L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Min mhuwiex midħla tar-raba’ jew mhuwiex fl-industrija tal-inbid, forsi llum ma tantx tinteressah għalqa ta’ dwieli. Ma kienx hekk fi żmien Ġesù, għax l-idea ta’ għalqa ta’ dwieli kienet għan-nies xi ħaġa għażiża. Għalhekk Alla jqabbel ir-rabta tiegħu mal-poplu Lhudi proprju ma’ din l-attenzjoni u mħabba għall-għalqa tad-dwieli. Setgħu jifhmu n-nies li hemm kien qed jgħid kemm hu jgħożż il-poplu tiegħu li hu għażel.
Imma għalkemm din kienet l-għażla ta’ Alla, il-poplu mhux dejjem ta dak il-frott li Alla stenna mill-għalqa tiegħu. Fil-fatt dak li jolqtok fil-Kelma ta’ Alla llum hu l-ilment għall-għalqa ta’ dwieli fejn ma kienx hemm il-frott. Fl-Ewwel Qari, smajna li stenna li jkollu għeneb tajjeb minflok kellu għeneb qares, mhux għeneb bnin. Alla bagħat diversi nies biex jgħinu lill-poplu Lhudi imma minflok frott bnin sab frott qares. U fl-Evanġelju, Ġesù jispjega kif Alla bagħat qaddejja differenti imma daru n-nies kontrihom, fosthom lil ibnu stess li rrifjutawh u qatluh. Ġesù ried juri hawnhekk li hu kellu jibni komunità ġdida li tqum wara li hu jirxoxta, biex tkun tassew l-għalqa tad-dwieli tiegħu li tagħmel il-frott.
X’inhu l-messaġġ li jrid jagħtina Ġesù bit-tixbiha li juża llum? Tista’ tgħidilna ħafna għall-ħajja tagħna. Ħa nsemmi tliet punti ċari fil-kelma ta’ Alla llum.
L-ewwel nett: Alla minna l-Insara, dixxipli tiegħu, jistenna l-frott. Fil-ħajja tagħna jistenna li aħna nagħmlu l-frott. San Pawl isemmi fit-Tieni Qari x’inhu dan il-frott, meta jgħid: kulma hu veru, ġust, xieraq, jiġbed l-imħabba, safi, kulma hu virtù, kulma jogħġob lil Alla – dak kollu li hu sewwa, dak hu l-frott li għandna nagħmlu f’ħajjitna. Huwa meta aħna, dak li nemmnu tassew li hu tajjeb ngħixuh fil-ħajja tagħna, u n-nies li jiltaqgħu magħna jistgħu jħossuh. Qed ngħid għal dawk il-valuri bħalma huma l-imħabba, l-għaqda, ir-rispett lejn xulxin, il-fedeltà, l-onestà, il-ġustizzja, il-verità, il-maħfra. Dawn mhumiex xi ħaġa astratta, imma tista’ tarahom jew ma tarahomx fil-ħajja tan-nies. Għalhekk minna li nemmnu fih, Alla jistenna li nagħmlu l-frott fil-ħajja tagħna.
Jgħid ukoll Ġesù li Alla jibagħtilna diversi għajnuniet, nies li jgħinuna fil-ħajja tagħna. Dawk il-qaddejja li bagħat tul is-snin huma simbolu tan-nies li b’xi mod jgħinuna biex ħajjitna tagħmel il-frott. Dawn huma don ta’ Alla. Aħna għandna napprezzaw lin-nies li jgħinuna biex ħajjitna tagħmel il-frott. Jekk naħsbu ftit, insibu diversi nies fil-ħajja tagħna – min jidher iktar u min inqas, imma jkunu bil-mod tagħhom jgħinuna biex ħajjitna tagħmel il-frott. Għalhekk, meta niftakru f’dawn in-nies, aħna għandna napprezzaw dawn id-doni li jagħtina Alla, u nkunu grati lejh, u nuru wkoll apprezzament lil dawk in-nies li jgħinuna biex ħajjitna tista’ tagħmel il-frott.
Meta nirrifjutaw lil Alla, aħna li nbatu; meta aħna nirrifjutaw lin-nies li Alla jibgħatilna biex jgħinuna, aħna li nbatu fl-aħħar mill-aħħar. Inkunu qegħdin nibnu mhux fuq il-ġebla li hi soda imma fuq ir-ramel.
Ħaġa oħra li hi importanti ħafna li jgħid Ġesù hi din: Alla qatt ma jimponi fuqna. Innutaw dak li jgħid fl-Evanġelju meta jibgħat diversi qaddejja u n-nies jirrifjutawhom – Alla ma jġegħilx lilna biex nagħmlu t-tajjeb bilfors. Jistedinna, jgħinna, jibgħat nies li jgħinuna, imma ma jġegħilniex nagħmlu t-tajjeb bilfors. Minna jiddependi jekk aħna naċċettawhx u allura jekk inkunux nistgħu nagħmlu l-frott fil-ħajja tagħna. Imma li jurina Ġesù hu li jekk aħna nirrifjutaw lilu u lin-nies li jibgħat, min ibati? Aħna li nbatu. Meta aħna nirrifjutawh, aħna li nbatu; u jekk ħajjitna ma tagħmilx frott, aħna li nbatu. Għalhekk Ġesù juża tixbiha oħra, filwaqt li jikkwota silta mill-Iskrittura stess: “Il-ġebla li warrbu l-bennejja saret il-ġebla tax-xewka”. Dik twarrbet mill-bennejja imma fil-fatt kienet l-aktar ġebla importanti. Ġesù qed jgħid għalih stess. Għalhekk, anke fil-ħajja tagħna, meta aħna nirrifjutaw lil Alla, aħna li nbatu; meta aħna nirrifjutaw lin-nies li Alla jibgħatilna biex jgħinuna, aħna li nbatu fl-aħħar mill-aħħar. Inkunu qegħdin nibnu mhux fuq il-ġebla li hi soda imma fuq ir-ramel.
Għalhekk it-talba li nixtieq nagħmel illum, ispirata mill-kelma ta’ Alla, hi biex aħna fil-ħajja tagħna nkunu qalbna miftuħa għad-doni li Alla jagħtina, għall-persuni li jgħinuna, biex il-ħajja tagħna tagħmel tassew il-frott, u biex qatt ma nirrifjutaw lil Alla. Niftakru li hu jrid jagħtina dil-ġebla tax-xewka biex fuqha nibnu ħajjitna; u meta nibnuha hekk, ħajjitna tkun tassew mibnija fis-sod u nistgħu nagħmlu l-frott. Nitolbuh lill-Mulej din il-grazzja biex, bl-għajnuna u bil-qawwa tiegħu, aħna niftħu qalbna għalih ħalli ħajjitna tkun ħajja ta’ frott bnin.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju