L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Warrab lejn il-Galilija” (Mt 4:12). Dan hu l-kliem li naqraw fl-Evanġelju skont San Mattew fuq Ġesù llum, u għamel hekk wara li arrestaw lil Ġwanni l-Battista. Ġesù ma għamilx hekk għax beża’. Imkien ma narawh jaħrab minħabba l-biża’. Imma Ġesù għamel hekk biex ikun jista’ jaqdi l-ministeru tiegħu f’post ieħor, u speċjalment fil-Galilija li kienet reġun meqjus kulturalment u spiritwalment emarġinat, ma’ nies li lilhom ukoll ried iwassal l-Aħbar it-Tajba.

Mill-bidu tal-Evanġelju, jolqotna kif Ġesù jaħdem u jurina kif il-Mulej dejjem jaħdem fil-ħajja tagħna. Hawnhekk, meta arrestaw lil Ġwanni, flok din il-ġrajja daħħlet lil Ġesù f’qoxortu, u jgħid “la issa arrestaw lil Ġwanni, imiss lili jew lid-dixxipli”, x’għamel? Ġesù mar post ieħor, biex hemm ukoll iwassal is-Saltna ta’ Alla. Bidel okkażjoni verament ta’ diffikultà, ta’ problema, f’opportunità. Bħalma għamel Ġesù, hekk naraw ukoll il-Knisja fil-bidu tagħha – li meta kienet ippersegwitata f’post marret post ieħor, u b’dal-mod infirxet il-Kelma ta’ Alla, infirxet il-komunità. Ġesù mill-bidu jurina li s-sejħa tagħna bħala dixxipli tiegħu hi li nibdlu d-diffikultà, il-problema, f’opportunità ġdida, anke fejn jidħol il-mod kif ngħixu l-fidi tagħna.

Ġesù mar il-Galilija, u hawn fl-Evanġelju l-kwotazzjoni mill-Profeta Isaija applikata għal Ġesù, li tgħid: “Il-poplu li kien qiegħed fid-dlam ra dawl kbir; dawk li kienu f’art u dell il-mewt idda dawl għalihom” (Mt 4:16). Nafu li hekk hu ppreżentat Ġesù: bħala dawl jiddi fid-dlam. San Ġwann fil-bidu tal-Evanġelju tiegħu hekk jgħid fuq Ġesù: “Id-dawl jiddi fid-dlam, imma d-dlam ma għelbux…dak id-dawl veru li jdawwal kull bniedem huwa u ġej fid-dinja” (Ġw 1:5.9). Anke meta jsemmi lil San Ġwann Battista, jgħid: “Dan ġie biex jixhed għad-dawl” (Ġw 1:7).

Tajjeb li aħna nistaqsu: b’liema mod hu d-dawl Ġesù? Bil-preżenza tiegħu, bil-kelma tiegħu, bil-fejqan li jagħti – huma dawn it-tlieta li naraw f’din is-silta. Ġesù, il-preżenza tiegħu stess hija dejjem preżenza li twassal l-imħabba ta’ Alla li hi dawl fid-dlam, li twassal it-tama lil tant nies. Hija l-istess preżenza tiegħu kull fejn ikun – għalhekk naraw fl-Evanġelju li “folol kbar” marru warajh. Hija l-istess preżenza tiegħu diġà messaġġ qawwi ta’ tama.

Il-kelma tiegħu hija kelma li tidħol fil-fond tal-qalb, u hi kelma li turi t-triq. Fl-Ewwel Qari smajna d-distinzjoni li jagħmel San Ġwann Appostlu bejn “l-ispirtu tal-verità… u l-ispirtu tal-gideb” (1 Ġw 4:6) – huwa proprju l-kelma ta’ Alla li turina dan. Turina t-triq it-tajba, turina dak li għandna nevitaw, dak li għandna nwarrbu fil-ħajja tagħna, turina kif għandna nimxu sew. Hija l-kelma li tagħtina d-dawl fid-dlam. Kultant ħafna dlam, imma dan id-dawl hu dejjem ta’ għajnuna kif għandna nimxu.

Ġesù hu dawl ta’ tama wkoll bil-fejqan li jġib. F’din is-silta hawn kemm fejjaq nies ta’ kull tip. Huwa fejqan fiżiku, emozzjonali, fejqan minn ġewwa. Għal Ġesù l-bniedem sħiħ hu importanti bil-ħtiġijiet kollha tiegħu. Ġesù nsibuh ifejjaq ukoll minn ġewwa – fejqan li tant hu meħtieġ fil-ħajja tagħna. Kultant, meta nitolbu għall-fejqan, ġieli jseħħ u ġieli ma jseħħx il-fejqan fiżiku; imma tant hu importanti l-fejqan minn ġewwa biex ikollna l-paċi fil-qalb tagħna.

Għalhekk naraw li Ġesù hu dawl bil-preżenza tiegħu, bil-kelma tiegħu, bil-fejqan li jagħtina. Nitolbuh biex ikun għalina d-dawl ħalli aħna dejjem nimxu fid-dawl, ma nagħżlux id-dlam, u ħalli aħna bħala dixxipli tiegħu nissiebħu miegħu f’dan l-ispirtu li jagħtina hu biex aħna stess inkunu dawl għall-oħrajn.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta