L-Arċisqof Pawlu Cremona nnomina lil Fr Charles Mallia Ph.D., O.Carm., biex ikun id-Delegat tiegħu għall‑Edukazzjoni Nisranija. Hu ser jieħu post Fr Dominic Scerri O.P. li ilu jokkupa din il-kariga għal dawn l-aħħar għoxrin sena.
B’din il-ħidma ġdida Fr Charles se jkompli fuq ix-xogħol li ilu jwettaq b’risq l-iskejjel tal-Knisja. Matul dawn it‑tnejn u għoxrin sena huwa kien is-Segretarju tal-Private Schools Association u għal ħmistax-il sena kien ir‑rappreżentant ta’ din l-għaqda tal-kapijiet tal-iskejjel indipendenti fuq il-Bord tal-MATSEC. Matul dawn it-tnejn u għoxrin sena kien involut sew fit-tmexxija tal-Eżami Komuni għad-dħul fl-ewwel sena sekondarja fl-iskejjel tal-Knisja u kien parti mill-kumitat li kiteb ir-rapport dwar it-tranżizzjoni mill-Primarja għas-Sekondarja. Huwa rrappreżenta lill‑iskejjel tal-Knisja kemm fit-tfassil tat-tieni Kurrikulu Nazzjonali u anke f’dak li qed jiġi diskuss bħalissa. Din is-sena kien involut fit-tfassil tal-eżamijiet tat-tmiem tal-Primarja (Benchmark), fl‑introduzzjoni tal-korsijiet vokazzjonali (BTEC), u kkordina d-dħul fl-iskejjel tal-Knisja. Għal xi snin ta l-kors tal-Filosofija tal-Edukazzjoni waqt il-kors tal-għalliema gradwati. Fr Charles huwa wkoll is-segretarju tal Fondazzjoni tal-Iskejjel tal-Knisja u membru tal-Kumitat għall-Edukazzjoni tas-Segretarjat tal-Edukazzjoni Nisranija.
Wara li spiċċa d-Dottorat fl-Edukazzjoni fl-Università Pontificia Salesiana f’Ruma, Fr Charles reġa’ lura Malta f’Novembru tal-1989 u beda l-ħidma tiegħu bħala Rettur tal-Kulleġġ San Elija. Taħt it-tmexxija tiegħu mill-ewwel ittieħdu deċiżjonijiet importanti bħat-tneħħija tal-Preps, jiġifieri klassijiet tal-ħames u s-sitt sena primarja, skont il-ftehim bejn il-Gvern u s-Santa Sede dwar l-iskejjel tal-Knisja u li d-dħul fil-Kulleġġ ikun permezz tal-Eżami Komuni.
Matul dawn is-snin, fil-Kulleġġ San Elija Fr Charles Mallia wettaq diversi proġetti ewlenin fosthom it-tkabbir tal-Kulleġġ u l-introduzzjoni ta’ kompjuter u projector f’kull klassi u s-sistema ta’ infomazzjoni fuq l-Internet, b’aċċess privat għal kull għalliem, ġenitur u student.
Tibdil ieħor kien jikkonċerna l-kurrikulu tat-tagħlim: żdiedu s-suġġetti mgħallma u nħoloq aktar bilanċ bejn suġġetti. Il-Kulleġġ San Elija kien wieħed minn tal-ewwel li aċċetta l-preżenza ta’ Learning Support Assistants u hekk bdiet paġna ġdida fil-ħajja tal-Kulleġġ bil-preżenza ta’ aktar studenti bi ħtiġijiet differenti u b’aktar għajnuna.
Fr Dominic Scerri ġie ordnat saċerdot fl-1958. Wara li temm l-istudji teoloġiċi tiegħu, beda l-ħidma tiegħu fil-Kulleġġ San Albert il-Kbir fejn kellu f’diversi karigi. Huwa kompla l-istudji tiegħu u ggradwa B.A. (Hons.) fl-Istorja fl-1972. Għallem fil-Kulleġġ għal għaxar snin, kien viċi-rettur għal tliet snin u rettur għal sbatax-il sena. Kien intgħażel ukoll bħala s-Segretarju tal-Private Schools Association u membru tal-Kunsill tal-Federation of Parent-Teacher Association. Fis-snin sebgħin u tmenin Fr Dominic kien attiv ħafna fl-istorja tal-iskejjel tal-Knisja. Ftit snin wara li fil-Kurja tal-Arċisqof twaqqaf is-Segretarjat tal-Edukazzjoni Nisranija Fr Dominic ntgħażel bħala d-Delegat. F’din il-kariga huwa mexxa n-negozjati mal-Awtoritajiet Edukattivi u l-MUT. Huwa kien responsabbli wkoll għad-dħul fl-iskejjel tal-Knisja fil-livell tal-Kindergarten u l-ewwel sena primarja. Fr Dominic huwa wkoll l-awtur tal-ktieb ‘The saga of the Church Schools in Malta (1970 – 1986)’.
Intant, il-bieraħ filgħaxija saret ċelebrazzjoni ta’ ringrazzjament għad unur ta’ Fr Dominic. Għal din iċ-ċelebrazzjoni kienu preżenti wkoll Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex; Mons. Ġużeppi Mercieca, Arċisqof Emeritus; Mons. Annetto Depasquale, Vigarju Ġenerali; uffiċċjali għolja tal-Kurja; provinċjali u kapijiet tal-iskejjel tal-Knisja. Kienu preżenti wkoll Dolores Cristina, il-Ministru tal-Edukazzjoni, l-Impiegi u l-Familja; Micheline Sciberras, Direttur Ġenerali Għal-Kwalità u l-iStandards fl-Edukazzjoni u Prof. Grace Grima, Diretturi Ġenerali tal-Edukazzjoni; u uffiċċjali oħra mid-Diviżjoni tal-Edukazzjoni.
F’isem dawk kollha preżenti, l-Arċisqof Pawlu Cremona rringrazzja mill-qalb lil Fr Dominic tal-ħidma fejjieda tiegħu matul tant snin u awgura lil Fr Charles li huwa jkompli jaħdem b’impenn u dedikazzjoni b’risq l-iskejjel tal-Knisja li bħal skejjel oħra qed jiffaċċjaw sfidi ġodda favur studenti ta’ ħiliet differenti.