L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Fl-Evanġelju kemm-il darba nsibu lin-nies josservaw lil Ġesù, għajnejhom fih. Kultant insibu wkoll lil Ġesù li qed josserva x’qed jagħmlu n-nies. L-Evanġelju tal-lum hu każ minnhom. Hemm il-ġrajja ta’ meta Ġesù kien biswit it-tempju, iħares u jara lin-nies jitfgħu l-offerta tagħhom fit-teżor. U hemm Ġesù, li jara mhux biss dak li jidher minn barra imma r-realtà kollha. Seta’ jara kif dik l-armla li tefgħet biċċtejn żgħar, l-armla fqira, kienet ħafna aktar ġeneruża mill-għonja li kienu qed jitfgħu l-offerta tagħhom fit-tempju.
Nixtieq li naraw x’nitgħallmu minn dan l-Evanġelju tal-lum għal ħajjitna.
Mhux għal wiċċ in-nies
L-ewwel nett, nitgħallmu li Alla jagħraf ir-realtà sħiħa, jagħraf il-qalb. Quddiemu aħna ma nistgħux nagħmlu teatrin, ma nistgħux nuru wiċċ b’ieħor quddiemu, għax hu jagħraf ir-realtà sħiħa. L-ewwel kliem ta’ Ġesù fl-Evanġelju hu kliem ta’ kritika lill-kittieba. Jgħid li jħobbu jduru mat-toroq biex jidhru, jitolbu biex jidhru, u kultant jitfgħu l-offerta tagħhom fit-teżor biex jidhru. Ġesù qed jgħid: Alla jagħraf kollox, jagħraf il-qalb, l-intenzjoni tagħna. Din lilna sserħilna qalbna meta nagħmlu l-ġid, u tħeġġiġna biex dak li nagħmlu jkun b’sinċerità quddiem Alla. Hu jaf x’għandna fl-intenzjoni, fil-qalb tagħna. Ma nagħmluhx għal wiċċ in-nies, biex nidhru quddiem l-oħrajn.
Alla jagħraf kollox, jagħraf il-qalb, l-intenzjoni tagħna
Dawn il-kittieba kienu qed jagħmlu xi ħaġa fiha nnifisha tajba – li titlob, li ssellem lin-nies, li titfa’ l-offerta fit-teżor. Imma kienu qed jagħmlu dan b’intenzjoni oħra, biex jidhru quddiem in-nies, biex in-nies tarahom u tfaħħarhom. Minn kliem Ġesù nitgħallmu li dak li nagħmlu, nagħmluh tassew għall-ġid, b’intenzjoni tajba quddiem Alla, mhux li nippruvaw nidhru quddiem l-oħrajn jew għal wiċċ ħaddieħor.
Il-ġudizzju tal-qalb f’idejn Alla
It-tieni messaġġ li jorbot ma’ dan hu l-kliem li kien qal Ġesù “tiġġudikawx” – kliem li jgħodd ħafna hawnhekk – u biex il-ġudizzju nħalluh f’idejn Alla. Kieku dak li kien qed jieħu ħsieb it-tempju għadda ġudizzju sempliċiment minn dak li ra minn barra, u meta ra l-offerti li kienu qed jitfgħu n-nies, ra dawn iż-żewġ ċenteżmi ta’ din l-armla fqira, seta’ forsi jgħid: se jmexxi t-tempju b’din l-offerta! Imma jagħmel hekk min jiġġudika l-affarijiet minn barra. Qatt ma għandna niġġudikaw il-qalb tal-persuna. Il-ġudizzju nħalluh f’idejn Alla, għax Alla hu li jagħraf kollox. Meta qalilna biex ma niġġudikawx, qalilna xi ħaġa tant importanti għall-ħajja tagħna biex aħna ngħixu fil-paċi u biex inħallu lin-nies jgħixu fil-paċi. Dan ma jfissirx li għandna nisktu quddiem dak li hu ħażin u dak li hu tajjeb, imma l-ġudizzju tal-persuna, tal-qalb tal-persuna, tal-intenzjoni tagħha, f’idejn Alla mhux f’idejna.
Dak li hu teżor quddiem Alla
It-tielet messaġġ hu li Ġesù jistedinna biex inkunu ġenerużi: ġenerużi ma’ Alla u ġenerużi wkoll mal-oħrajn. Hawnhekk Ġesù jfaħħar lil din l-armla fqira. Li tat hi, tagħtu mill-qalb b’ħafna ġenerożità. U Ġesù qabblu ma’ oħrajn, li taw miż-żejjed tagħhom u għall-bżonn lanqas ħassew dak li taw. Alla lilna jridna nkunu ġenerużi – mhux biss fil-kontribuzzjonijiet tagħna imma fil-ħin tagħna u fil-mod kif inġibu ruħna.
Il-ġudizzju nħalluh f’idejn Alla, għax Alla hu li jagħraf kollox.
Fl-Evanġelju jissemma t-“teżor tat-tempju”. Ġesù wriena li għal Alla hemm teżor ieħor, li jiġi l-ewwel u li hu iktar importanti mit-teżor tat-tempju: il-persuna fil-bżonn. Hawnhekk, kemm fl-Evanġelju kif ukoll fl-ewwel qari, jissemmew ir-romol li kienu persuni fi bżonn kbir, u li Alla dejjem juri ruħu qrib tagħhom. Ġesù jfakkarna li dak li nagħmlu mal-oħrajn, inkunu qed nagħmluh miegħu, kif qalilna hu stess: “Dak kollu li għamiltu mal-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi.” Għalhekk irid li nkunu ġenerużi miegħu, u ġenerużi wkoll ma’ dawk li niltaqgħu magħhom u li huma fil-bżonn, għax fihom naraw il-preżenza tiegħu.
Nitolbu lill-Mulej, ispirati mill-kelma tiegħu, biex jagħtina qalb li tassew tħobb; biex jgħinna ħalli dak li nagħmlu, nagħmluh għall-glorja tiegħu, qatt għal wiċċ in-nies; biex ma niġġudikawx lill-persuni imma nħallu l-ġudizzju f’idejn Alla; u biex inkunu ġenerużi miegħu u mal-oħrajn, ma’ kull persuna li hi xbieha tiegħu, u speċjalment ma’ dawk l-aktar fil-bżonn.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju