aħna nkunu attenti għas-sinjali li Alla jagħtina u li permezz tagħhom nistgħu nimxu fit-triq it-tajba u nkunu viċin tiegħu. Alla jagħtina diversi nies li huma bħal kewkba, nies li jmexxuna fit-triq it-tajba, u jgħinuna nagħrfu dak li hu sewwa. Irridu nkunu attenti, u wkoll ikollna l-kuraġġ li fejn meħtieġ niskomodaw ruħna biex insegwu s-sinjali li Alla jagħtina.
Għelbu l-ostakli
Il-maġi kienu perseveranti. Iltaqgħu ma’ diversi ostakli fil-vjaġġ, u fost l-oħrajn kellhom bżonn jistaqsu lil min seta’ jgħinhom. Imma ġara li min seta’ jgħinhom ra f’dan is-sultan li twieled theddida għall-poter tiegħu. L-akbar ostaklu li ltaqgħu miegħu l-maġi kien il-qerq. Erodi għamel ta’ bir-ruħu li jinteressah ikun jaf fejn hu Ġesù, li hu wkoll irid iqimu, imma nafu li fil-fatt beża’ minn dan is-sultan tal-Lhud u ried ikun jaf fejn kien biex jeliminah.
Kien il-Mulej li ggwida lill-maġi biex ma jmorrux lura għand Erodi, u hekk jevitaw li jgħidulu fejn hu dan is-sultan. Il-kuntrast bejn il-maġi u Erodi hu kbir tassew: huma kienu sinċiera fix-xewqa tagħhom li jqimu s-sultan tal-Lhud, Erodi ried iqarraq; huma kellhom il-ħsieb li jqimu l-ħajja, Erodi li jelimina l-ħajja. Il-maġi huma simbolu tal-għażla favur il-ħajja, b’kuntrast mal-għażla favur il-mewt irrappreżentata minn Erodi, li magħha kellha wkoll il-qerq għax Erodi minn barra kien ippreżenta ruħu bħala ħerqan biex iqim lil Ġesù.
Lilna l-maġi jgħallmuna l-perseveranza, li ma naqtgħux qalbna fil-mixja tal-ħajja; li negħlbu l-ostakli li jiġu quddiemna, u narawhom bħala opportunità biex insaħħu r-rieda tagħna biex nagħmlu dak li hu sewwa. Jgħallmuna wkoll biex ikollna għajnejna miftuħa u attenti mill-ingann, u biex il-Mulej kontinwament jeħlisna minn dan il-qerq.
Qiemu l-Mulej
Meta l-maġi, bis-saħħa tal-kewkba, waslu fid-dar fejn kien Ġesù, huma daħlu d-dar u “nxteħtu fl-art iqimuh” (Mt 2:11). Hemm laħqu l-iskop tal-vjaġġ twil tagħhom. Lil Ġesù kienu għadhom ma għarfuhx bħala s-Salvatur tal-ġnus, imma għarfu li kien bniedem speċjali, is-sultan tal-Lhud. Mhux biex inxteħtu jqimuh, imma offrewlu r-rigali li ġabu magħhom mill-bogħod, rigali b’tifsira. It-teżori tagħhom offrewhom lil Ġesù. Kienu tassew ġenerużi, imma filwaqt li huma offrewlu r-rigali, irċevew ħafna aktar; irċevew ir-rigal kbir tal-preżenza ta’ Ġesù.
Aħna għarafna lil Ġesù, u għarafnieh mhux biss bħala s-sultan tal-Lhud imma bħala s-Salvatur tad-dinja, il-Mulej, Alla li sar bniedem fostna. Għalhekk ninxteħtu quddiemu, inqimuh. Kull darba li niġu hawnhekk għaċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija, qed nagħmlu l-istess għażla tal-maġi, anke jekk il-vjaġġ tagħna mhux daqshekk mill-bogħod. Aħna niġu hawnhekk biex niltaqgħu mal-Mulej, biex inqimuh b’għożża kbira, u nqimuh billi noffrulu ħajjitna. Il-ferħ u l-paċi li ħassew il-maġi nħossuhom aħna wkoll meta niġu hawnhekk inqimuh, għax fiċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija nirċievu ħafna aktar milli nistgħu nagħtu.
Alla tal-ġnus kollha
L-Epifanija hija mhux biss l-istorja ta’ dawn il-maġi li ġew iqimu s-sultan tal-Lhud. Hija l-istorja ta’ kif Alla wera lilu nnifsu bħala d-dawl għall-ġnus kollha, Alla li hu Alla mhux ta’ grupp wieħed, ta’ poplu wieħed, ta’ pajjiż wieħed, ta’ razza waħda, imma Alla tal-bnedmin kollha u għall-bnedmin kollha. Kif għedna fis-Salm: “Il-ġnus kollha tal-art jagħtuk qima, Mulej”.
Fl-istorja tal-Epifanija għandna r-rebħa tal-imħabba fuq il-mibegħda, tas-sinċerità fuq il-qerq, tal-paċi fuq il-vjolenza, tal-ferħ fuq id-dwejjaq, tal-ħajja fuq il-mewt. Aħna nqimu l-Mulej li hu sid il-ħajja, il-Mulej li jagħti l-ħajja.
Nitolbu lill-Mulej biex f’ħajjitna bħall-maġi nagħrfu s-sinjali li hu jagħtina, nimxu bil-perseveranza b’mod li negħlbu kull ostaklu u speċjalment l-ingann, u dejjem inqimuh b’imħabba kbira. U nitolbuh li ħajjitna tkun ukoll epifanija, xhieda tiegħu, u ta’ dak li hu jfisser għall-umanità kollha.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta