L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Bil-Malti għandna espressjoni li tgħid: “Ma ġġibhiex żewġ magħhom!” U ngħiduha fuq min, tagħmel x’tagħmel, qatt ma tissoddisfah, qatt ma hu kuntent. Jekk hemm ix-xemx, għax hija x-xemx; jekk nieżla x-xita, jilmenta minħabba x-xita. Tagħmel x’tagħmel, u jkun x’ikun, dejjem mhux soddisfatt. Hawnhekk Ġesù qed jitkellem fuq din l-esperjenza, li aħna nistgħu nifhmu ħafna għax hija parti mill-ħajja tagħna. Qed jgħid fuq l-esperjenza tiegħu: Ġie Ġwanni l-Battista, li ma kienx jiekol u jixrob, u fuqu qalu: “għandu fih xitan”. Imbagħad hu, Ġesù, jiekol u jixrob, u fuqu jgħidu: “Araw, xi bniedem wikkiel u sakranazz, ħabib tal-pubblikani u l-midinbin” (ara Mt 11:18-19). Tagħmel x’tagħmel, ma’ ċerti nies qatt m’inti se tikkuntentahom, u dejjem se jsibu fuqiex jikkritikaw.
Dal-kliem ta’ Ġesù hu importanti għax ifakkarna illi proprjament dan sar mhux minħabba Ġwanni l-Battista, għax għamel xi ħaġa ħażina hu, jew minħabba Ġesù nnifsu, imma minħabba n-nies għax dawn kienu ppreġudikati. Għalhekk kellhom qalbhom magħluqa għal dak li kienu qed jisimgħu u għal dak li kienu qed jaraw. U jagħmel x’jagħmel Ġesù, xorta kienu jsibu fuqiex jikkritawh u ma jaċċettawhx. Niftakru meta kien jagħmel il-mirakli, u jgħidu li hu qed jagħmel dak li qed jagħmel “bis-saħħa tal-prinċep tax-xjaten” (Mk 3:22). U f’diversi ċirkustanzi oħra, jaraw affarijiet speċjali minn Ġesù, u xorta jirrifjutawh. Għalhekk Ġesù jinsisti li din hi frott ta’ qalb magħluqa. Hemm dik it-tixbiha li jgħid fil-bidu ta’ dawk it-tfal li jgħidu lil sħabhom: “Daqqejnielkom il-flawt u ma żfintux, għannejnielkom in-niket u ma bkejtux!” (Mt 11:16) – jiġifieri, bqajtu indifferenti jew ma tajtux kas.
X’inhu l-messaġġ għalina, għall-ħajja tagħna? L-ewwel nett, li aħna dejjem naħdmu biex ikollna qalb miftuħa għall-Kelma ta’ Alla, u mhux tibqa’ għaddejja bħal meta xi ħadd idoqq u ma tagħtix kasu. Qalb miftuħa li tilqgħu, u li nfittxu li ngħixu dil-kelma tiegħu. Ukoll, li noqogħdu attenti f’ħajjitna li ma nkunux immexxijin mill-preġudizzji, kemm fejn tidħol il-fidi tagħna, imma anke fir-relazzjonijiet mal-oħrajn – għax il-preġudizzji jagħmlu bħal għamad fuq għajnejna, u ma jħalluniex naraw it-tajjeb, u li nagħżlu bejn it-tajjeb u l-ħażin. Għalhekk, dan huwa messaġġ importanti għall-ħajja tagħna llum.
Ġesù jgħidilna wkoll kif aħna mbagħad għandna nġibu ruħna – li f’dak li nagħmlu, nagħżlu li ngħidu dak li hu sewwa u li nagħmlu dak li hu sewwa, u ma nfittxux li f’dak li nagħmlu u li ngħidu, ningħoġbu – qisha l-motivazzjoni tkun li nogħġbu lill-oħrajn. Jekk infittxu hekk, wara ftit nindunaw li jekk għoġobt lil ftit, ma għoġobtx lil ħafna, u hu inutli li titmexxa fil-ħajja tipprova togħġob lill-oħrajn. Imma dak li għandu jmexxina hu li nagħmlu dak li hu sewwa, dak li hu ta’ ġid, anke jekk ikun hemm min jikkritika u jkun hemm min ma jagħtix kas.
Kultant, meta nisma’ dil-kelma ta’ Ġesù tolqotni ħafna, meta jgħid: “Daqqejnielkom il-flawt u ma żfintux, għannejnielkom in-niket u ma bkejtux!” Ifakkarni f’meta kultant jgħidu: il-Knisja kif ma titkellimx fuq dil-ħaġa, fuq dil-pjaga soċjali, fuq hekk u fuq hekk, kif ma titkellimx? U jekk tfittex, tinduna li mhux biss titkellem, imma titkellem ħafna u kontinwament. Imma jekk int ma tagħtix kas, u jekk inti anqas jimpurtak x’tgħid il-Knisja, u jekk int tara biss x’tgħid il-Knisja mill-media soċjali jew minn dak li tisma’ fl-aħbarijiet, hemmhekk tibqa’ b’impressjoni żbaljata. Imma jkun proprju dan li semma Ġesù hawn: “Daqqejnielkom il-flawt u ma żfintux, għannejnielkom in-niket u ma bkejtux!”
Nitolbu lill-Mulej illum jagħtina qalb li tilqgħu, qalb ippurifikata mill-preġudizzji, kif ukoll jgħinna biex f’ħajjitna nfittux dejjem dak li hu sewwa kemm f’li nagħmlu, kemm f’li ngħidu; u l-ewwel ħsieb li jmexxina jkun mhux li nogħġbu lill-oħrajn imma li nagħmlu dak li jogħġob tassew lil Alla.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta




