L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Hi l-iċken fost iż-żrieragħ kollha” (Mk 4:31). Dan huwa li jgħid Ġesù llum fl-Evanġelju skont San Mark, meta qed jitkellem fuq iż-żerriegħa tal-mustarda. U hawnhekk, għal darbtejn, Ġesù jqabbel is-Saltna ta’ Alla ma’ żerriegħa. Mal-ewwel tolqotna din, għax meta inti ssemmi “saltna”, f’moħħok tiġi xi ħaġa kbira; imma Ġesù, proprju meta jsemmi s-Saltna, isemmi xi ħaġa żgħira, żerriegħa, anzi mbagħad l-iżgħar fost iż-żrieragħ – iż-żerriegħa tal-mustarda.
L-Evanġelju jgħidilna ħafna għall-ħajja tagħna, u speċjalment ukoll għall-ħidma ta’ ġid li ssir permezz tagħna – meta aħna nkunu tassew fidili lejn Alla – u permezz tal-Knisja kollha. Jurina l-ewwel nett li ż-żerriegħa tikber bil-qawwa ta’ Alla. Meta ż-żerriegħa tinżel fl-art, hawnhekk jgħidlek li dak li jkun ħadem biex iqiegħed iż-żerriegħa fl-art ikun “rieqed jew imqajjem, bil-lejl jew bin-nhar, iż-żerriegħa tinbet u tikber” (Mk 4:27). Jiġifieri mhux hu jikkontrollaha. Hi tikber waħedha, u tikber bil-qawwa ta’ Alla. Hi mportanti l-ħidma tal-bidwi, għax kieku ma jqegħidx iż-żerriegħa, ma jikber xejn; imma mbagħad il-ħidma tat-tkabbir, kif din tiżviluppa, dik f’idejn Alla. Dan diġà jgħidilna ħafna għall-ħajja tagħna, għax jurina li aħna rridu nagħmlu dejjem il-parti tagħna, is-sehem tagħna nagħtuh, imma għandna nifhmu li hu Alla li jkabbar, ħafna drabi fejn aħna ma nintebhux ukoll. Hu kontinwament qed jiżviluppa t-tajjeb u l-ġid li nistgħu nagħmlu. Għalhekk, l-ewwel messaġġ huwa dan: inqiegħdu l-fiduċja fih, nagħtu l-kontribut tagħna, imma jkollna din il-fiduċja sħiħa fih.
Imbagħad tolqtok ħafna kif hawn Ġesù qed jitkellem fuq xi ħaġa li ssir fil-moħbi, fil-kwiet. Xejn spettakolari, xejn li jolqot l-għajn. Dan hu l-kontra ta’ kif ħafna drabi nirraġunaw aħna – ħafna drabi, li jolqotna hu dak li jagħmel ħoss. Dak li jsir fis-skiet, fil-kwiet, dak kultant qisna lanqas nindunaw bih. Imma qed jgħid Ġesù: hekk tikber is-Saltna ta’ Alla. Fis-skiet, fil-kwiet, fejn mhux bilfors tintebah int, jew tiġbed l-attenzjoni ta’ ħafna nies, hemm tikber is-Saltna ta’ Alla.
Kemm hi sabiħa din għall-ħidma li ssir mill-Knisja – tant nies impenjati fil-ħajja tal-Knisja – fil-gruppi, fil-parroċċi tagħna, fil-kongregazzjonijiet reliġjużi. Hekk kontinwament jaħdmu: fis-skiet, fil-kwiet, forsi bla ma jidhru fl-aħbarijiet jew jagħmlu ħafna ħoss. Imma Ġesù qed jgħid: hekk tikber is-Saltna ta’ Alla. Dan hu apprezzament kbir għall-ħidma li ssir kontinwament u f’kull parti tal-Knisja. Jekk nieħdu l-Knisja f’Malta, kontinwament, kuljum, il-ħin kollu, minn tant nies, hemm tant ġid li qed isir, u jsir b’dan l-ispirtu. Fis-skiet, fil-kwiet, jafu Alla, u min forsi qed jibbenefika minn din il-ħidma. Dak hu ta’ min japprezzah.
Imbagħad, meta Ġesù jsemmi diż-żerriegħa żgħira, u jgħid fuq l-iċken waħda – iż-żerriegħa tal-mustarda – qed jgħid kemm għandna aħna napprezzaw ukoll dawk li aħna jidhrilna huma affarijiet żgħar. Kultant ġesti żgħar – kelma ta’ apprezzament, messaġġ li jagħti sapport u kuraġġ, jew li tieqaf ma’ xi ħadd li qed ibati jew li ġarrab telfa – dawn huma affarijiet li forsi għalina jidhru żgħar ħdejn tant affarijiet oħra fid-dinja; imma qed jgħid: dawn għandhom il-valur tagħhom. Minnhom Alla jagħmel xi ħaġa ikbar u sabiħa, jiġifieri xi ħaġa li tħalli l-ġid fit-tul. Għalhekk aħna għandna napprezzaw anke dak li hu ċkejken, dak li hu żgħir. Kif semma hawnhekk, meta qed jitkellem fuq iż-żerriegħa tal-mustarda, imbagħad “issir l-ikbar waħda fost il-ħxejjex kollha” (Mk 4:32). Għax hu Alla li jkabbar, u li jieħu anke dak li hu żgħir biex minnu jagħmel tassew xi ħaġa kbira u sabiħa.
Kemm hu ta’ kuraġġ għalina dan l-Evanġelju llum! Kemm jgħinna fil-ħajja tagħna biex aħna qatt ma naqtgħu qalbna, imma nkomplu nagħmlu l-ħidma tagħna bil-kuraġġ, b’serenità, bil-fiduċja f’Alla, u nagħmlu dak li għandna nagħmlu! U konvinti li anke jekk aħna kultant mhux se naraw il-frott, il-frott se jkun hemm. Mhux bilfors min jiżra’ se jara l-frott ta’ din il-ħidma – jista’ jkun jarawh ta’ warajh. Imma l-frott ikun hemm, għax hu Alla li jkabbar, li jittrasforma ż-żerriegħa f’xi ħaġa li tkun sabiħa u ta’ ġid. Għalhekk nitolbuh lill-Mulej biex dejjem ikollna din il-fiduċja fih, u li naħdmu tassew b’dan l-ispirtu, konvinti li hekk taħdem is-Saltna ta’ Alla. Meta ngħidulu, kull darba li nitolbu t-talba tal-Missierna, “tiġi Saltnatek”, qed ngħidu li b’dal-mod tiġi s-Saltna ta’ Alla.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta




