L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Hemm tradizzjoni sabiħa bħal-lum, 13 ta’ Diċembru, fl-Isvezja, fejn issir purċissjoni b’għadd ta’ żgħażagħ, li tissejjaħ il-mixja tad-dawl, u waħda miż-żgħażagħ ikollha diversi xemgħat mixgħula mdawra ma’ rasha. Naqra riskjuża din! Imma tradizzjoni sabiħa, li tintrabat ma’ dak li tfisser il-kelma ‘Luċija’ li tfisser ‘dawl’. Tolqtok kif l-imħabba lejn din il-qaddisa, li għexet fis-seklu tlieta u mietet fil-bidu tar-raba’ seklu f’Sirakuża, Sqallija, waslet sal-Isvezja.

Ftit nafu dwar Santa Luċija. Imma żgur nafu li din kienet qaddisa li, kif rajna fl-Evanġelju skont San Mattew, żammet il-musbieħ tagħha mixgħul u kellha ż-żejt biex il-musbieħ jibqa’ jixgħel sal-aħħar u jagħti d-dawl. Nixtieq li nirriflettu fuq tliet punti fuq il-ħajja tagħha, li huma ta’ ġid kbir għalina.

Fidi

L-ewwel nett, Santa Luċija tolqotna kemm kellha fidi qawwija. Kibret f’din il-fidi fil-familja tagħha, imma mbagħad hi għamlet l-għażla li toffri lilha nnifisha lil Alla, għax għaliha Alla kien l-aqwa teżor. Kienet din il-fidi li mexxietha ħajjitha kollha, sal-punt tal-martirju.

Kienet din il-fidi li tgħixha hawn, imma li twasslek għall-ħajja ta’ dejjem – b’mod li tiftakar li l-aktar importanti hija l-ħajja ta’ dejjem. Jgħidu, fost it-tradizzjonijiet li hemm, li Santa Luċija darba minnhom kienet qalet lil ommha: meta trid tagħmel karità, agħmilha issa. Tħallihiex għal meta tasal fl-aħħar, għax meta tasal fl-aħħar tal-ħajja tiegħek se tħalli dak li ma tistax tieħu miegħek. Imma huwa issa li trid turi li l-aktar importanti għalik hi l-ħajja ta’ dejjem. Kemm hi importanti dil-fidi li mexxiet lil Santa Luċija!

L-eżempju li tagħtina Santa Luċija hu li l-fidi f’ħajjitna għandha tkun l-aqwa teżor. Meta ngħixu hekk, inkunu qed ngħixu bil-musbieħ dejjem mixgħul. U ma niddejqux li ngħixu hekk, anke meta madwarna jkun hemm id-dlam.

Kuraġġ

Santa Luċija kellha kuraġġ kbir li wrietu sal-aħħar. Hi batiet biex tgħix il-fidi tagħha, ma kinitx ħajja komda għaliha. F’mumenti minnhom, fi żmien l-Imperatur Ruman Dioklezjanu, għaddiet minn torturi fiżiċi, morali u psikoloġiċi. Jingħad li qalgħulha għajnejha wkoll – għalhekk naraw xbihat tagħha b’għajnejha maqlugħa. Imma hi ma ċediet qatt għall-pressjoni li kellha. Baqgħet leali lejn il-fidi tagħha.

Santa Luċija kienet tgħix Sirakuża, u ħamsin sena qabilha ngħatat il-martirju Sant’Agata f’Katanja – it-tnejn eżempju ta’ persuni li baqgħu jagħtu xhieda tal-fidi minkejja kull persekuzzjoni.

Illum għad hawn fid-dinja Nsara ppesegwitati direttament minħabba l-fidi tagħhom. Imma l-messaġġ li tagħtina Santa Luċija hu li għandna ngħixu l-fidi tagħna bil-kuraġġ u bla biża’ kulfejn inkunu. Mhux bilfors ngħaddu minn persekuzzjoni bil-miftuħ. Jista’ jkun li ngħaddu minn tfixkil ta’ tip ieħor. Jista’ jkun li nkunu ma’ nies li minħabba l-pressjoni tagħhom, qisna nibżgħu nuru li nemmnu, jew ma rridux nuru l-valuri li joħorġu mill-fidi tagħna. Jista’ jkollna esperjenza fejn in-nies ta’ madwarna jagħmlulna l-ħajja diffiċli jew iwarrbuna jekk ngħixu l-fidi tagħna bil-miftuħ, forsi jħossu li l-għażliet tagħna huma ta’ ċanfira. Imma ma għandux ikollna sens ta’ inferjorità għax nemmnu, ukoll meta nkunu f’ambjent diffiċli. Santa Luċija tagħmlilna l-kuraġġ biex anke f’mumenti iebsa, ngħixu bla biża’ l-fidi tagħna.

Dawl

Ġesu jgħid fl-Evanġelju: “Jiena d-dawl tad-dinja. Min jimxi warajja ma jimxix fid-dlam, iżda jkollu d-dawl tal-ħajja” (Ġw 8:12). Imma f’mument minnhom, jgħid ukoll lid-dixxipli: “Intom id-dawl tad-dinja” (Mt 5:14). Ried jaqsam magħhom dan id-dawl, u insista magħhom li d-dawl ma għandekx tqiegħdu fejn ma jidhirx, ma għandekx taħbih jew tgħattih, imma għandek tqiegħdu fejn jidher. “Hekk għandu jiddi d-dawl tagħkom quddiem il-bnedmin, biex jaraw l-għemejjel tajba tagħkom, u jagħtu glorja lil Missierkom li hu fis-smewwiet” (Mt 5:16).

Santa Luċija d-dawl tagħha baqa’ jidher mhux biss ftit wara li nqatlet, li mietet martri, imma matul is-sekli; u mhux biss f’Sirakuża, imma f’diversi postijiet mifruxa fid-dinja, bħall-Iskandinavja. Aħna msejħin ukoll, bħal Santa Luċija, biex inkunu dawl fid-dlam u hekk nagħtu tama permezz tad-dawl tal-ħajja tagħna.

Il-festa ta’ Santa Luċija tiġi proprju fiż-żmien tal-aktar ġranet fis-sena fejn ikun hemm dlam, fejn jidlam kmieni. Id-dawl jagħmel effett anke fejn hemm ħafna dlam. Nafu li jekk tixgħel xemgħa f’kamra mudlama kollha, diġà ksirt id-dlam, ma ħallejtx kullimkien mudlam. Dan jagħtina messaġġ importanti għall-ħajja tagħna. Kultant inħossu li fl-ambjent fejn inkunu – fix-xogħol, fil-gruppi, f’oqsma differenti tas-soċjetà – ikun hemm wisq dlam; u tagħna tkun qisha fjamma żgħira. Imma dik il-fjamma tiswa. Dan hu l-messaġġ li tagħtina Santa Luċija: li aħna nkunu dawl, u li qatt ma naqtgħu qalbna għax inkunu ftit jew għax inħossuna dgħajfa, għax il-ħajja tagħna qisha bħal dawl dgħajjef.

Nitolbu lill-Mulej biex il-ħajja tagħna tkun dawl li jagħti t-tama lill-oħrajn. Kull darba li b’dak li nagħmlu nagħtu t-tama – lil min qed ibati, lil min hu mifxul, lil min hu waħdu, lil min jixtieq min jisimgħu, lil min qata’ qalbu mill-ħajja – hemmhekk inkunu bħal xemgħa li tagħti d-dawl.

Nitolbu lill-Mulej bl-interċessjoni ta’ Santa Luċija biex nieħdu l-eżempju ta’ din il-qaddisa li ftit nafu fuq il-ħajja tagħha, imma l-ftit li nafu hu dak li hu essenzjali għal ħajjitna. Nitolbu għal din il-parroċċa li għandha Santa Luċija bħala l-patruna tagħha, u għal kull wieħed u waħda minna: biex dejjem ngħożżu l-fidi bħala l-aqwa teżor; biex nagħtu xhieda tal-fidi tagħna bil-kuraġġ kollu u mingħajr biża’; u li f’ħajjitna nkunu dawl għall-oħrajn, anke fl-iktar mumenti mudlama.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta