• ****

     
    Direttur: Erik Poppe
    Atturi: Juliet Binoche, Nikolaj Coster-Waldau, Maria Doyle Kennedy, Larry Mullen Jr, Mads Ousdal
    Ħin tal-film: 117 min
     
    Klassifika taċ-Ċensura: 15
    Klassifika tal-Knisja: 18

    Rebecca hi ġurnalista li tiġbed ir-ritratti f’ċirkustanzi perikolużi  ħafna. Kienet ossessjonata li tirraporta dak li kien qiegħed jiġri fid-dinja tagħna llum u b’hekk iġib għall-attenzjoni tal-media l-attroċitajiet li qegħdin jiġru. Din id-darba tinsab ġewwa Afganistan tiddukumenta b’reqqa kbira, permezz ta’ ritratti, xi jkun qiegħed jiġri wara l-kwinti. Tfajla tkun qegħda tiġi ppreparata biex tkun bomba suwiċida. Rebecca ma kienitx biss kuntenta li tara t-tħejjjija li  tkun qegħda ssir fuq it-tfajla li madwar qaddha jkunu qegħdin jitwaħħlu esplożivi, iżda wkoll titlob li tmur ma’ din it-tfajla fiċ-ċentru ta’ Kabul fejn kien ippjanat li tisplodi din it-tfajla. Sfortunatament,  Rebecca tippjanikja b’riżultat li l-bomba tieħu qabel il-waqt. Barra li toħloq paniku u toqtol ħafna nies, Rebecca stess tintlaqat sewwa u tispiċċa  għal kważi mejta.  Waqt li tkun tinsab tieħu saħħitha ġewwa l-Irlanda, Rebecca jkollha tiġi wiċċ imbwiċċ mar-raġel tagħha Marcus li kien  jieħu ħsieb iż-żewġt itfal. Wara l-inċident ġewwa Kabul, li kien kważi fatali,  Rebecca ssib ruħha tagħmel l-għażliet ta’ x’sejrin jkunu l-prioritajiet tagħha f’ħajjitha, jew tmur tkompli tirriskja ħajjitha jew tagħżel il-familja tagħha. Rebecca tagħżel il-familja. It-tifla Steph,  minnaħa tagħha issa li qegħda tikber,  tibda turi nteress fix-xogħol li ommha kienet għamlet fil-passat u tibda tifħem l-għan tax-xogħol li ommha kienet wettqet, għalkemm għal skapitu tal-familja,  xogħol li wara kollox kien qiegħed iġġib għall-attenzjoni tad-dinja dak li qiegħed jiġri. X’jiġri meta Marcus ħajjar lill-martu Rebecca, għalkemm hi stess ma kienitx tant ħerqana, biex  tikkumpanja lil Steph għal esperjenza ġewwa l-Kenya, f’kamp tar-refuġjati li ma kienx f’qaghda tant perikoluża kif kienu postjiet  oħra madwar id-dinja? Iżda x’jiġri meta Rebecca, u Steph ikunu fi żjara fil-Kenya u f’daqqa waħda grupp żgħar ta’ terroristi jidħlu fil-kamp tar-refuġjati? Xi jkun l-effett fil-ħajja taż-żwieġ bejn Marcus u Rebecca?

    Film drammatiku, bi storja tajba, maħdum b’sengħa kbira, b’Juliette Binoche fil-parti prinċipali ta’ Rebecca, fotoġurnalista, u  li tispikka fuq kulħadd għas-seħem tagħha fis-suċċess ta’ dan il-film Irlandiz u Norveġiż maħdum fis-sena 2013.  Minħabba l-vjolenza u ġrajjiet mdemmija, qtil bla sens,  ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu t-tmintax –il sena.