L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Mhux dak li jidħol mill-fomm itebba’ lill-bniedem, imma dak li joħroġ mill-fomm, dan hu li jtebba’ lill-bniedem!” Dan hu l-kliem li smajna lil Ġesù jgħid fl-Evanġelju llum, u nafu mill-esperjenza tal-ħajja kemm hu veru. Meta tisma’ kultant kliem ta’ insulti, mibegħda, tkasbir ta’ Alla jew tal-bniedem xbieha ta’ Alla, tinduna li jkun kliem li jtebba’ lil min jgħidu.
Illum qed niċċelebraw it-tifkira ta’ qaddis li hu eżatt il-kontra, li l-kliem tiegħu kien kliem li jagħmel il-ġid, kliem li jressaq il-bniedem lejn Alla, kliem li jagħmillu ġieh. San Ġwann Maria Vianney, magħruf bħala l-Kurat ta’ Ars, kien magħruf għall-predikazzjoni tiegħu, mhux bombastika bi kliem kbir imma bi kliem li jmiss il-qalb tal-bniedem. Imma flimkien mal-kelma tiegħu, u forsi iktar minn hekk, hi x-xhieda tiegħu li baqgħet daqshekk magħrufa u ħalliet impatt fuq tant nies.
Dal-qaddis twieled fix-Xlokk ta’ Franza minn familja fqira u reliġjuża ħafna. Meta kien żgħir, kien jgħin lil missieru fix-xogħol ir-razzett. Ma kellux l-opportunità li jirċievi edukazzjoni fl-iskola meta kien żgħir, u allura meta ddeċieda li jimxi fit-triq biex isir saċerdot, bata fl-istudju. Kien batut fl-istudju, imma fl-istess waqt kien għaref għax l-għerf tiegħu kien ħiereġ mill-qdusija. Sar saċerdot ta’ 29 sena, u ftit wara ntbagħat fir-raħal ta’ Ars fi Franza.
Meta mar hemm, f’dar-raħal żgħir, sab li n-nies kienu tbiegħdu minn Alla, ma baqgħux jiprattikaw il-fidi, ħafna minnhom ma kinux jersqu lejn il-knisja – kont issibhom fil-ħwienet tax-xorb hemmhekk – u kellhom ukoll antipatija kbira lejn il-Knisja Kattolika. U San Ġwann Maria Vianney bil-mod il-mod, bil-predikazzjoni tiegħu, biż-żjajjar fil-familji, imma l-aktar bit-talb, bis-sagrifiċċji u bl-imħabba kbira li wera lejn l-oħrajn, ġab trasformazzjoni, ġab bidla f’dan ir-raħal ta’ Ars, b’mod li kien hemm ħafna konverżjonijiet.
Kien jgħaddi ħafna ħin fil-qrar. Baqa’ magħruf għal dan is-sagrament tal-qrar, fejn kien jgħaddi sigħat fil-knisja jgħin lin-nies biex iħabbibhom ma’ Alla permezz tas-sagrament tal-qrar. Matul is-snin, tant kibret il-fama li kienu jiġu nies ġewwa Ars minn diversi postijiet fi Franza, b’mod li dan sar ċentru għal pellegrini differenti li jiġu hemmhekk, ħafna minnhom biex jersqu għall-qrar. Il-Gvern kellu jagħmel linji ta’ ferrovija li jaslu sa Ars minħabba l-kwantità tan-nies.
San Ġwann Maria Vianney kien dejjem isib il-qawwa tiegħu fl-Ewkaristija – fiċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija, imma wkoll quddiem Ġesu Ewkaristija jitlob fis-skiet; ukoll id-devozzjoni li kellu lejn Marija għenitu fil-ħajja tiegħu. Dawn kienu jipprovdu l-għajn li minnha hu xorob, biex kellu dik il-qawwa ħalli jaqdi l-ministeru saċerdotali tiegħu b’mod daqshekk sabiħ f’dan ir-raħal ta’ Ars u jġib din il-bidla fil-post.
Meta kiber, aktar ’il quddiem, riedu jagħtuh diversi unuri imma hu qatt ma ried jaċċetta unuri. Kien jgħid li t-teżor tagħna hu fis-sema. Kellu wkoll dawk is-sentenzi li tibqa’ tiftakar. Fost l-oħrajn kien jgħid: Fil-ħajja tfittixx li togħġob lil kulħadd, imma l-aktar importanti – ara li tkun togħġob lil Alla.
Meta miet, kellu diġà l-fama ta’ qdusija. Meta sar qaddis aktar ’il quddiem, il-Knisja ddikjaratu patrun tal-kappillani, billi hu kien kappillan f’parroċċa u qeda din ir-responsabbiltà b’mod daqshekk sabiħ. Illum nixtieq li nitolbu lil Alla, bl-interċessjoni ta’ San Ġwann Maria Vianney, biex il-Mulej jagħtina l-ispirtu tiegħu: spirtu ta’ mħabba kbira lejn Alla, li turi ruħha fil-mod kif naqdu l-ministeru tagħna. Speċjalment nitlob għas-saċerdoti, għax hu eżempju għal kull saċerdot, u għall-kappillani biex aħna nkunu lkoll ragħajja skont il-qalb ta’ Alla.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju