L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Għażel tnejn u sebgħin oħra” (Lq 10:1). L-Evanġelju llum jurina meta Ġesù għażel numru ta’ nies, u “bagħathom tnejn tnejn qablu f’kull belt u post fejn kien sejjer imur hu” (Lq 10:1). L-ewwel ħaġa li tolqotna hu kif Ġesù għażel dawn it-tnejn u sebgħin “oħra”, jiġifieri dawn ma kinux l-appostli, it-tnax, imma kienu nies oħra li għażel Ġesù u li tahom missjoni.

Dawn in-nies imxew skont ma qalilhom Ġesù. Imma aħna la nafu l-ħidma tagħhom fid-dettall, la nafu l-istejjer tagħhom, ma nafux. X’jurina dan? Il-valur tal-ħajja ordinarja – li tista’ tkun tassew kif iridha Ġesù, missjoni, imma mhux bilfors għax tkun ta’ prominenza, kulħadd jitkellem fuqha, u kulħadd jaf biha. Il-ħidma tagħhom Ġesù kien jaf biha, u n-nies naturalment li ltaqgħu magħhom, imma baqgħu fil-ħajja ordinarja tagħhom jagħmlu dak li qalilhom Ġesù.

Ġa hawnhekk għandna messaġġ importanti għall-ħajja tagħna: li fil-ħajja ordinarja tagħna, jekk nimxu kif qalilna Ġesu u nkunu dawk li nħabbru l-Evanġelju, l-ewwel bil-preżenza u x-xhieda tagħna, imbagħad bil-kelma tagħna, qed naqdu l-missjoni bħalma kellhom dawn it-tnejn u sebgħin. Hawn Ġesù jagħtina diversi struzzjonijiet, imma waħda milli tolqotni hi li lilhom Ġesù bagħathom biex imorru “qablu”. Jiġifieri mhux minfloku – marru huma, u hu mhux se jmur hemm – imma qablu. Li tfisser li dawn kienu qed iħejju t-triq għal Ġesù, biex imbagħad in-nies jiltaqgħu ma’ Ġesù. U dak ukoll hu l-iskop tal-ħajja tagħna. Aħna, meta nwasslu l-Evanġelju, nagħmlu dan biex ngħinu lin-nies jiltaqgħu ma’ Ġesù. Mhux biex jibqgħu fina, jew jiftakru biss lilna, imma ngħinuhom tassew jiltaqgħu ma’ Ġesù.

Ġesù jgħidilhom: “Il-ħsad huwa kbir, imma l-ħaddiema ftit. Itolbu, mela, lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu” (Lq 10:2). Ġesù qed jgħid: il-ħsad huwa kbir. Aħna kultant nitkellmu fuq il-ħidma tagħna, u ngħidu: kemm hawn indifferenza, kemm hawn nies ma jagħtux każ! Imma Ġesù qed jgħid: il-ħsad huwa kbir. Jiġfieri: anke qalb din l-indifferenza u nies ma jagħtux każ, hemm ħafna li qegħdin jistennew lil min iwasslilhom l-Evanġelju, iwasslilhom l-Aħbar it-Tajba. Li jgħidilna Ġesù hu: l-ewwel, qabel kull ħidma tagħna: “Itolbu”. Dan għaliex huwa t-talb li lilna jippreparana biex inkunu tassew dawk li nwasslu l-Evanġelju lill-oħrajn, u huwa t-talb li jipprepara wkoll l-ambjent fejn in-nies jistgħu tassew jiltaqgħu ma’ Ġesù. Tajjeb li niftakru f’dan, u nitolbu regolarment, biex ikun hemm diversi nies li jissieħbu ma’ Ġesù f’din il-missjoni tiegħu. Il-ħidma importanti, l-attivitajiet importanti, imma jkunu frott ta’ ħajja ta’ talb, mhux minflok it-talb.

Ġesù hawnhekk jgħidilhom xi ħaġa li tant tolqotna: “Qiegħed nibgħatkom bħal ħrief qalb l-ilpup” (Lq 10:3). X’kuraġġ, xi kliem ta’ kuraġġ dan! Tgħid kif ma qatgħux qalbhom meta jisimgħu kelma bħal din? Għax Ġesù dejjem jitkellem b’onestà, ċar. “Ħrief qalb l-ilpup” – dan mhux għax se jiltaqgħu biss ma’ lpup, imma Ġesù qed jgħidilhom: fil-ħidma tagħkom se tiltaqgħu ma’ min mhux biss ma jagħtix każ, imma anke kultant jippersegwitakom. Bħalma jagħmel il-lupu – aħna għandna f’moħħna xi ħadd li jaħtaf, li jkun ostaklu. Imma Ġesù jgħidilhom: “bħal ħrief”. U dik hi importanti ħafna għalina lkoll li nissiehbu ma’ Ġesù fil-missjoni tiegħu. Irridu nkunu “bħal ħrief” jiġifieri: mal-ilpup, ma nkunux ilpup aħna. Għax jista’ jiġri li ngħidu: dawk hekk jifhmu, billi nkunu lpup bħalhom! Le, aħna rridu nkunu bħal ħrief. Anke għaliex lil Ġesù hekk ippreżentah San Ġwann Battista, meta qal: “Araw il-Ħaruf ta’ Alla” (Ġw 1:29). Imma wkoll għax Ġesù huwa r-ragħaj it-tajjeb tal-ħrief. Għandna lilu bħala r-ragħaj it-tajjeb tagħna. Mhuwiex ir-ragħaj tal-ilpup, imma hu r-ragħaj tan-ngħaġ u tal-ħrief. Ħaruf ifisser li nagħmlu dak li għandna nagħmlu b’servizz bi mħabba, bħalma wera hu. Mhux b’nuqqas ta’ għaqal, ovvjament, imma li dan ikun l-ispirtu tagħna: l-ispirtu tassew ta’ mħabba, ta’ kompassjoni, u li nwasslu l-Evanġelju bħala l-Aħbar it-Tajba.

Hawn Ġesù jgħid ħafna struzzjonijiet oħra. Imma naħseb li jekk nieqfu fuq dawn illum hu biżżejjed biex nagħrfu kemm għandna missjoni sabiħa, ilkoll kemm aħna. Nitolbu lill-Mulej: għinna biex aħna, bħal dawn it-tnejn u sebgħin, naqdu b’fedeltà din il-missjoni li tajtna u tassew b’dan l-ispirtu sabiħ li ridt li aħna naqdu din il-missjoni tagħna.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta