Il-messaġġ tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Nixtieq ningħaqad mas-sentimenti ta’ gratitudni tal-Arċipriet, u ħadt pjaċir ukoll nisma’ din il-litanija ta’ tant nies ġenerużi, li l-ħidma tagħhom għenet biex wasalna għal dan il-jum memorabbli. Xejn ma jsir f’daqqa, u ħadd ma jagħmel xejn waħdu. Jekk hemm sinjal ta’ komunità li tinġabar flimkien u toħloq is-sbuħija, dan hu eżempju sabiħ.
Il-Papa jixtieq proċess kontinwu ta’ mixja flimkien. Mixja flimkien, li bil-Grieg insejħulha ‘sinodos’ – mixja flimkien. Dak li għamiltu wkoll hu proċess ta’ mixja flimkien, proċess sinodali; il-poplu, kulħadd jagħti d-disponibbiltà tal-ħeġġa, tar-riżorsi, tal-ħin, tal-volontarjat, tal-immaġinazzjoni, tal-kontribut u l-ideat tiegħu; u flimkien toħolqu xi ħaġa sabiħa, li tagħtu glorja lil Alla. Il-poplu Senglean, qed ikompli tradizzjoni antika, u llum il-poplu Senglean għandu jħossu kburi b’din it-tradizzjoni li ħalliet lil din il-parroċċa għażiża, f’din il-belt Invicta, f’din il-Bażilika, opri tant sbieħ, ikollok ukoll futur u anke żvilupp.
Dan hu mument mhux biss tal-ħeġġa u l-għożża tas-Sengleani u tal-Maltin, għax hawnhekk il-Maltin u l-Għawdxin dejjem ġew bi ħġarhom, biex jitolbu f’riġlejn ir-Redentur, fejn Marija Bambina; imma hi wkoll sinjal tal-qerda tal-bniedem, dak li ġara fit-Tieni Gwerra Dinjija, u li qatt m’għandu l-aħħar kelma. Aħna llum, meta nħarsu madwarna, anke fl-Ewropa, għadna naraw, forsi tistħi tgħidha, l-istess qerda, l-istess tiġrif li ġarrbet din il-Bażilika. Illum qed nagħmlu statement, li l-aggressjoni u l-vjolenza mhumiex dak li jagħmlu ġieħ lill-bniedem; imma hu dan: li flimkien nibnu u mhux inġarrfu; li flimkien ninġabru biex noħolqu sbuħija bħala innu ta’ glorja lil Alla.
Dan il-kappellun, bħalma spjegalna tant tajjeb il-Kanonku Joanthan Farrugia, u li jien persważ li hu espress b’mod maġisterjali, mill-artist Manuel Farrugia, hu wkoll messaġġ qawwi ta’ solidarjetà. Oliver Friggieri, darba qal, li biex tkun taf liema hi l-vera festa nazzjonali tal-Maltin, ejja fil-gżejjer tagħna f’Jum id-Duluri, meta jkun hemm kulħadd. Jalla nibqgħu hekk.
L-aggressjoni u l-vjolenza mhumiex dak li jagħmlu ġieħ lill-bniedem; imma hu dan: li flimkien nibnu u mhux inġarrfu; li flimkien ninġabru biex noħolqu sbuħija bħala innu ta’ glorja lil Alla.
Dan il-kappellun iddedikat lid-Duluri ta’ Marija Santissima, li b’xi mod hu dak li jintroduċik għall-Oratorju, dak il-passaġġ tar-Redentur, hu sinjal li fuq il-kefrija u fuq il-problemi tal-ħajja, hemm messaġġ ta’ tama u għas-solidarjetà ta’ bejnietna. Id, li newlu lil xulxin, li ħadd ma jħossu waħdu. Ħadt pjaċir ħafna li għaqqadtu t-tema tat-tbatija mat-tema tat-tama. Min jaf kemm nies iħossuhom bla tama, aħna jekk irridu nkunu tassew segwaċi ta’ Ġesù u l-ulied veri ta’ Marija Bambina, irridu nkunu dawk li quddiem sitwazzjonijiet li għalina jidhru bla tama, inkunu aħna li nagħtu t-tama.
Ejjew issa ninġabru flimkien biex nitolbu, ħalli l-Mulej ibierek il-ħidma tal-poplu Senglean u tal-artisti, għax hawn diversi kwalitajiet ta’ arti jinġabru flimkien, tas-snajja’, u ta’ voluntarjat.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta