L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Ħamsin sena ilu jien kont abbati fiċ-ċelebrazzjoni li tat bidu għat-twaqqif ta’ din il-parroċċa. Niftakar kelli disa’ snin, kont hawnhekk quddiem. Illum hu b’ferħ kbir li qiegħed flimkien magħkom niċċelebra l-ħamsin sena ta’ din il-parroċċa, flimkien mat-tletin sena tal-konsegrazzjoni ta’ din il-knisja.
Gratitudni
Qabel xejn, hi okkażjoni ta’ ringrazzjament lil Alla għaliex, kif smajna proprju fil-kelma tiegħu, huwa hu li jmexxi l-Knisja tiegħu. Fl-Evanġelju lil Pietru qallu: “Fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi” (Mt 16:18). Ma qallux “tiegħek” imma “tiegħi”. Għalhekk, anke din il-parroċċa hija tiegħu. Huwa hu li jrid ikun l-ispirazzjoni kontinwa tal-ħidma tal-Knisja hawnhekk.
Illum nirringrazzjaw lil Alla ta’ dawn il-ħamsin sena, ta’ dawk kollha li l-Mulej bagħat biex ikunu rgħajja hawnhekk fost il-poplu tiegħu. Insemmi speċjalment il-kappillani – il-kappillan ta’ issa, u anke dawk kollha ta’ qablu, xi wħud minnhom qegħdin hawnhekk f’din il-quddiesa; l-ewwel wieħed kien Dun Karm Aquilina li kien il-kappillan meta saret Parroċċa. Insemmi wkoll lis-saċerdoti l-oħra li servew f’din il-parroċċa jew li qed iservu bħalissa, kif ukoll il-Patrijiet Tereżjani. Aħna għandna l-grazzja li għandna l-komunità ta’ patrijiet Tereżjani li qegħdin f’din il-parroċċa u li jagħtu sehemhom b’tant ġenerożità.
Flimkien ma’ dawn, hemm tant nies tul is-snin li ħadmu hawnhekk f’għaqdiet, fi gruppi, f’movimenti, f’ħidma fil-knisja b’mod jew ieħor – kemm dawk li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem, kif ukoll dawk li għadhom sa issa jagħtu s-sehem tagħhom. Nixtiequ nirringrazzjaw lil Alla ta’ dan kollu. Dan hu l-ewwel sentiment: gratitudni kbira lejn Alla u lejn dawk kollha li Alla sejħilhom u li kkoperaw miegħu f’din il-ħidma li kienet u li tibqa’ tiegħu.
Meta nħares lura, lejn tant snin li kont attiv fil-parroċċa, u bqajt insegwi dejjem għax noqgħod ukoll f’din il-parroċċa, nara ħafna affarijiet li tgħallimt hawnhekk, u ħafna li għenuni wkoll. Meta nħares lura, ħafna għenunni wkoll fil-vokazzjoni tiegħi. Kien l-eżempju sabiħ ta’ saċerdoti u nies oħra, flimkien mal-familja tiegħi, li lili għenuni biex nista’ nagħraf is-sejħa tal-Mulej biex insir saċerdot.
Hemm ħafna memorji sbieħ meta nħares lura lejn dawn il-ħamsin sena. Imma jien nixtieq insemmi xi valuri sbieħ li meta nħares lura rajthom fl-esperjenza tul dawn il-ħamsin sena f’din il-parroċċa, u li huma ħafna ta’ għajnuna llum ukoll.
Sempliċità
L-ewwel nett il-valur kbir tas-sempliċità. Papa Franġisku jenfasizza dan il-valur, u hawnhekk dejjem rajtu valur importanti. Din hija knisja mingħajr pretensjonijiet, mingħajr affarijiet kbar, sempliċi, imma fl-istess waqt ħafna drabi l-profondità qiegħda fis-sempliċità.
Hawnhekk niltaqgħu flimkien biex inqimu lil Alla. Għandna l-ispirazzjoni ta’ San Ġużepp Ħaddiem, li tolqtok żgur fih il-ħajja sempliċi. Imma hawn, f’din il-parroċċa, niftakru li hu fil-ħajja ordinarja ta’ kuljum li aħna rridu ngħixu l-vokazzjoni tagħna ta’ Nsara. Mhux biss f’okkażjonijiet kbar u speċjali li jiġu kultant, imma fil-ħajja ordinarja u sempliċi ta’ kuljum.
Qadi
Marbut ma’ dan, hawnhekk tgħallimt ħafna, bl-esperjenzi ta’ ħafna nies, il-valur tal-qadi. Kieku kellek taħseb f’titlu, u tgħid: il-parroċċa ta’ San Ġużepp Ħaddiem, x’titlu tista’ tagħtiha? Mhux se tagħtiha t-titlu ta’ Bażilka, jew ta’ Santwarju. Dawn titli li jgħoddu għal diversi postijiet.
Hawnhekk iktar tixbah lill-Għar ta’ Betlehem jew lill-Kamra ta’ Fuq fejn Ġesù għamel l-Aħħar Ċena. B’dal-mod, tista’ tkun aktar viċin, u jkollok inqas tfixkil biex tkun awtentikament bħal Ġesù qaddej. Kieku kelli nagħti titlu, ngħid: hawn titgħallem kif tkun qaddej. Tul is-snin tant rajt nies involuti f’oqsma jew oħra li għallmuni dan il-valur: kif tkun qaddej. Fil-fatt, San Ġużepp – insemmih b’ammirazzjoni kbira lejn dak li għallimna hu – ukoll jurina kif tkun qaddej, u hemm issib l-isbaħ titlu, għax Ġesù hekk qal: Jien ġejt fostkom bħal wieħed li jaqdi.
Għaqda
Hawn tgħallimt ukoll il-valur tal-għaqda. Ġesu talab ħafna għad-dixxipli tiegħu: “Ħa jkunu lkoll ħaġa waħda” (Ġw 17:21). Hawn, tul is-snin, ġieli b’diffikultajiet u bi sforzi, imma dejjem rajt il-ħidma favur l-għaqda – biex tkun parroċċa magħquda, fejn kulħadd għandu valur, fejn kull persuna hi stmata.
Għalhekk, fejn kull persuna għandha sehem x’tagħti f’din il-komunità – min mod u min ieħor. Hekk hu sabiħ – is-sabiħ hu ta’ komunità li tapprezza t-talenti differenti u li taħdem biex tkun komunita magħquda.
Hawn tgħallimt ukoll il-valur tal-ferħ – li int ikollok il-ferħ tal-Mulej f’qalbek, proprju għaliex qed tagħmel ħiltek biex tgħix kif irid hu fi ħdan din il-komunità.
Imħabba
Kieku kelli niġborhom flimkien, ngħid: hawn tgħallimt il-valur ta’ komunità ta’ mħabba: x’jiġifieri tibni komunità fejn, kif smajna fil-kelma ta’ Alla, Ġesù hu l-pedament u r-ruħ hija l-imħabba.
Hawn mhux gżira ta’ mħabba, hawn hija komunità ta’ mħabba. Hawnhekk mhijiex l-imħabba li tista’ tiftiehem kultant – mhux kif għallimhielna Ġesù – li int tfittex il-gosti tiegħek, li tfittex li tidher int, li timpressjona, li jħarsu lejk, li l-attenzjoni tkun fuqek. L-imħabba kif għallimhielna Ġesù tfisser li int tingħata b’għotja għall-oħrajn, u li tapprezza l-valur tal-oħrajn u d-dinjità tagħhom. Hawn tgħallimt ħafna li l-valur tal-imħabba jrid ikun ir-ruħ tal-komunità.
Inkoraġġiment
Illum ma nħarsux biss lura, imma nħarsu wkoll lejn il-preżent u lejn il-ġejjieni. Nixtieq ħafna ninkoraġġikom fil-ħidma li qed issir b’tant dedikazzjoni, impenn u ġenerożità. Hawn oqsma differenti fix-xandir tal-Kelma, fil-liturġija, fil-ħidma ta’ djakonija u servizz, fil-bini tal-komunità, fil-volontarjat f’oqsma differenti – hawn tant oqsma fil-parroċċa li fihom ħafna nies qed jagħtu s-sehem tagħhom b’ġenerożità.
Nixtieq ninkoraġġikom f’dan: biex tkomplu ssaħħu din il-ħidma dejjem, u tiftakru li l-ħidma tagħna fil-Knisja hi, kif semma Ġesù, bħal dak il-bidwi li jiżra’ ż-żerriegħa. Kultant taqa’ qalb il-blat, kultant fil-mogħdija, kultant qalb ix-xewk, imma anke f’art tajba li tagħmel il-frott. Mhux aħna li nkabbru ż-żerriegħa, imma huwa Alla li jkabbar iż-żerriegħa. Aħna naħdmu bħala kollaboraturi tiegħu. Iktar ma tkun din il-ħidma ta’ kull min jagħti sehemu fil-parroċċa, iktar tilħaq l-għan tagħha l-parroċċa.
Niftakru fil-kliem sabiħ li qal il-Papa Franġisku fuq il-Knisja li tant jgħodd għall-parroċċa: Il-Knisja hija l-post “fejn kulħadd iħossu milqugħ, maħbub, maħfur u mħeġġeġ jgħix il-ħajja tajba tal-Evanġelju” (Evangelii gaudium, 114). Din qalha fl-Eżortazzjoni Appostolika fuq il-Ferħ tal-Evanġelju, u tant tgħodd għall-parroċċa.
Tama
Nitlob li l-Mulej iberikna lkoll biex jgħinna ħalli nkomplu naħdmu b’dan l-ispirtu u, speċjalment, biex dejjem nagħmlu dan b’kuraġġ aħna u nħarsu ’l quddiem. Iż-żminijiet jinbidlu, iċ-ċirkustanzi tal-ħajja jinbidlu, imma l-kuraġġ li jagħtina l-Mulej jibqa’ dejjem hemm. U aħna għandna nkunu s-sinjal ta’ tama fis-soċjetà Maltija llum.
Ngħidu lill-Mulej “grazzi” għal dak li għadda. Napprezzaw il-wirt li ħallewlna dawn is-snin kollha, u nitolbuh li jkompli jgħinna għal quddiem ħalli naħdmu dejjem b’dan l-ispirtu għall-glorja tiegħu u għall-ġid tal-bnedmin kollha.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta