L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Mar u nxteħet wiċċ fl-art quddiemu, jitolbu” (Lq 5:12). Hekk naqraw fl-Evanġelju skont San Luqa fuq ir-raġel marid bil-lebbra li, kif induna li Ġesù kien hemmhekk fil-belt, mar quddiemu, u nxteħet quddiemu jagħmillu dik it-talba: “Mulej, jekk trid, tista’ tfejjaqni” (Lq 5:12) Ħa nħarsu lejn din il-ġrajja, kemm lejn dan il-marid bil-lebbra kif ukoll lejn Ġesù, għax hemm ħafna x’nitgħallmu għall-ħajja tagħna f’din il-ġrajja.

Dan ir-raġel, li kellu l-marda tal-lebbra, kien maqtugħ mis-soċjetà, għax dil-marda ma kinetx biss kerha għax marda – li ġġiblek tbatija – imma wkoll minħabba fiha, lil dawn in-nies morda bil-lebbra kienu jqegħduhom għalihom, u ma jistgħux jersqu lejn ħaddieħor. Anzi kellhom xi ħaġa oħra: jekk tara xi ħadd riesaq, tibda tgħajjat biex ma jersaqx lejk, ħalli ma jiħux il-marda. Għalhekk kienet iebsa għal dar-raġel għax mhux biss kien marid imma kien ukoll emarġinat, kellu t-tbatija ta’ nuqqas ta’ kuntatt man-nies minħabba f’hekk. 

Imma dar-raġel kien raġel ta’ fidi: emmen f’Ġesù, u emmen li jista’ jfejqu. Kellu din il-fiduċja f’Ġesù li mexxietu, li għenitu biex ikun bniedem determintat li jersaq lejn Ġesù. Nafu li meta resaq lejn Ġesù, kien qed jagħmel xi ħaġa li ma kellux jagħmilha. Suppost għajjat biex Ġesù ma jersaqx lejh, mhux biex ifejqu. U suppost ma resaqx lejh, u nxteħet fl-art quddiemu. Imma dar-raġel, għax kellu dil-fidi u kellu din id-determinazzjoni, mar u talab lil Ġesù biex ifejqu, għax kien jemmen li Ġesù mhux se jieħu l-marda hu, imma jfejqu mill-marda.

Dar-raġel ta’ fidi u ta’ determinazzjoni jgħallimna wkoll it-talb. Għamel dik it-talba sabiħa lil Ġesù: “Jekk trid, tista’ tfejjjaqni”. Qiegħed l-ewwel ir-rieda ta’ Alla, qabel ir-rieda tiegħu, u kien miftuħ għal din ir-rieda ta’ Alla. Għalhekk, meta nħarsu lejn dar-raġel jgħallimna ħafna – kemm il-fiduċja li kellu f’Ġesù, kemm id-determinazzjoni, ma qatax qalbu mis-sitwazzjoni tiegħu – ma qalx, per eżempju, “Bad luck, x’tista’ tagħmel? Nibqa’ fejn jien” – imma wkoll jgħallimna nitolbu.

Ħa nħarsu lejn Ġesù li, kif nafu, għalih kull persuna hija importanti. L-istess ġrajja tgħidlek fuq kemm folol ta’ nies marru warajh biex jisimgħuh, biex ifejjaqhom; imma mbagħad dil-ġrajja tikkonċentra fuq persuna waħda. Għalih kull persuna hi importanti, u speċjalment jekk hi persuna li għal xi raġuni jew oħra hi emarġinata, maqtugħa, għaddejja mit-tbatija tal-esklużjoni. Ġesù ried juri l-kompassjoni u l-imħabba ta’ Alla ma’ din il-persuna. Mhux biss billi jfejjaq lil dal-bniedem marid bil-lebbra. Imma l-Evanġelju jgħidilna: “medd idu fuqu, messu, u qallu: ‘iva, irrid, kun imfejjaq’” (Lq 5:13). Ma qallux biss bil-kliem, medd idu fuqu, għamel xi ħaġa eżatt kontra li suppost kienu jagħmlu ma’ xi ħadd marid bil-lebbra – int tersaq ’il bogħod, mhux tmidd idek fuqu. Ġesù medd idu fuqu. Issa nafu li Ġesù kultant għamel mirakli mill-bogħod. Niftakru, per eżempju, iċ-ċenturjun li ried li l-qaddej ifiq. Qallu: ma hemmx għalfejn tiġi; għid kelma waħda biss, u l-qaddej ifiq (ara Lq 7:7). Imma hawn, mhux biss fejqu bil-kelma, imma ried imidd idu fuqu biex juri proprju li dal-bniedem ma jibqax eskluż, imma hu parti mill-familja ta’ Alla. Permezz tal-fejqan tiegħu, jerġa’ jiġi parti mis-soċjetà. Għalhekk Ġesù jgħidlu: “mur uri ruħek lill-qassis u agħmel offerta għall-fejqan tiegħek” (Lq 5:14), biex tkun ċara li dal-bniedem ma għandux jibqa’ emarġinat.

L-Evanġelju jurina wkoll xi ħaġa sabiħa ħafna, kif jispiċċa din is-silta – meta jgħid li kien hemm ħafna folol ta’ nies sejrin wara Ġesù biex jisimgħuh u jfejjaqhom mill-mard tagħhom. U x’għamel Ġesù?. Qatt ma rikeb fuq il-popolarità, jew inkella telgħetlu għal rasu. L-Evanġelju jgħid: “Kien ifittex xi mkien imwarrab, u jinġabar fit-talb” (Lq 5:16). Filwaqt li kien jaqdi dal-ministeru ta’ tagħlim u ta’ fejqan, imma kien imur dejjem għal dak li hu l-iktar importanti, l-għajn li minnha jixrob biex jista’ jaqdi l-ministeru tiegħu. Ara x’eżempju sabiħ li Ġesù jagħtina għall-ħajja tagħna: li għandna nfittxu l-għajn fl-għaqda ma’ Alla! Hemm nirċievu l-qawwa u l-għajnuna biex nistgħu naqdu l-ħidma tagħna, u nagħmluha tajjeb. Nitolbu lill-Mulej li aħna dejjem inħarsu lejh u ngħożżuh bħala dak li jfejjaqna, li jagħtina ħajja ġdida. Nersqu lejh bit-talb, imma b’talba sinċiera bħal dar-raġel marid bil-lebbra. U lilna jgħinna biex bħalu wkoll nkunu mal-oħrajn: jiġifieri mimlija kompassjoni u mħabba, u li dejjem infittxu l-aktar lil dawk li huma emarġinati u esklużi fis-soċjetà, biex ikunu parti ħajja mis-soċjetàl tagħna.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta