L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Bl-Ingliż hemm espressjoni li tgħid: “Where there is a will, there is a way”. Naraha li tispjega b’mod tajjeb ħafna l-ġrajja li smajna llum mill-Evanġelju skont San Mark, fejn hemm dawn l-erbgħa min-nies li refgħu lil dan li kien mifluġ, u riedu jeħduh quddiem Ġesù. Riedu li jwassluh hemmhekk, quddiemu, akkost ta’ kollox. Meta waslu, sabu n-nies, ġewwa mimli fejn kien qed jitkellem Ġesù, barra wkoll, ma setgħux jgħaddu, u qalu: xorta neħduh quddiem Ġesù! U għalhekk ma għaddewhx mill-bieb, u lanqas mit-tieqa, imma mis-saqaf.  Fetħu toqba fis-saqaf u niżżlu l-mifluġ quddiem Ġesù.

Dawn l-erbgħa min-nies kienu nies ta’ qalb kbira, għax riedu jgħinuh lil dan il-mifluġ. Kienu nies determinati, u ta’ rieda soda. Jafu x’iridu u jagħmlu minn kollox biex jaslu għall-iskop tagħhom. U kienu nies ukoll ta’ fidi kbira. Fil-fatt huma emmnu li jekk lil dan il-mifluġ jeħduh quddiem Ġesù, hu se jfejqu. U għalhekk għamlu minn kollox biex hu jasal quddiem Ġesù. U Ġesù fil-fatt, jgħid l-Evanġelju, “ra l-fidi tagħhom” (Mk 2:5). Innutaw li l-Evanġelju ma jgħidx li ra l-fidi tal-mifluġ, imma ra l-fidi ta’ dawn l-erbgħa li kienu qed jerfgħuh, fidi kbira li wasslithom biex lil dal-bniedem iniżżluh quddiem Ġesù. 

X’jagħmel Ġesù? Hu kien qed jitkellem, kien qed iwassal il-Kelma, u dawn interrompew id-diskors tiegħu. Naturalment, meta raw xi ħadd nieżel mis-saqaf, min jaf x’agħa qam! Dak li kien qed jgħid ma tantx taw każu dak il-ħin. Imma Ġesù waqaf minn dak li kien qed jgħid għax għalih dal-bniedem quddiemu kien importanti. U l-ewwel ħaġa li jgħidlu hi: “Ibni, dnubietek maħfura” (Mk 2:5). Meta jgħidlu hekk Ġesù, qed jgħid xi ħaġa li ħasdet, dak il-ħin, lil diversi nies. Lill-kittieba ħasdithom, għax bdew jgħidu: dan kif qed jitkellem hekk? Dan qed jidgħi! Mela mhux Alla biss jista’ jaħfer id-dnubiet? (ara Mk 2:7) Kienu qed jgħidu ħaġa tajba li Alla biss jaħfer id-dnubiet. Imma ma ridux jaċċettaw li Ġesù kien, fil-fatt, Alla li qed jaħfer id-dnubiet. Imma naħseb li anke n-nies l-oħrajn inħasdu, anke dawk l-erbgħa min-nies, għax dawn ħadu lill-mifluġ biex jitfejjaq. 

L-ewwel ħaġa li qal Ġesù kienet “dnubietek maħfura”. Għaliex? Għax Ġesù jrid il-ġid tal-bniedem sħiħ. Ma qallux “dnubietek maħfura” għax kien hemm xi rabta bejn id-dnubiet ta’ dan u l-marda tiegħu. Mhux hekk. Imma għax Ġesù, meta ra dan il-bniedem, l-ewwel ma mar hu fuq dak li hu l-aktar essenzjali. Hi importanti is-saħħa tiegħu fiżika, is-saħħa mentali, imma l-ewwel il-qalb li tkun fil-paċi ma’ Alla, mal-oħrajn u miegħek innifsek. Għalhekk Ġesù minn hemm beda: “dnubietek maħfura”. Kif nafu, għadda wkoll biex fejqu fiżikament. Imma Ġesù jurina hawnhekk proprju x’jiġi l-ewwel: l-ewwel hija l-ħajja tal-grazzja ma’ Alla, għax dik tagħtina ħafna paċi fil-qalb. Minn hemm dejjem irridu nibdew, għax il-ħelsien mid-dnub iġib tassew il-ħelsien għal ħajjitna, il-ferħ f’ħajjitna.

X’nitgħallmu minn din il-ġrajja? Jekk inħarsu lejn in-nies differenti, hemm ħafna x’jgħallmuna. L-ewwel nett Ġesù nnifsu jurina li għall-Mulej aħna dejjem importanti, u li jrid il-ġid sħiħ tagħna, ibda mill-qalb tagħna li tkun tassew fil-paċi miegħu, mal-oħrajn, magħna nfusna. Imbagħad jgħallimna dal-mifluġ, li fittex l-għajnuna ta’ dawn l-erbgħa min-nies. Kieku mhux għal dawn l-erbgħa min-nies, ma wasalx quddiem Ġesù, imma hu għaraf li kellu bżonn l-għajnuna. Dawn l-erbgħa min-nies jgħallmuna ħafna wkoll: id-determinazzjoni tagħhom, il-qalb kbira tagħhom, imma anke l-fidi. Il-fidi tagħhom mexxiethom biex jagħmlu dak li hemm bżonn isir għall-ġid ta’ dan il-mifluġ. Meta nħarsu lejn il-kittieba, imbagħad, juruna kemm il-preġudizzji jagħmu lill-bniedem. Dawn lanqas kienu kapaċi jifirħu b’dak li hu sabiħ, b’dak li hu tajjeb, minħabba l-preġudizzji li kellhom. 

Din il-ġrajja tispiċċa bin-nies “ifaħħru lil Alla” (Mk 2:12). Nissieħbu aħna wkoll ma’ dawn in-nies, infaħħru lil Alla għal dak kollu li jagħmel f’ħajjitna, u nitolbu ħafna li jagħtina din il-fidi, il-fidi li kellhom dawn l-erbgħa min-nies – il-fidi li ma tagħlaqniex fina nfusna imma tmexxina biex nagħmlu dak li hemm bżonn isir għall-ġid tagħna, u għall-ġid tal-oħrajn.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju