L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi
San Bonifaċju kien missjunarju kbir fis-seklu 8 fl-Ewropa ċentrali, speċjalment f’dik li llum tissejjaħ il-Ġermanja. Twieled l-Ingilterra u meta kien għadu żgħir daħal fil-ħajja monastika. Kien bniedem intelliġenti ħafna, kien qisu maqtugħ għall-istudju. Imma meta ġie ordnat saċerdot ta’ 30 sena, wera x-xewqa qawwija li jmur missjunarju fil-kontinent Ewropew.
L-ewwel missjoni li mar, flimkien ma’ sħabu, kienet f’dik li llum hi l-Olanda – kienet tissejjaħ Frisija. Imma hemmhekk kellu diffikultajiet kbar, oppożizzjoni mit-tmexxija lokali, u reġa’ lura. Imma hu ma qatax qalbu. Sentejn wara mar Ruma, iltaqa’ mal-Papa Girgor II li laqgħu bil-qalb, u l-Papa stess uffiċċjalment tah il-missjoni li jkun missjunarju l-Ġermanja.
B’dan l-appoġġ tal-Papa, intefa’ b’ruħu u b’ġismu għal din il-missjoni li jxandar l-Evanġelju, iressaq in-nies, li ħafna minnhom kienu pagani, lejn il-fidi; u jagħmel din il-missjoni b’dedikazzjoni u b’ġenerożità kbira. F’waħda mill-kitbiet tiegħu jgħid: Ma nistgħux noqogħdu osservaturi fis-skiet, inħarsu, hemm bżonn li r-ragħaj jieħu ħsieb il-merħla, u li nressqu n-nies lejn Kristu. Kien proprju kif semma San Pawl illum lil Timotju, meta jgħidlu: Int ibqa’ miexi f’dak li tgħallimt u f’li emmint, taf li rċevejtu meta kont għadek żgħir permezz tal-istudju tal-Kotba Mqaddsa. Kellu x-xorti fil-missjoni tiegħu jagħmel l-esperjenza li għamel Ġesù fl-Evanġelju llum, meta l-Evanġelista jgħidilna li n-nies qagħdet tisimgħu “bil-qalb kollha”. Għalhekk għamel ħafna ġid.
Kien bniedem ta’ kapaċità organizzattiva, imma fl-istess waqt ta’ qalb kbira wkoll. Il-ġid tiegħu kien rikonoxxut mill-Papa, li sejjaħlu biex jikkonsagrah hu bħala isqof u jibagħtu l-Ġermanja bħala isqof. Iktar tard, il-papa ta warajh għażlu bħala arċisqof biex ikollu aktar responsabbiltajiet kbar f’din il-missjoni tiegħu. Kien hu li waqqaf diversi monasteri – l-iktar wieħed magħruf hu ta’ Fulda, il-Ġermanja. Kien jgħidilhom lill-monastiċi li l-missjoni tagħhom hi li jxandru l-Evanġelju, u fl-istess waqt juru apprezzament għal dak li hemm sabiħ fil-ħajja tal-bniedem, bħall-arti, bħax-xjenzi umani; dawn m’humiex kontra xulxin, imma flimkien jgħinu lill-bniedem. Il-promozzjoni umana hi parti integrali mill-Evanġelju.
Bonifaċju baqa’ f’din il-ħidma tiegħu għal snin twal. L-aħħar missjoni tiegħu, meta kien diġà kbir fl-età, kienet meta mar flimkien ma’ ħamsin monaku f’missjoni ġdida ta’ evanġelizzazzjoni. Imma hemmhekk wasal għat-tmiem, għax fil-5 ta’ Ġunju, bħal-lum, tas-sena 754, kif beda jiċċelebra l-quddiesa, ġew grupp ta’ pagani u aggredewh. Lil sħabu qalilhom: “Wasal it-tmiem. Kuraġġ fil-Mulej”. Proprju dak il-ħin inqatel martri għal Ġesù.
X’jgħallima San Bonifaċju? Hemm ħafna li jgħallimna mill-ħajja tiegħu. Ħa nsemmi dawn it-tliet affarijiet. L-ewwel nett kemm hi importanti l-Kelma ta’ Alla, li hu studjaha, tgħallimha, għexha u għallimha, u wassalha sal-punt tal-martirju. It-tieni, li l-Kelma ta’ Alla hi dik li tgħin lill-ħajja tkun iktar umana, tagħmel ġid lill-ħajja tal-bniedem. Għalhekk, mill-Kelma ta’ Alla joħorġu dawk il-valuri li jġibu ’l quddiem tassew lis-soċjetà u lill-bniedem fil-ħajja tiegħu. Tgħinu biex il-ħajja tiegħu tkun ħafna aħjar. It-tielet ħaġa, li hu tgħallimha meta kien għadu żgħir, meta daħal fil-ħajja monastika, hi l-għaqda bejn ix-xogħol u t-talb. Mhux li tagħżel minnhom. It-tnejn huma importanti. Iktar ma jkunu flimkien, iktar il-ħajja tagħna tkun sabiħa u nagħmlu anke l-ħajja tal-oħrajn sabiħa.
Nitolbu l-grazzja lil Alla, bl-interċessjoni ta’ San Bonifaċju, biex jgħinna ħalli aħna nkunu ispirati mill-eżempji sbieħ tal-ħajja tiegħu u nistgħu naqdu wkoll il-missjoni tagħna fejn isejħilna, bħalma qdieha hu sal-aħħar.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju