Caritas Malta se tkun qed torganizza quddiesa fil-Jum Internazzjonali għall-Anzjani fl-1 ta’ Ottubru.

Din il-ġurnata titfa’ dawl fuq l-importanza tas-sehem u l-integrazzjoni tal-persuni anzjani fis-soċjetà u jsiru diversi attivitajiet biex jinħoloq iktar għarfien dwar dak li l-aktar jolqot lill-anzjani b’mod speċjali l-integrazzjoni, u sfortunatement l-abbuż.

“Fuq kollox hi ċelebrazzjoni għall-kontribut kbir li taw u għadhom jagħtu fis-soċjetà din il-ġenerazzjoni,” qalet Caritas Malta.

L-NGO se tkun qed tistieden lill-anzjani li jgħixu fil-komunità kif ukoll fid-djar tal-anzjani biex nhar il-Ħamis 29 ta’ Settembru fil-10:45am jattendu ċelebrazzjoni Ewkaristika fl-okkażjoni ta’ dan il-Jum dinji għall-anzjani. Il-quddiesa se ssir fil-Bażilika ta’ Kristu Re, f’Raħal Ġdid, minn Mons. Charles Cordina Vigarju Episkopali għad-Djakonija.

Il-President ta’ Malta George Vella u martu Miriam se jattendu għaċ-ċelebrazzjoni flimkien ma’ membri parlamentari u persuni oħra li jaħdmu qrib f’dan il-qasam.

Caritas Malta tistieden lill-anzjani jattendu għal din iċ-ċelebrazzjoni ta’ ferħ. Wara l-quddiesa se jingħata tifkira tal-okkażjoni.

Min jixtieq jattendi jista’ jċempel fuq 2219 9000 biex jirriserva post.

Sors: Newsbook Malta