L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Diċ-ċelebrazzjoni tal-lum ilkom tħejju għaliha mhux ħażin. Fr Timon ilu b’ħeġġa kbira, għal żmien twil, jipprepara għal din il-ġurnata speċjali. Nixtieq nirringrazzja ħafna lil Fr Timon, Rettur ta’ din il-knisja, għas-servizz li jagħti b’tant imħabba hawnhekk. Miegħu nirringrazzja wkoll lill-arċipriet tal-Parroċċa ta’ San Ġejtanu, Kan. Walter Cauchi, kif ukoll lil Mons. Anton Gouder, li ilu żmien twil jagħti servizz f’din il-knisja, b’tant dedikazzjoni tiegħu għal din il-komunità. Niftakru wkoll f’Dun Salv Vella. Fr Timon għamel xi ħaġa sabiħa ħafna li bena fuq tant tajjeb li għamel Dun Salv hawnhekk. Ma setax ikun magħna llum, imma aħna, f’din iċ-ċelebrazzjoni sabiħa, żgur niftakru fih bi gratitudni għal dak li għamel għal din il-komunità.
Tnax-il kewkba fuq rasha
Illum hi okkażjoni sabiħa ħafna għax qegħdin niċċelebraw is-solennità tal-Imqaddsa Marija Verġni tad-Duluri, u speċjalment għax illum ippreżentajna lil Marija, frott tal-imħabba u tad-devozzjoni, l-istellarju għax-xbieha tagħha. Nirringrazzja lill-benefatturi ta’ dan l-istellarju, u lilkom ilkoll li qed tieħdu sehem f’din iċ-ċelebrazzjoni.
L-istellarju jfakkarna f’dak li hemm fil-Ktieb tal-Apokalissi fejn naraw lil dak is-sinjal kbir fis-sema: “mara, liebsa x-xemx, bil-qamar taħt riġlejha u b’kuruna ta’ tnax-il kewkba fuq rasha” (Apok 12:1). F’din il-mara aħna naraw lil Marija, li hi s-sinjal kbir fis-sema.
F’din is-silta fl-Apokalissi, il-kittieb jgħid ukoll li l-mara kienet fit-tqala, tgħajjat bl-uġigħ tal-ħlas, u tbati biex teħles. Aħna llum qed inħarsu lejn Marija f’waqt ieħor ta’ tbatija. Hija Marija taħt is-salib. Mhijiex qiegħda tgħajjat, imma siekta. U qed tissieħeb ma’ Ġesù li qed imut fuq is-salib, tissieħeb fit-tbatija tiegħu, u dik kienet tbatija li teħles lill-umanità u tagħti ħajja ġdida lill-umanità.
Għalhekk illum f’din l-okkażjoni, smajna din is-silta sabiħa fl-Evanġelju skont San Ġwann fejn Marija qiegħda ħdejn Ġesù msallab. U Ġesù, fl-aħħar mumenti tal-ħajja tiegħu, jagħtina lil ommu biex tkun ommna. Meta Ġesù qal lil Marija “hawn hu ibnek” u lil Ġwanni “hawn hi ommok”, dak il-ħin hu kien qed jafda l-iktar persuna għażiża, lil ommu, f’idejn Ġwanni biex tkun ommu. Hemmhekk kien qed jagħtiha mhux biss lil Ġwanni imma lilna lkoll biex tkun ommna fil-mixja ta’ ħajjitna.
Nixtieq li nħarsu lejn din l-omm, li hi ommna lkoll, u naraw x’turina Marija Ommna.
Omm li takkumpanjana
Marija hija l-omm li takkumpanjana fil-ħajja tagħna. Fil-bidu tal-Knisja, kienet hemm sinjal għall-Knisja bil-preżenza tagħha. Hija dejjem magħna fil-mixja ta’ ħajjitna, qatt ma titlaqna, qatt ma tabbandunana. Hija omm qrib tagħna dejjem, u speċjalment fil-mumenti ta’ tbatija. Bħalma narawha taqsam it-tbatija ma’ binha, taqsam ukoll it-tbatija magħna u tkun għalina ta’ appoġġ u solidarjetà.
Inħeġġiġkom, bħala membri ta’ din il-komunità tal-Knisja tad-Duluri, biex intom dejjem tħarsu lejn Marija bħala din l-omm li timxi magħna fit-triq ta’ ħajjitna, u għalhekk li dejjem tieħu ħsiebna u tħarisna.
Nixtieq li f’ħajjitna dejjem ikollna kliem ta’ tifħir lil Marija. Li aħna dejjem ngħidu: “ikun imbierek l-isem imqaddes ta’ Marija”. Tafu intom li hi pjaga fis-soċjetà tagħna li iktar tisma’ kliem ta’ tkasbir lil Marija milli kliem ta’ tifħir. Nista’ ngħid dan anke meta nimxi fit-toroq. Sal-lbieraħ stess għaddejt minn quddiem dar u, ħin minnhom, li ħareġ minn dar kienet kelma ta’ tkasbir lill-Madonna. Meta nisma’ dan, narah bħal parti minn kuruna tax-xewk fuq Marija, kontra l-istellarju. Kliem ta’ tifħir hu bħall-istellarju, imma kliem ta’ tkasbir hu bħax-xewk. Għandna naħdmu biex fis-soċjetà tagħna jkollna aħna kliem ta’ tifħir lil Marija, u biex inħeġġu lill-oħrajn biex Ommna Marija, li dejjem takkumpanjana b’imħabba, minna lkoll tirċievi kliem ta’ tifħir.
Omm li tgħallimna
Din l-omm li tana Ġesù minn fuq is-salib mhijiex biss omm li takkumpanjana imma hija wkoll omm li tgħallimna, u tgħallimna ħafna.
Tgħallimna bl-eżempju tagħha u bil-kliem tagħha. Nafu li l-aħħar kliem tagħha li hemm miktub fl-Evanġelju hu dak li qalet fit-tieġ ta’ Kana: “Agħmlu kulma jgħidilkom hu” (Ġw 2:5). Dan hu li tgħallimna: agħmlu dak li jgħidilkom Ġesù, agħmlu r-rieda ta’ Alla. Hi hekk għamlet – fittxet li tagħmel ir-rieda ta’ Alla. Anke meta ma kinetx ċara għaliha, meta kien dlam, fittxet li tagħmel ir-rieda ta’ Alla. Dan jiswa għal ħajjitna ħafna ta’ ġid: li nfittxu dejjem li nagħmlu r-rieda ta’ Alla.
Tgħallimna wkoll kif aħna nkunu sensittivi għall-oħrajn, naqsmu t-tbatija tagħhom u nuruhom dejjem l-imħabba. Kulfejn naraw lil Marija fl-Evanġelju dejjem narawha tħobb, dejjem narawha taħseb fl-oħrajn. Meta narawha Addolorata, taħt is-salib, qed taqsam it-tbatija ta’ binha, u lilna tgħallimna biex aħna hekk inkunu mal-oħrajn: li aħna nuru mħabba, appoġġ, bil-kliem tagħna u bil-preżenza tagħna, u li nkunu magħhom bħalha fil-mument tat-tbatija.
Omm li semgħet l-għajta “għandi l-għatx”
Marija tgħallimna xi ħaġa tant importanti: tgħallimna ngħożżu l-ħajja tagħna u tal-oħrajn. Fil-bidu nett, meta jidhrilha l-anġlu Gabriel, narawha tilqa’ fiha lil Ġesù. Hija tgħożż il-ħajja li titnissel fiha meta hi taċċetta li tkun Omm Alla, u f’dak il-mument bdiet il-ħajja ta’ Ġesù. Tgħożż tassew il-ħajja ta’ Ġesù, u tfittex li tipproteġih dejjem. Għamlet hekk dejjem u tibqa’ hekk sal-aħħar, sa meta tkun ħdejn is-salib tiegħu, u tarah imut vittma tal-inġustizzja u tal-mibegħda.
Marija hija dejjem is-sinjal tal-għożża tal-ħajja. Lilna, għalhekk, tgħallimna li aħna għandna dejjem ngħożżu l-ħajja tagħna u tal-oħrajn f’kull waqt tagħha, mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha – meta tibda l-ħajja umana, meta hemm diġà bniedem – sat-tmiem naturali tagħha. Niftakru li l-ħajja ta’ kulħadd hi għażiża. Ma hemmx ħajja li tiswa inqas, jew li mhix denja biex tkun protetta.
Meta nħares lejn Marija Addolorata, u naraha hemmhekk tisma’ lil binha Ġesù fuq is-salib, li fost l-aħħar kelmiet tiegħu jgħid “għandi l-għatx”, niftakar f’dik l-omm li semgħet lil bintha tgħid l-aħħar kelmiet tagħha “għandi l-għatx” – tifla ta’ erba’ snin, Loujin, li mietet fil-baħar Mediterran. Mietet bil-għatx. Niftakar f’Marija Addolorata taħt is-salib. Tfakkarna li l-ħajja ta’ kulħadd hija għażiża. Ma nistgħux aħna ma nagħmlux minn kollox biex insalvaw il-ħajja, għax kull bniedem hu xbieha ta’ Alla, kull persuna maħluqa xbieha tiegħu, u minna jitlob il-protezzjoni tal-ħajja.
Għal dan inħeġġiġkom bħala komunità: biex tkun komunità li tgħożż din l-omm, li taħdem għat-tifħir tal-isem ta’ Marija, komunità li dejjem titgħallem aktar minn Marija, u speċjalment li taħdem għal din l-għożża tal-ħajja kif tgħallimna Marija.
Nitolbu lil Marija llum, f’din iċ-ċelebrazzjoni hekk sabiħa: O Marija, kun dejjem l-omm li takkumpanjana fil-ħajja tagħna, u l-omm li tgħallimna kif inkunu tassew dixxipli ta’ Ġesù.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju