Homily by Bishop Joseph Galea-Curmi

Illum, f’dan il-jum speċjali, ninġabru b’qalb mimlija gratitudni u tifħir lil Alla, hekk kif niċċelebraw il-festa ta’ Santa Marija Ewfrasja Pelletier, il-fundatriċi għażiża tagħkom u l-qaddisa li għexet b’qalb kbira u kuraġġ ta’ spirtu.

Ħafna jħarsu lejn il-qaddisin bħala persuni straordinarji, ’il fuq minna, imma Santa Marija Ewfrasja kienet persuna bħali u bħalkom – mara b’qalb, li tibki, li titlob, u b’talb li kultant kien jidher isir fil-vojt… imma li baqgħet temmen, baqgħet tħobb, baqgħet taħdem. U hekk ġabet frott kbir.

Ħidma ma’ min hu mweġġa’

Il-ħajja tagħha kienet meqjusa bħala skandlu għall-mentalità tal-epoka tagħha: tfajliet vulnerabbli, nisa emarġinati, midinbin u mweġġgħin… kienet tilqagħhom mhux b’kundanna, imma bi ħniena. Fehmet li t-tama ma tistax tingħata biss lil min jidher “perfett” jew tajjeb, imma fuq kollox lil min hu miksur.

U hawn hi l-qalba tal-karizma tagħkom, għeżież ħuti sorijiet tal-Bon Pastur u associates: li ma twarrbux lil min hu mweġġa’, li tilqgħu mhux biss lil min jinsab fil-faqar materjali, imma lil min iħossu bla għixien ġewwa fih – dawk li tilfu s-sens tal-għożża tagħhom, li tilfu d-direzzjoni, li forsi qatt ma semgħu kliem ħelu jgħidilhom: “Inti għażiż, int għażiża f’għajnejn Alla.”

Kull persuna ġawhra għal Alla

“Ruħ waħda għandha iktar valur minn dinja sħiħa” – din hija waħda mill-aktar frażijiet famużi ta’ Santa Marija Ewfrasja. Nistedinkom nieqfu ftit fuqha. Kemm faċli ngħiduha… imma kemm hi diffiċli ngħixuha! Fid-dinja tal-lum, fejn kultant in-nies jiġu mkejla bil-produttività tagħhom, bil-popolarità, bil-poter, intom, permezz tal-ħidma tagħkom, tixhdu għall-verità l-oħra: li kull persuna hija ġawhra għal Alla, anke jekk miksura, anke jekk injorata mis-soċjetà.

Il-missjoni tagħkom hija l-istess ta’ Ġesù Ragħaj it-Tajjeb: “Jiena r-Ragħaj it-Tajjeb; jiena nagħraf in-nagħaġ tiegħi u n-nagħaġ tiegħi jagħrfu lili” (Ġw 10:14).

Il-fatt li Ġesù jafna mhuwiex biss għarfien bil-moħħ. Hu għarfien mill-qalb. Hu għarfien li jsalva, għax jara lilna fil-verità kollha tagħna, u xorta jħobbna. U dan huwa wkoll il-mod kif intom tagħrfu, b’għajn li tgħaddi lil hinn mill-ħsara u tilħaq il-ġmiel.

Sinjali ta’ tama

Intom sinjali ta’ tama fis-skiet tad-djar, fid-dlamijiet tal-qrubija, fil-ħidma moħbija ta’ kuljum. Kultant forsi tħossukom bla frott, jew li l-ħidma tagħkom tidher żgħira quddiem il-problemi kbar tad-dinja. Imma niftakru fil-kliem ta’ Santa Marija Ewfrasja: “Kun fidil fil-affarijiet żgħar. Alla jagħti l-kobor.”

X’messaġġ qawwi għal żmienna! Qed jgħallimna li s-sejħa għall-qdusija mhijiex f’xi atti grandjużi, imma fil-fedeltà ta’ kuljum: f’dik il-ħarsa ġentili, f’dak it-talb fis-skiet, f’dik id-deċiżjoni li tibqa’ tħobb, anke jekk ma tkunx apprezzata.

Mudell u omm spiritwali

Santa Marija Ewfrasja hija l-fundatriċi tagħkom, iva, imma hi wkoll omm tagħkom, li tibqa’ titlob għalikom u tmexxikom. U f’dan il-jum, nistedinkom terġgħu tħarsu lejha, mhux biss bħala figura storika li għamlet ħafna ġid, imma bħala mara ħajja fil-glorja, li trid li intom tkomplu l-missjoni tagħha b’dak in-nar li kien jaħraq fil-qalb tagħha.

Tistgħu tiftakru fi kliemha: “Meta tħobb tassew, l-impossibbli ma jibqax impossibbli.” Santa Marija Ewfrasja qiegħda tgħidilkom: “Tibżgħux. Komplu b’mħabba. Kristu jimxi magħkom.”

Għeżież sorijiet tal-Bon Pastur u associates, forsi xi drabi tħossukom għajjenin, xi kultant tħossu li l-impenn hu wisq jew li l-fruntieri tal-missjoni saru aktar imħawda. Imma proprju f’dawk il-mumenti, ħarsu lejn il-Kurċifiss, lejn Ġesù rebbieħ fuq is-salib, lejn Ġesù ħaj rebbieħ fuq il-mewt, u fakkru ruħkom li din hi l-missjoni tar-Ragħaj it-Tajjeb – li jfittix il-mitlufin, jerfa’ l-maħrubin, u jġibhom lura bil-ħlewwa, b’tenerezza, u bi mħabba li ma tegħja qatt.

Talba

Illum, fil-festa tal-Fundatriċi tagħkom, nitolbu lil Santa Marija Ewfrasja biex tinterċedi għalikom:

  • biex tixgħel mill-ġdid in-nar ta’ l-ewwel sejħa;
  • biex tagħtikom il-qawwa li tkomplu taħdmu b’fiduċja u b’ġenerożità;
  • u fuq kollox, biex tgħinkom ħa tgħixu b’dik l-imħabba li tagħmel minn kull omm reliġjuża bieb miftuħ għal Alla f’dinja li spiss għalqitlu l-bibien.

Fil-festa ta’ Santa Marija Ewfrasja, nitolbuha biex tagħmlilkom il-qalb, tferra’ fikom mill-fidi u mill-ħniena tagħha, u tkompli toħloq ġenerazzjonijiet ġodda ta’ nisa li, bħalha, joffru lilhom infushom għal oħrajn b’qalb mimlija mħabba lejn Alla.

Santa Marija Ewfrasja, fundatriċi u ħabiba tal-persuni vulnerabbli, itlob għalina.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta