Homily by Bishop Joseph Galea-Curmi
“Ħdejn il-baħar ta’ Tiberija” (Ġw 21:1). Hawnhekk Ġesù jiltaqa’ mad-dixxipli tiegħu, u din hi ġrajja verament sabiħa, it-tielet darba li jidher lid-dixxipli wara l-qawmien mill-imwiet. Turi lil Ġesù qed jiltaqa’ ma’ dawn id-dixxipli proprju fil-post fejn huma marru biex jistadu. Din mhijiex ġrajja li sseħħ fit-tempju jew f’xi post meqjus importanti, jew laqgħa spettakolari, imma hi ġrajja familjari, fejn Ġesù jiltaqa’ ma’ dawn id-dixxipli li kienu ddeċidew li jmorru jistadu. Kien iż-żmien ta’ wara li Ġesù qam mill-mewt, diġà dehrilhom drabi oħra. Huma qed jippruvaw jifhmu x’qed jiġri, u Ġesù jiltaqa’ magħhom.
Ħa nħarsu lejn din il-ġrajja li jien naħseb hemm ħafna x’tgħallimna għall-ħajja tagħna. L-ewwel nett, li Alla jiltaqa’ magħna fil-ħajja ordinarja ta’ kuljum. Hu importanti li aħna mmorru l-knisja, u li nsibu ħin għat-talb – dak hu importanti ħafna. Imma anke fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, fejn aħna, fix-“xatt” tal-ħajja tagħna, il-Mulej jiltaqa’ wkoll magħna, jekk aħna nkunu qalbna miftuħa għalih u lesti biex nisimgħuh. Din hi sabiħa ħafna, għax tfisser li fil-ħajja tagħna l-Mulej ikun magħna wkoll f’dawk il-mumenti ordinarji, li qishom kultant ta’ rutina, jew tax-xogħol tagħna – bħalma dawn uħud minnhom kienu sajjieda, u kienu qed jagħmlu dak li jagħmlu s-sajjieda, jippruvaw jaqbdu l-ħut.
It-tieni punt li nara f’din il-ġrajja hu kemm hu sabiħ meta Ġesù, lil dawn id-dixxipli tiegħu, jgħidilhom: “Waddbu x-xibka n-naħa tal-lemin tad-dgħajsa, u ssibu” (Ġw 21:6). Kienu għamlu lejl sħiħ u “ma qabdu xejn” (Lq 21:3). Issa kien hemm drabi oħra, per eżempju f’San Luqa darba minnhom insibu lil Ġesù jgħid lil Pietru: “Aqdef ’il barra fil-fond u kalaw ix-xbiek tagħkom għas-sajd” (Lq 5:4). Imma hawn jgħidlu biss ibiddlu d-direzzjoni – xi ħaġa mhix kbira, ma titlobx ħafna. Ibiddlu d-direzzjoni, jagħmlu xi ħaġa li mhijiex daqshekk kbira, u se jsibu dak li għalih kienu qed jitħabtu, se jaqbdu l-ħut. Kif fil-fatt ġara, għaliex nafu mill-ġrajja li qabdu ħafna ħut; mhux sempliċiment qabdu dak li xtaqu, imma ħafna aktar, b’abbundanza.
X’jurina dan? Jurina li Ġesù hu dejjem dak li fil-ħajja tagħna jidħol biex jgħinna ħa jkollna suċċess fil-ħidma tagħna. Imma aħna rridu nkunu widnejna miftuħa għalih, qalbna miftuħa għalih. U nindunaw li kultant ma jitlobx minna xi ħaġa daqshekk kbira. Hawnhekk, li jbiddlu l-post, id-direzzjoni. Kultant minna jitlob xi ħaġa żgħira, bidla żgħira. Jitlob li nagħmluha, għax qed jitlobhielna hu. U hemm nindunaw kemm tassew li nisimgħu lilu jgħinna biex ikollna success fil-ħajja tagħna, għaliex Ġesù mhux biss jagħtina, imma jagħtina b’abbundanza, bħalma hemm fl-Evanġelju drabi oħra fejn jagħmel dan.
Imbagħad lili tolqotni ħafna l-aħħar parti tal-Evanġelju, meta dawn ikaxkru x-xibka b’daqshekk ħut, jitilgħu fuq ix-xatt, u jindunaw li hemm Ġesù kien diġà pprepara xi ħaġa għalihom: ħut u ħobż. Mela Ġesù qalilhom x’għandhom jagħmlu biex huma jkollhom success fil-ħidma tagħhom, imma hu stess ipprepara xi ħaġa għalihom. Din tfakkarna li l-Mulej hekk jaħdem: hu jieħu l-inizjattiva, imma jrid li aħna nagħmlu wkoll il-ħidma tagħna. Imbagħad, fil-fatt, jgħaqqadhom flimkien – dak li qabdu huma ma’ dak li pprepara hu. Hemmhekk tkun tassew ikla familjari, fejn jgħidilhom: “ejjew, kulu” (Ġw 21:12).
Kemm hi sabiħa din il-ġrajja li turi din il-ħbiberija sabiħa, imma d-differenza li tagħmel il-preżenza ta’ Ġesù fil-ħajja ta’ dawn li mhux biss irnexxielhom jaqbdu l-ħut b’abbundanza, fejn kienu għamlu lejl sħiħ għalxejn, imma wkoll isibu li Ġesù stess ipprepara xi ħaġa għalihom, u jixtieq li jgħaqqad flimkien dak li ħejja hu mal-isforzi tagħhom. Din hi ġrajja sabiħa ħafna li turina fil-ħajja tagħna d-differenza li jagħmel Ġesù ħaj. Illum dan li nitolbuh: inressqu quddiemu l-isforzi tagħna, dak li ngħaddu minnu, u ngħidulu: Mulej, il-preżenza tiegħek fil-ħajja tagħna tagħmel differenza kbira. Inti tgħinna biex ikollna l-abbundanza, imma inti tgħinna wkoll biex nagħmlu l-isforz tagħna. Għalhekk nitolbuh li aħna jkollna dejjem qalbna miftuħa għalih ħalli nintebħu kemm il-preżenza tiegħu tagħmel il-ħajja tagħna ħafna isbaħ, ħafna aħjar, u tagħmilha ħajja li jkollha l-frott.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta