L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Erodi se jfittex lit-tifel biex joqtlu” (Mt 2:13). Dan hu li naqraw fl-Evanġelju llum, skont San Mattew. Hu l-kliem tal-anġlu li jidher lil Ġużeppi f’ħolma u jgħidlu biex jaħrab lejn l-Eġittu u jieħu miegħu lil Marija u Ġesù, għax Erodi kien qed ifittex li joqtol lil Ġesù. Hi kerha li proprju ftit ġranet wara l-Milied, meta aħna niċċelebraw il-ferħ tat-twelid ta’ Ġesù fostna, naraw li mal-ewwel kien hemm mhux biss min ma laqgħuhx imma min fittex li jeliminah.

Hu dan ir-rakkont li llum jurina kif il-familja ta’ Nażaret – il-familja ta’ Marija, Ġużeppi u Ġesù – li aħna niċċelebraw bħala familja li għandha tkun ta’ mudell u ta’ ispirazzjoni għalina, hija familja li mill-bidu nett kellha ħafna diffikultajiet, problemi, sfidi u tbatijiet. Għalhekk meta qed nitkellmu fuq il-familja ta’ Nażaret, m’aħniex qed nitkellmu fuq familja fejn kollox kien sew, kollox mexa ħarir, imma fuq familja li mill-bidu nett, minn qabel twieled Ġesù, kellha ħafna diffikultajiet.

Kienu familja li ma kellhomx post fejn iwelldu t-tifel, ma kellhomx housing fejn setgħu joqogħdu almenu fiż-żmien meta kienu Betlehem. Kienu familja refuġjata – ifittxu li jaħarbu minn pajjiżhom u jmorru f’post ieħor, bħalma naraw illum fl-Evanġelju, minħabba l-persekuzzjoni. Għalhekk imorru f’post li mhumiex imdorrijin fih, fejn kollox ġdid għalihom, fejn huma maqtugħin mill-bqija tan-nies li kienu jafu. Hi familja li mhux dejjem fehmu lil xulxin. Fil-fatt, fil-ġrajja meta Ġesù ntilef fit-tempju, naqraw li ma setgħux jifhmu x’qed jiġri, u ommu qaltlu: “Ibni, dan għaliex għamiltilna hekk?” (Lq 2:48) U mar-risposta ta’ Ġesù, li hu għandu jkun f’dak li hu ta’ missieru, l-Evanġelju jgħid: “kliemu ma fehmuhx” (Lq 2:50).

Imma din hi l-familja li l-Knisja tqiegħed lilna bħala ispirazzjoni. X’tgħallem lilna llum għall-ħajja tal-familja? Insemmi tliet punti, fost oħrajn, li wieħed jista’ jara f’din il-familja.

Dak li jrid Alla

L-ewwel nett, din il-familja tgħallimna ħafna li dak li fittxew kien dejjem dak li ried Alla – li jgħixu fil-preżenza tiegħu u jagħmlu dak li jrid Alla, anke meta mhux kollox kien ċar. Marija, meta dehrilha l-anġlu Gabriel, mhux kollox setgħet tifhem, imma kif għarfet li Alla hekk ried, qalet: “Ara jiena l-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skont kelmtek” (Lq 1:38).  Ġużeppi ma setax jifhem x’qed jiġri u rċieva messaġġ minn Alla, u qam u għamel kif qallu l-anġlu. U Ġesù, il-ħajja tiegħu kienet dejjem: “Hawn jien, ġejt biex nagħmel ir-rieda tiegħek” (Lhud 10:19). Ir-rieda ta’ Alla mexxietu.

Għalhekk dak li turina l-familja ta’ Nażaret hu li minkejja d-diffiultajiet u t-tbatijiet li għaddew minnhom, dejjem fittxew dak li ried Alla, għax għarfu li dak hu tal-akbar ġid. Dan hu messaġġ sabiħ għall-ħajja tagħna. Aħna ngħaddu minn mumenti diffiċli, minn diversi sfidi u tbatijiet, imma meta nfittxu dak li jrid Alla, u nkunu lesti li nagħmluh b’qalbna kollha u bil-ħila kollha tagħna, hemm insibu tassew l-aqwa ġid għall-familja tagħna.

L-imħabba fil-qalba 

X’naraw aktar f’din il-familja? Kienet l-imħabba li kienet tmexxihom. Il-ġrajja tat-twelid ta’ Ġesù u dak li jiġi wara – kollox juri li l-imħabba kienet fil-qalb ta’ din il-familja. L-imħabba li tfisser li ma tfittixx lilek innifsek, dak li jaqbel lilek u jinteressa lilek, u tieqaf hemm, imma taħseb l-ewwel f’ħaddieħor. Fil-fatt, din narawha ħafna f’Marija, Ġużeppi u Ġesù. Dak li jsemmi San Pawl fl-Ittra tiegħu lill-Kolossin – “ilbsu, mela, sentimenti ta’ ħniena, tjieba, umiltà, ħlewwa u sabar” (Kol 3:12) – narawh tassew f’din il-familja.

Hu eżempju sabiħ għalina. Aħna wkoll, meta ngħixu din l-imħabba – li tfisser l-għotja tagħna nfusna, li naħsbu fl-oħrajn – hemmhekk tassew nindunaw kemm hu sabiħ li ngħixu hekk, kemm hu veru l-kliem ta’ San Pawl meta jgħid: “Fuq kollox ilbsu l-imħabba” (Kol 3:14). U jgħid: “ħalli s-sliem ta’ Krisu jsaltan fi qlubkom” (Kol 3:15). Verament ikollna l-paċi f’qalbna meta aħna nfittxu li ngħixu f’din l-imħabba.

L-għożża tal-ħajja

X’naraw aktar f’din il-familja ta’ Nażaret? Ħa nsemmi l-enfasi tal-Evanġelju tal-lum: li l-familja tipproteġi l-ħajja. Lil Ġużeppi l-anġlu qallu: “Qum, ħu miegħek lit-tifel u lil ommu, u aħrab” (Mt 2:13) Telaq bil-lejl, biex jipproteġi l-ħajja ta’ Ġesù.

Din narawha dejjem f’din il-familja: il-protezzjoni tal-ħajja. Lil Ġesù mill-bidu nett kien hemm min ried jeliminaw, u hekk għamlu fl-aħħar, imma l-eżempju li hu jagħtina hu tassew importanti: li naħdmu għall-protezzjoni tal-ħajja.

Hemm diversi postijiet fid-dinja fejn familji huma meqruda, fejn tfal huma eliminati minħabba l-aggressjoni u l-vjolenza u l-mibegħda – qed jerġa’ jseħħ dak li naqraw f’din il-ġrajja. Erodi hemm għamel, u dak hu li nfakkru fit-28 ta’ Diċembru: l-qtil tal-innoċenti. Imma kemm hu veru wkoll, mhux biss meta nħarsu ’l bogħod u naraw fejn hemm konflitti u gwerer, imma kultant f’soċjetajiet “ċivilizzati” ħafna: il-qerda tat-tfal li għadhom ma tweldux, il-qerda tat-tfal li għadhom fil-ġuf ta’ ommhom, u din, terġa’, meqjusa bħala pass ’il quddiem – fost uħud, il-ħidma tkun fuq kif tista’ tgħinhom biex jeliminaw ħajja umana li tnisslet u għadha ma twelditx, u tagħmel dan b’mod safe. 

Fejn hemm ħajja umana, għandha tiġi protetta. U l-familja għandha tkun dik li tipproteġi kull ħajja umana – mill-bidu nett, mit-tnissil, tul il-ħajja kollha, u sal-aħħar, anke meta persuna tersaq lejn l-aħħar ta’ ħajjitha u tkun vulnerabbli u dipendenti. Il-messaġġ li tagħtina l-familja ta’ Nażaret hu messaġġ ta’ protezzjoni sħiħa tal-ħajja. Hemm nindunaw kemm tkun sabiħa l-ħajja: meta aħna ngħożżu l-ħajja tagħna u l-ħajja tal-oħrajn.

Talba għall-familji

Nitolbu lill-Mulej illum, ispirati mill-familja ta’ Nażaret, biex aħna nkomplu ngħixu l-ispirtu ta’ din il-familja.  U tajjeb niftakru wkoll f’dawk il-familji li bħalissa għaddejjin minn sfidi u minn problemi, minn kriżijiet, biex fina jsibu mhux min jiġġudikahom u jikkundannahom, imma min joffrilhom appoġġ, sapport u mħabba.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta