L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Ġib sebgħek hawn u ara jdejja, u ressaq idek u qegħedha fuq ġenbi” (Ġw 20:27). Dan huwa l-kliem li Ġesù jgħid lil Tumas meta jidher lit-tnax tmint ijiem wara l-qawmien tiegħu mill-mewt. Kull sena, fit-Tieni Ħadd tal-Għid, nisimgħu din l-istorja ta’ kif l-ewwel darba li Ġesù deher lid-dixxipli tiegħu flimkien, Tumas ma kienx hemm. Dak inhar l-Evanġelju jgħid li Ġesù wriehom idejh u ġenbu, jiġifieri s-sinjali tal-pjagi tiegħu, il-konferma li hu dak li kien imsallab imma issa qam mill-mewt.
Il-pjagi sinjali tal-ħniena ta’ Alla
Fil-fatt, dan hu li Tumas isemmi meta sħabu jgħidulu “rajna l-Mulej” (Ġw 20:25). Minn kollox, isemmi l-pjagi, u jgħid li jrid jara f’idejh il-marka tal-imsiemer u jqiegħed sebgħu fuq il-marka tal-imsiemer u idu fuq ġenbu. Hu għalhekk li Ġesù mal-ewwel jistiednu jagħmel dan meta jerġa’ jidher lit-tnax, u jgħidlu: “Tkunx bniedem bla fidi, iżda emmen” (Ġw 20:27).
L-istedina li Ġesù għamel lil Tumas jagħmilha llum lilna, biex aħna jkollna dik il-fidi sħiħa fih, li hu ħaj, imma li jġorr ukoll il-pjagi, is-sinjali tat-tbatija, il-passjoni u l-mewt tiegħu. Il-pjagi huma espressjoni tal-ħniena ta’ Alla, u hu għalhekk li llum niċċelebraw b’mod mill-aktar speċjali l-Festa tal-Ħniena Divina.
Ħierġa mill-qalb
X’jiġifieri meta ngħidu li Alla hu ħanin? Il-kelma tfakkarna fil-ħlewwa bħal dik ta’ omm ma’ binha jew bintha. Fil-fatt, it-terminu li tuża l-Iskrittura ifakkarna fil-ġewwieni, fil-ġuf tal-omm. Hi xbieha ta’ Alla li għandu qalb kbira għalina, bħal meta omm taqbad f’dirgħajha t-tarbija tagħha u tixtieq biss tħobbha, tħarisha, tgħinha, lesta li tagħtiha dak kollu li hu ta’ ġid għaliha. Hija għalhekk imħabba ġewwinija.
Hekk hi l-ħniena ta’ Alla. Tfisser li l-Mulej jagħder, juri kompassjoni, jersaq lejn min hu dgħajjef u dejjem lest jilqa’, jifhem, jaħfer. Il-Mulej hu kbir fit-tjieba u l-fedeltà. Bħalma tlabna fis-Salm: “għal dejjem it-tjieba tiegħu!” (Salm 118) Alla hu kbir u qawwi, imma dan il-kobor u din il-qawwa jidhru l-aktar fl-imħabba li hu għandu lejna, aħna li aħna hekk żgħar u bla ħila.
Qalb li taħfer
Ġesù wriena b’mod ċar ħafna din il-ħniena ta’ Alla. Hi l-imħabba li tmidd l-ewwel pass. Hi l-għożża divina li xejn ma jista’ jwaqqaf, lanqas id-dnub, għax taf tegħleb il-ħażen u taħfru. Alla hu fidil fil-ħniena tiegħu. Anke meta aħna ma nibqgħux fidili lejh, meta nonqsuh, meta nidinbu, hu jibqa’ jiġri warajna biex iressaqna lejh, biex nerġgħu ngħixu mill-ġdid fl-imħabba tiegħu, biex ikollna l-ferħ ta’ ħajja ġdida.
Il-pjagi ta’ Ġesù Rxoxt ifakkruna f’Ġesù msallab. Huwa u jmut bla ħtija għalina l-midinbin, hu jitlob lill-Missier: “Missier, aħfrilhom, għax ma jafux x’inhuma jagħmlu” (Lq 22:34). Hemm fuq is-salib Ġesù jippreżenta l-ħniena kbira tal-Missier, u niftakru fil-kliem li qal fl-Aħħar Ċena u li ngħidu fil-mument tal-konsagrazzjoni waqt il-quddiesa: “Id-demm li jixxerred għalikom u għall-bnedmin kollha għall-maħfra tad-dnubiet”. Id-dnubiet tagħna jitħassru bil-pjagi tiegħu, aħna nitfejqu bil-pjagi tiegħu.
Qalb li ma tirrifjuta lil ebda midneb
Illum, fil-Festa tal-Ħniena Divina, aħna nagħrfu li lkoll midinbin, ilkoll neħtieġu l-maħfra u l-ħniena ta’ Alla. Ġesù jistedinna biex inħarsu lejna nfusna l-ewwel, u niftakru li lilna lkoll jagħtina l-possibiltà tal-maħfra ta’ Alla. Meta aħna nistqarru li aħna niedma u nafdaw ruħna f’idejh, bħalma nagħmlu fil-bidu ta’ kull quddiesa, inkunu ċerti li ħa niġu maħfura. Għalhekk illum nirringrazzjaw lil Alla tal-maħfra tiegħu, u speċjalment tas-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni – il-qrar – fejn hu jagħmel attwali għalina lkoll dik l-imħabba, il-qawwa tal-maħfra li toħroġ minn fuq is-salib u li ġġedded lil ħajjitna. Huwa teżor kbir dan is-Sagrament – is-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni!
Illum il-Mulej ifakkarna li ma rridux inħallu d-dnubiet tagħna jbeżżgħuna. Il-qawwa tal-imħabba ta’ Ġesù ma tafx bi xkiel u ma tispiċċa qatt. Din il-ħniena tiegħu tħassar il-miżerji tagħna. Alla ma jieqaf qatt jaħfrilna. Hu aħna li kultant nieqfu nitolbu maħfra. Għalhekk l-appell li nagħmel hu lejn min jaħbat jaqta’ qalbu mill-ħniena ta’ Alla: taqtax qalbek, Alla jrid jaħfirlek, irid jerġa’ jgħinek tgħix fl-imħabba tiegħu. Ilqa’ s-sejħa li qed jagħmillek. Ħa tilħaq lil kulħadd il-kelma tal-maħfra, u jalla s-sejħa biex induqu l-ħniena ma tħalli lil ħadd indifferenti. Għax Alla qatt ma rrifjuta lil ebda midneb.
Irrid insemmi hawnhekk id-distinzjoni importanti li jagħmel il-Papa Franġisku bejn il-midneb u l-korrott. Min hu midneb jagħraf id-dnub tiegħu, jagħraf li jeżisti dak li hu ħażin. Min hu korrott jiġġustifika lilu nnifsu fil-ħażen. Irridu noqogħdu attenti minn din it-tentazzjoni: li l-ħażin insejħulu tajjeb, jew insejħulu mod ta’ ħajja kif tgħix, stil ta’ ħajja, mentalità li xejn mhu xejn u li kollox tista’ tiġġustifika. Din il-mentalita tagħmilna nkomplu ngħumu fil-ħażen. Din tkun qalb korrotta li qatt ma tista’ tilqa’ l-ħniena ta’ Alla, li Alla joffrilna, sakemm tibqa’ hekk.
Għalhekk, tajjeb li llum, fil-Festa tal-Ħniena Divina, nitolbu lill-Mulej biex nagħrfu nagħżlu l-imħabba u l-ħniena tiegħu, u li jkollna d-dehen biex nagħrfu nagħżlu t-tajjeb minn dak li hu ħażin.
Qalb tixbah lil tiegħu
Din il-Festa tal-Ħniena Divina tagħmlilna sejħa oħra importanti: li aħna jkollna qalb li tixbah lil dik ta’ Alla. Bħalma Ġesù kellu ħniena kbira mal-midneb, bħalma hu refa’ fuq spallejh l-uġigħ tal-bniedem, hekk imsejħin aħna wkoll biex infejqu l-pjagi tal-oħrajn jew intaffu l-uġigħ tagħhom. Aħna msejħin biex inkunu għodda ta’ ħniena u nitgħallmu nuru ħniena mal-oħrajn. Meta aħna nagħrfu li aħna midinbin, ma nħarsux lejn l-oħrajn biex niġġudikawhom jew nikkundannawhom. Il-ħażin nibqgħu nsejħulu b’ismu, ħażin, u naħdmu bis-sħiħ kontra dak kollu li jbaxxi d-dinjità tal-bniedem. Imma nibqgħu b’qalb mimlija ħniena għal kull persuna bħalma hi dik ta’ Alla magħna.
Nitolbu lill-Mulej illum, speċjalment fil-waqtiet ta’ uġigħ fil-ħajja, biex niftakru fil-ħniena divina li lilna timliena b’tant faraġ. Nitolbu li nżommu dejjem ħarsitna fuq Ġesù Rxoxt bil-pjagi sinjali tal-ħniena tiegħu, biex nagħmlu kuraġġ u nħalluh jimliena bil-ferħ tal-maħfra tiegħu. Ma nħallu lil ħadd jisirqilna t-tama li ngħixu din il-ħajja flimkien miegħu u bil-qawwa tal-faraġ tiegħu, u nitolbuh jagħtina qalb tixbah lil tiegħu – qalb mimlija mħabba u ħniena.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju