• ****

    Direttur: Alan Rickman
    Atturi: Kate Winslet, Matthias Schoenaerts, Alan Rickman, Stanley Tucci, Helen McCrory, Jennifer Ehle, Steven Waddington u Pauline Moran
    Ħin tal-Film: 117 min
    Klassifika taċ-Ċensura: 12A
    Klassifika tal-Knisja: 15
     
    L-istorja tal-film teħodna fis-sena 1682 fejn niltaqgħu ma’ Sabine De Barra,  armla u b’riedha qawwija u b’sengħa li tippjana wesgħat miksija bil-ħaxix, siġar u sġajriet. Fl-aħħar wasal il-jum li  taqta’ xewqietha. Bla ma kienet qatt toħlom,  sabet ruħha f’intervista tikkompeti ma’ disinjaturi oħra għall-pjannar ta’ ġnien ġdid li r-Re  Louis IV  kienet qiegħed joħloq ġewwa Versailles, parti minn Palazz grandjuż li kien qieghed jinbena għall-familja rjali. L-intervista ssir minn Andre`  Le Notre, artist magħruf,  li għal bidu xejn ma kien ħerqan li jaċċetta l-pjanta ta’ Sabine, minħabba l-fatt li kien joffri xi ftit jew wisq konfużjoni sħiħa. Iżda wara xi ftit ta’ ħsieb,  Andre` jaċċetta l-pjanta ta’ Sabine biex tibni wieħed mill-ġonna li kien sejjer ikun hemm f’dan il-post, ġnien li wkoll kien sejjer iservi ta’ post fejn jista’ jinżamm ballu fil-beraħ.  Ix-xogħol għal dan il-proġett, li ngħata l-isem ta’ Rockwork Grove, beda fost ħafna diffikultajiet.  Ma kienitx ħafifa għal Sabine għaliex fost l-intoppi li ltaqqgħet magħhom kien hemm ukoll min kien lest li jagħmel sabutaġġ għax-xogħol li kien qiegħed isir. Barra dan, Sabine wkoll kellha tiġi wiċċ imbwiċċ ma’ burokrazija minn uffiċjali fir-residenza tar-Re ġewwa Pariġi.  B’xorti tajba Sabine ssib ruħha f’kuntatt dirett mar-Re Louis  u ssib vot ta’ fiduċja minn Philppe, ħu r-Re. Sadanittant Sabine kienet għada tipprova ssib paċi f’qalbha  wara t-traġedja  li ġrat fil-passat meta r-raġel tagħha u t-tifla mietu f’inċident sfortunat. Sabine wkoll permezz ta’ professjoni u l-ħila tagħha tiġbed lejha l-ammirazzjoni ta’ Andre` u dan minħabba l-fatt li kienet mara onesta, b’kompassjoni u kreativita` li Andre` stess kien iħaddan u jammira f’ħaddieħor.
     
    Film Brittaniku taħt id-direzzjoni ta’ Alan Rickman, b’kitba ta’ Allison Reegan, illaqqgħana ma’ Sabine de Barra li kellha tikkompeti ma’ oħrajn biex toħloq ġnien li kien sejjer jagħmel parti minn ġnien ikbar ġewwa Versailles, fejn  ir-Re Louis IV kien qiegħed jibni Palazz ġdid barra Pariġi. L-intriċċi li ssib ma’ wiċċha Sabine kif ukoll il-burokrazija fil-Qorti tar-Re, ma jaqtgħux qalb Sabine li tibqa’ sejra bix-xoghol li bdiet. Minħabba l-istorja fiha nfisha, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu l-ħmistax –il sena.