• ***

    Direttur: Tom Tykwer

    Atturi: Tom Hanks, Alexander Black, Sarita Choudhury, Sidse Babett Knudsen, Ben Whishaw u Tom Skerritt
    Ħin tal-Film: 97 min
    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd    
    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 12A

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 15
    L-istorja teħodna fis sena 2010 fejn niltaqghu ma’ Alan Clay li kien għaddej minn żmien ħażin ħafna għax mhux biss tilef id-dar tiegħu fiż-żmien ir-reċenzjoni,  iżda wkoll lil martu li talbet għad-divorzju.   Biex forsi  r-rota ddur u Alan ikun jista’ jkompli jħallas għall-edukazzjoni tat-tifla tiegħu, jirnexxielu jidħol f’impieg ġdid ma’ kumpanija Amerikana li kienet żvilupat sistema ta’ holographic teleconferencing. Dan l-impenn ġdid ħadu ġewwa Jeddah fi Sawdi Għarabja fejn hemm kellu jiltaqa’ mal-għola awtoritajiet tal-pajjiż, fosthom ir-Re stess u jipprova jipperswadihom biex jixtru din is-sistema  novativa għall-belt ġdida li kienu qegħdin jippjanaw. Għalkemm Alan kien alloġġat f’lukanda lussuża iżda x-xogħol, flimkien ma’ ftit  ħaddiema li kellu miegħu, kellu jagħmlu ġewwa tinda kbira, bla arja kondizzjonata jew servizz tal-Wi-Fi.  L-istennija taż-żjara tar-Re kemm il-darba giet posposta b’ Alan għalhekk isib ruħu b’ ħafna ħin f’idejh. F’dan iż-żmien kellu cans jirrifletti x’mar ħażin f’ħajtu u dan kien jagħmlu max-xufier, Yousef li għamel żmien jattendi kulleġġ ġewwa Alabama u kien ifissat fil-mużika pop Amerikana. Alan ukoll sab il-ħin biex jindieħes ma’ Hanne mill-Ambaxxata Daniża li minnaħa tagħha bdiet turi nteress fih. Iżda Alan iktar inġibed lejn it-tabiba Zahra li ħadet ħsieb tikkurah għal ċista kbira  li telgħet fuq daru.  Zahra minnaħa tagħha wkoll bdiet turi nteress fih u tgħinu mhux bil-ftit biex jerġa’ rrabbi fiduċja  fih innifsu. Kif sejra tiżviluppa l-avventura li Alan sab ruħu fiha ġewwa Jeddah? Tgħid jasal dak il-jum li r-Re fl-aħħar juri ruħu? Kif sejra tkompli tiżviluppa r-relazzjoni li Alan u Zahra bdew ma’ xulxin?  

    Film kummiedja – dramm Amerikan taħt id-direzzjoni ta’ Tom Tykwer msejjes fuq in-novella li kiteb Dave Eggers fl-2012. Minħabba li l-film fih tema adulta kif ukoll użu ta’ droga u kliem baxx, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu l-ħmistax–il sena.