L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Dawl biex idawwal il-ġnus” (Lq 2:32). Dan huwa l-kliem li jgħid Xmun fit-tempju, u huwa l-kliem li jiġbor it-tifsira tal-festa li qed niċċelebraw illum.

Hi l-Festa tal-Preżentazzjoni tal-Mulej, ġrajja ta’ importanza fl-Istorja tas-Salvazzjoni. Din il-festa, iċċelebrata erbgħin jum wara l-Milied, tfakkar il-mument meta Marija u Ġużeppi jġibu lit-tarbija Ġesù fit-Tempju ta’ Ġerusalemm biex jippreżentawh lill-Mulej, skont il-Liġi Lhudija. Hawnhekk jiltaqgħu ma’ Xmun u Anna, żewġ qaddejja ta’ Alla li jagħrfu f’Ġesù l-Messija tant mistenni.

Dan il-ġrajja mhijiex biss att ritwali li kienu jagħmlu l-ġenituri għall-ewwel wild tagħhom, iżda hija mument ta’ rivelazzjoni u twettiq, fejn id-dawl ta’ Ġesù jidher lid-dinja, kif kien imbassar mill-profeti. Kollox iċċentrat fuq Ġesù, u jwassalna għandu. Ejja nħarsu lejn il-persunaġġi preżenti f’dan l-avveniment, li huma kollha indirizzati lejn Ġesù, u naraw dak li juruna f’din il-ġrajja.

Marija u Ġużeppi: fiduċja f’Alla

Ħa nħarsu lejn Marija u Ġużeppi. Il-vjaġġ tagħhom lejn it-tempju juri l-ubbidjenza tagħhom lejn il-liġi ta’ Alla. Hi ripetuta diversi drabi fir-rakkont li dak li għamlu kien mitlub minnhom mil-liġi ta’ Alla. Ukoll jekk Marija kienet taf li kellha tarbija speċjali, hi u Ġużeppi mxew mal-liġi. Imorru t-tempju u joffru s-sagrifiċċju tas-soltu—” par gamiem jew żewġ bċieċen” (Lq 2:24), l-offerta tal-foqra.

Nafu li din kienet dejjem il-karatteristika prinċipali ta’ Marija u Ġużeppi f’ħajjithom, anke fiż-żminijiet iebsa li għaddew minnhom – li dejjem ifittxu r-rieda tal-Mulej. Dan hu messaġġ ta’ siwi għalina lkoll: meta aħna nimxu mar-rieda tal-Mulej, nafu li mexjin fit-triq it-tajba.

Xmun: proklamazzjoni profetika

Fit-tempju, Marija u Ġużeppi ltaqgħu ma’ Xmun, raġel ġust u tajjeb (Lq 2:25), li l-Ispirtu s-Santu kien wiegħdu li kien se jara l-Messija qabel ma jmut. Kif ra t-tarbija, għalkemm minn barra ma’ kien jidher xejn, la fit-tarbija u lanqas il-ġenituri tagħha, hu kellu ispirazzjoni mill-Ispirtu ta’ Alla li dak kien Ġesù, is-salvazzjoni tal-popli.

Malli jżomm lil Ġesù f’idejh, jipproklama: “Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek imur fis-sliem, skont kelmtek; għaliex għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħek, li int ħejjejt għall-popli kollha: dawl biex idawwal il-ġnus, u glorja tal-poplu tiegħek Israel” (Luqa 2:29-32).

Din it-talba sabiħa turi li Ġesù huwa t-twettiq tal-wegħda ta’ Alla. Il-Preżentazzjoni tal-Mulej tfakkarna li Ġesù mhux biss huwa t-twettiq tat-tama Lhudija, imma huwa wkoll id-dawl li juri s-salvazzjoni ta’ Alla lill-ġnus kollha u l-glorja ta’ Iżrael. Kristu huwa d-Dawl tad-dinja, li jxejjen id-dlam u jġib is-salvazzjoni lil kull min ifittxu. Huwa d-dawl għal ħajjitna, dak li jgħinna ma nintrikbux mill-mumenti ta’ dlam li ngħaddu minnhom.

Madankollu, Xmun ibassar ukoll it-tbatija li kienet ġejja: “Ara, dan sa jġib il-waqgħa u l-qawmien ta’ ħafna f’Israel; sa jkun sinjal li jmeruh – u int ukoll sejf jinfidlek ruħek! – biex jinkixfu l-ħsibijiet moħbija fil-qlub ta’ ħafna” (Luqa 2:34-35).

Dawn il-kelmiet tal-aħħar huma indirizzati lil Marija. Jippreparawha għas-sofferenza li se tbati bħala Omm ir-Redentur. Il-Preżentazzjoni tal-Mulej, għalhekk, mhijiex biss okkażjoni ta’ ferħ fir-rivelazzjoni tal-identità ta’ Ġesù, imma wkoll ħjiel tas-Salib. Mal-ferħ hemm imsieħba wkoll it-tbatija.

Il-mixja tagħna fil-fidi, bħal dik ta’ Marija, tkun mimlija kemm bil-ferħ kif ukoll bit-tbatija, iżda aħna msejħin nafdaw fil-pjan akbar ta’ Alla li jakkumpanjana f’kull waqt ta’ ħajjitna.

Anna: xhieda ta’ Ġesù

Fit-tempju tiġi wkoll Anna, profetissa, li kienet qattgħet ħajjitha fit-tempju “taqdi lil Alla fis-sawm u fit-talb” (Lq 2:37). Malli tara lil Ġesù, tagħti glorja lil Alla u titkellem dwaru ma’ dawk kollha li kienu jistennew il-fidwa.

Ir-reazzjoni tagħha, hekk kif rat lil Ġesù, tfakkarna fil-missjoni tagħna – li nagħrfu lil Kristu u nxandruh lill-oħrajn b’ferħ.

Imsejħin biex inwasslu d-Dawl

Meta nirriflettu fuq din il-festa sabiħa, fejn Ġesù hu ċ-ċentru u l-personaġġi kollha indirizzati lejh u jagħtu xhieda tiegħu, aħna mistiedna li jkollna lil Ġesù fiċ-ċentru ta’ ħajjitna, fiċ-ċentru tat-“tempji” tagħna – f’qalbna, fid-djar tagħna, u fil-komunitajiet tagħna.

L-isfida tagħna hija li nżommu qalbna miftuħa biex naraw il-preżenza ta’ Ġesù madwarna. Dan jirrikjedi paċenzja u rieda li nħarsu lil hinn minn dak li jidher, bħalma fil-fatt għamlu Xmun u Anna, li stennew bil-fedeltà t-twettiq tal-wegħdiet ta’ Alla. Bħal Xmun u Anna, nistgħu nagħrfuh, nifirħu bih, u nwasslu d-dawl tiegħu mad-dinja.

Nitolbu llum lil Marija, Ommna, li flimkien ma’ Ġużeppi kienet l-ewwel waħda li ppreżentat lil Ġesù lill-Missier u l-ewwel li ġarret id-dawl ta’ Ġesù, biex tgħinna bħalha ngħixu l-fidi tagħna b’ferħ u b’konvinzjoni.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta