L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Kisba kbira għall-umanità”. Dan huwa l-kliem tal-Papa Franġisku, meta ftit ta’ snin ilu ddeskriva din is-solennità ta’ Sidtna Marija mtellgħa s-sema bir-ruħ u l-ġisem. Ħa dan il-kliem minn dak li kien ingħad meta l-bniedem tela’ fuq il-qamar. Dakinhar kienu qalu: “Dan hu pass ċkejken għall-bniedem, imma kisba kbira għall-umanità”. Il-Papa Franġisku jgħid: kemm hi infinitament ikbar il-kisba għall-umanità din li qed niċċelebraw: Marija mtellgħa s-sema bir-ruħ u l-ġisem!
Messaġġ ta’ tama u kuraġġ
Kien fl-1950 li l-Papa Piju XII kien iddikjara din il-verità bħala domma fil-Knisja Kattolika, wara li sema’ dak li kellhom jgħidu tant Isqfijiet mid-dinja kollha. F’din is-solennità aħna għandna verament messaġġ tal-ikbar tama, u faraġ, u għajnuna għalina bħala bnedmin, għall-umanità.
Din il-festa l-ewwel nett tfakkarna f’xi ħaġa tant importanti għall-ħajjitna: fejn hi d-destinazzjoni tagħna. Aħna mexjin lejn is-sema pajjiżna. Aħna rridu naslu hemm. Irridu naslu fejn daħlet qabilna Marija, li kellha din il-grazzja li ġiet imtellgħa s-sema bir-ruħ u l-ġisem. Il-ħsieb tagħha, li waslet hemmhekk, lilna jurina fejn hi d-destinazzjoni tagħna. Jurina li aħna fil-ħajja tagħna mexjin lejn is-sema pajjiżna – hekk għandna nimxu – u li hemmhekk hemm kollox mirbuħ.
Il-ħajja tagħna tagħmel sens jekk qatt ma ninsew fejn irridu naslu.
Il-ħsieb tas-sema lilna joffrilna tama u jagħtina għajnuna kbira fil-mixja tagħna fil-ħajja. Meta niftakru f’Marija mtellgħa s-sema bir-ruħ u l-ġisem tfakkarna li anke jekk aħna u nikbru, il-ġisem tagħna narawh isir ħafna aktar fraġli, imma d-destinazzjoni tagħna hi li aħna nkunu ’l quddiem bil-ġisem glorjuż fis-sema. Dak li rebaħ Ġesù rebħu qabel xejn għal ommu Marija u għalina lkoll li nemmnu fih.
L-ewwel messaġġ importanti li tagħtina din il-festa hu dan: biex qatt ma ninsew li aħna rridu naslu fis-sema pajjiżna, biex qatt ma ngħixu qisna ma aħniex għal hemm, jew inkella l-ħajja tagħna hija biss il-ftit snin hawnhekk u daqshekk. Dan il-ħsieb lilna jagħtina ħafna kuraġġ.
Nisimgħu l-kelma tiegħu u nħarsuha
Fl-istess waqt, il-messaġġ li tagħtina ommna Marija llum hu biex il-ħajja tagħna hawnhekk tkun ħajja li tassew tixraq lilna li nemmnu f’Ġesù u li mexjin lejn is-sema pajjiżna. Jolqtok ħafna dan l-Evanġelju qasir tal-lum minn San Luqa. Għall-bidu taħseb li l-kliem ta’ Ġesù mhuwiex ta’ apprezzament għal ommu, imma meta tinżel aktar fil-fond tinduna li, anzi, qed japprezza dak li hu l-isbaħ u l-ikbar f’ommu Marija. Kien hemm mara li għolliet leħinha u qaltlu: “Hieni l-ġuf li ġiebek u s-sider li rdajt” (Luqa 11:27). Faħħret lil omm Ġesù għax kienet omm Ġesù. Imma Ġesù jgħidilha: “Tassew ngħidlek, aktar hienja huma dawk li jismgħu l-kelma ta’ Alla u jħarsuha” (Luqa 11:28). Faħħar lil ommu għall-aktar ħaġa importanti: għax semgħet il-kelma ta’ Alla u ħarsitha.
Innutaw f’dal-kliem ta’ Ġesù: dik il-mara faħħret lil ommu għal xi ħaġa li hi biss setgħet tkun –omm Ġesù. Imma Ġesù faħħar lil ommu għal xi ħaġa li hi għamlitha b’mod tassew kbir, għax semgħet il-kelma ta’ Alla u ħarsitha, imma li aħna lkoll nistgħu ngħixu, aħna lkoll imsejħa biex ngħixu: li nisimgħu l-kelma ta’ Alla u nħarsuha.
Għalhekk, il-parir li tagħtina Marija, aħna u mexjin lejn is-sema pajjiżna, hu biex il-ħajja li ngħixu hawnhekk, is-snin li jagħtina Alla – min aktar min inqas, min ħafna min ftit – infittxu li nagħmluhom tassew snin sbieħ, żmien sabiħ għax infittxu li nisimgħu l-kelma ta’ Alla u nħarsuha.
Nindunaw, meta nagħmlu hekk, kif għamlet Marija, li isbaħ tkun il-ħajja ta’ hawn, u aħjar il-preparazzjoni tagħna għal meta naslu fis-sema pajjiżna. Il-parir li tat Marija fit-tieġ ta’ Kana – l-aħħar kliem tagħha mniżżel fl-Evanġelju – hu meta qalet lill-qaddejja: “Agħmlu kulma jgħidilkom hu” (Ġw 2:5). Hu eżatt dak li qed jgħid Ġesù fl-Evanġelju llum: “dawk li jisimgħu l-kelma ta’ Alla u jħarsuha”.
Nitolbu llum, aħna u niċċelebraw din is-solennità sabiħa ta’ Marija ommna, biex hi tkun dejjem ta’ ispirazzjoni għalina ħalli qatt ma ninsew fejn hi d-destinazzjoni tagħna – qatt ma ninsew dan jew ngħixu b’mod li ninsew li aħna maħluqin għal hemm – u fl-istess waqt kif ngħixu ż-żmien ta’ hawn bl-aħjar mod, u bl-isbaħ mod, kif għalmitna hi u kif urietna hi f’ħajjitha.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta
Photo by Min An