L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Jien sultan” (Ġw 18:37). Żgur li tolqotna fil-ħajja ta’ Ġesù kif l-unika darba li jgħid “jien sultan” hu f’mument meta differenti għal kollox minn sultan. Għadu kif ġie ttradut minn Ġuda, qiegħed arrestat, għaddej mill-insulti tal-poplu u jinsab quddiem Pilatu, il-gvernatur Ruman li għandu s-setgħa.
Hu Pilatu li jistaqsi lil Ġesù: “Inti s-Sultan tal-Lhud?” (Ġw 18:33) Il-mistoqsija ta’ Pilatu hija waħda politika. Huwa qed jipprova jifhem jekk Ġesù huwiex theddida għal Ruma, theddida għas-setgħa politika. Imma t-tweġiba ta’ Ġesù tħalli l-politika u tmur lejn il-verità. Ġesù jispjega: “Is-saltna tiegħi mhix ta’ din id-dinja” (Ġw 18:36)
Il-kuntrast
Hawnhekk naraw mal-ewwel il-kuntrast bejn żewġ tipi ta’ sultan, ta’ poter. Id-dinja ta’ Pilatu hija waħda ta’ dominazzjoni u kontroll. Pilatu jirrappreżenta l-poter tal-forza—poter miżmum bix-xabla u bil-biża’. Xi ħadd li għandu l-qawwa militari, il-ġid, u l-kontroll politiku, li l-ordnijiet tiegħu huma imposti.
Għalhekk Ġesù jgħidlu mal-ewwel: “Is-saltna tiegħi mhijiex ta’ din id-dinja”. Aħna nafu b’ċirkustanzi fil-ħajja ta’ Ġesù meta fittxew li jagħmluh sultan – bħal meta kien tema’ ħamest elef ruħ, u tant għoġbithom din, li n-nies riedu jagħmluh sultan. Qalu: ma’ dan immorru tajjeb jekk ikollu s-setgħa, jista’ jagħmel ħafna ġid! Imma Ġesù dak inhar “warrab waħdu lejn l-għoljiet” (Ġw 6:15). Ma riedx li jagħmluh sultan, kif kienu qed jifhmu n-nies.
Pilatu, raġel tas-setgħa tad-dinja, ma jistax jifhem dak li qed jgħid Ġesù. Forsi ħaseb li ġej minn xi dinja oħra, imma ma fehemx x’qed ifisser Ġesù.
Fuq is-salib
Ġesù jurina x’inhi din is-saltna tiegħu. Juri dan bl-aktar mod qawwi meta qiegħed fuq is-salib, fejn kien hemm Pilatu għamillu l-kitba li hu sultan. Is-saltna tiegħu mhijiex ħakma, poter fuq in-nies, mhijiex li tgħaddi tiegħek b’forza, jew li jkollok ħafna ġid. Hi saltna mibnija fuq l-imħabba u s-servizz. Hu dejjem qal ċar li ġie biex jaqdi, mhux biex ikun moqdi (ara Mk 10:45).
Huwa fuq is-salib li Ġesù jagħtina l-aqwa tifsira ta’ sultan. Hemmhekk ma għandux kuruna ta’ sultan, imma kuruna tax-xewk. Hemmhekk ma għandux tron kif ikollu s-soltu sultan – it-tron tiegħu huwa post ta’ vulnerabbiltà assoluta, is-salib. Hemmhekk ma għandux poter, imma għandu l-qawwa tal-imħabba, li jingħata totalment biex jifdi lill-umanità, imħabba sal-aħħar. F’Ġesù, is-saltna vera mhix dwar id-dominazzjoni iżda dwar is-servizz. Mhix dwar il-kburija iżda dwar l-umiltà.
Tiġi saltnatek
Din hija s-saltna ta’ Ġesù u dan hu l-ewwel messaġġ importanti jekk aħna rridu nkunu tassew imsieħba fis-saltna tiegħu. Kull darba li niltaqgħu hawn għall-quddiesa, meta ngħidu t-talba tal-Missierna, ngħidu “tiġi saltnatek”. Qed ngħidu li rridu nkunu parti minn din is-saltna kif jifhimha hu – saltna ta’ mħabba, ta’ servizz, u ngħixu tassew il-valuri tas-saltna li jgħallimna hu.
Il-Verità
Ġesù jgħid fl-Evanġelju: “Jien għalhekk twelidt u għalhekk ġejt fid-dinja, biex nixhed għall-verità. U kull min iħobb il-verità jisma’ leħni” (Ġw 18:37). Il-verità hija l-qalba tas-saltna ta’ Ġesù. Ġesù hu l-verità, u dak li jurina hu hi l-verità fuqna nfusna, fuq is-sens ta’ ħajjitna, fuq is-soċjetà, fuq dak li hu l-iktar importanti fid-dinja.
F’dinja spiss immarkata mill-ingann u mill-manipulazzjoni, il-missjoni ta’ Ġesù hija li jirrivela l-verità tal-imħabba ta’ Alla. Is-saltna tiegħu tisfida l-gideb li jżomm in-nies fil-jasar—kemm il-gideb tad-dnub, tal-poter użat ħażin, u taċ-ċaħda tal-preżenza ta’ Alla.
Hija l-verita li, kif jgħid Ġesù, tagħmilna ħielsa. Tgħinna biex niskopru dak li f’ħajjitna ma jħalliniex naqgħu fil-jasar. Inkunu nies tas-saltna tiegħu jfisser li nfittxu l-verità f’kollox, anke meta tkun skomda jew kontra t-tendenza taż-żmien. Ifisser li nħallu l-verità ta’ Kristu tifforma ħajjitna, ir-relazzjonijiet tagħna u l-prijoritajiet tagħna.
L-istedina
Din hija l-istedina li jagħmlilna Ġesù llum, meta niċċelebraw il-festa tiegħu bħala sultan tal-ħolqien kollu. Hija stedina biex nissieħbu miegħu. Mhijiex xi ħaġa li jimponiha fuq xi ħadd. Kultant tiġina din il-mistoqsija, meta nisimgħu, kif se nagħmlu ftit ieħor fil-quddiesa, li din is-saltna hija “saltna ta’ verità u ħajja, saltna ta’ qdusija u grazzja, saltna ta’ ġustizzja, imħabba, u sliem”. Nistaqsu meta nħarsu madwarna: fejn huma dawn?
Ir-risposta ta’ Ġesù hija: għixhom inti dawn, u tinduna fejn qegħdin. Dawn mhumiex imposti, ħadd ma jġiegħlek tgħix il-valuri tas-saltna. Jekk aħna ngħixu tassew il-valuri ta’ Ġesù, hemm nindunaw kemm hawn nies li fil-fatt jgħixuhom dawn, mhux b’ħafna kjass u storbju, imma fil-ħajja ordinarja ta’ kuljum. Hemm hi s-saltna ta’ Alla. Mhijiex ta’ xi art jew pajjiż partikulari, mhijiex ta’ xi razza partikulari. Hi saltna miftuħa għal kulħadd.
Is-saltna tiegħu qiegħda fostna meta ngħixu tassew din l-imħabba li tfisser għotja, din l-imħabba li tgħinna biex nimxu warajh bl-ispirtu tiegħu. Hemm nindunaw kemm din tagħtina paċi u ferħ. Ħajjitna tkun isbaħ, il-ħajja ta’ madwarna nagħmluha isbaħ, inkunu qed nagħtu kontribut biex il-ħajja fis-soċjetà tkun isbaħ, u tkun tassew din li tmexxina għall-ħajja ta’ dejjem meta jkollna l-milja tas-saltna fis-sema.
Nitolbu lill-Mulej biex aħna nagħrfuh bħala sultan ta’ ħajjitna, biex nieħdu sehem f’din is-saltna tiegħu ta’ mħabba. Ejjew inġeddu l-impenn tagħna lejn is-saltna ta’ Ġesù, ngħixu bħala nies tal-verità u l-imħabba, u nxandru bl-għajxien tagħna li Ġesù huwa tassew Sultan tagħna—mhux biss bil-kliem, imma bil-mod kif insegwuh kuljum f’ħajjitna.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta