L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Qegħdin nikkonsagraw dan il-post ta’ kult, ta’ qima, aħna u nibdew il-festa solenni ta’ Pentekoste, ta’ Għid il-Ħamsin. Ejjew nirringrazzjaw lill-Mulej tad-don tal-Ispirtu s-Santu li l-Mulej isejjaħlu ‘għajn’, “xmajjar ta’ ilma ħaj” (Ġw 7:38).

Fil-bidu ta’ dan ir-rit raxxaxna l-ilma mbierek fuq dan il-post, fuqna. Din il-ħaġa tfakkarna li dak li qegħdin nikkonsagraw illum hu sinjal ukoll tal-għaqda ta’ bejnietna. Qegħdin nikkonsagraw, qegħdin niddedikaw għas-servizz esklussiv ta’ Alla, lil dan l-artal, lill-ħitan ta’ dan it-tempju, u lil dan it-tempju, li diġà kien imbierek fl-1911.

Imma llum, bil-konsagrazzjoni qegħdin mhux biss noffruh lil Alla, imma naċċettaw ukoll id-don li jagħti Alla bil-barka tiegħu. Dan l-imkien irid ikun sinjal tal-preżenza ta’ Alla fostna, tal-barka tiegħu; irid ikun ukoll għalina l-bieb tal-ġenna. Jalla t-talb li noffru hawnhekk, kif tgħid il-Knisja f’dan ir-rit sabiħ, jitla’ quddiem Alla bħala talb li aħna nagħmlu mill-qalb.

Titlu sabiħ tal-Ispirtu s-Santu hu ‘armonija’. L-Ispirtu s-Santu tinduna bil-frott tiegħu meta kollox jaqa’ f’postu. L-għadu jġib il-firda, iġib il-konfużjoni, imma l-Ispirtu s-Santu, anke meta jwiddibna, anke meta jagħtina kelma li tfejjaq, iwassal għall-għaqda ta’ bejnietna, għall-paċi tal-qalb, għas-serħan tal-menti, il-fejqan tar-ruħ.

Ejjew nitolbu li dan il-post, li ra tant tbatija f’dawn l-aħħar sekli, li ra wkoll il-ħidma ta’ tant esperti, inkluż Rużar Briffa, nies li taw ħajjithom għall-komunitajiet li għexu hawn, ikollu bidu ġdid bil-konsagrazzjoni ta’ dan it-tempju, imma jibqa’ jkun sinjal ta’ fejqan, ta’ kura, ta’ għożża, ta’ għaqda. Jalla jkun għalina lkoll tieqa miftuħa għal fuq il-ġenna, l-għatba ta’ destin sabiħ li ma jispiċċa qatt. 

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Atti 2:1-11
Salm: 103 (104):1ab,24aċ,29bċ-30,31,34
Qari II: 1 Kor 12:3b-7,12-13
L-Evanġelju: Ġw 20:19-23

Aktar ritratti