L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Fi żmien Ġesù, diversi nies kellhom id-drawwa li jsumu, bħalma kienu jagħmlu d-dixxipli ta’ Ġwanni u l-Fariżej, kif smajna fl-Evanġelju. Kienu, pereżempju, isumu darbtejn fil-ġimgħa. Mhux għax kellhom obbligu li kull darba jsumu, imma għax kienu jarawha bħala ħaġa xierqa. Xi wħud minnhom kienu wkoll jiftaħru biha. Niftakru Ġesù jgħid il-parabbola tal-Fariżew u l-pubblikan fit-tempju, u l-Fariżew meta kien qed jagħmel it-talba tiegħu lil Alla, jiftaħar, u fost l-oħrajn jgħidlu: “jiena nsum darbtejn fil-ġimgħa” (Lq 18:12).
Għalhekk dawn ħaduha bi kbira li d-dixxipli ta’ Ġesù ma kinux isumu, u ġew jagħmlu din il-mistoqsija lil Ġesù. Fil-fatt, jekk naraw il-mistoqsija ta’ qabel li hemm fl-Evanġelju, hemmhekk il-Fariżej jistaqsu lid-dixxipli ta’ Ġesù: “Għaliex jiekol mal-pubblikani u l-midinbin l-Imgħallem tagħkom?” U Ġesù, li semagħhom, wieġeb li hu ġie biex iwassal il-ħniena lill-midinbin.
Hawnhekk, meta jwieġeb din il-mistoqsija, Ġesù jsemmi tixbiha sabiħa li hemm fit-Testment il-Qadim tal-għerusija, li kienet tfisser ir-relazzjoni ta’ Alla mal-poplu tiegħu. Ġesù jsemmi l-għarus u l-mistednin. Jgħid: sakemm l-għarus ikun għadu magħhom, il-mistednin jiċċelebraw, ma jsumux, imma jasal iż-żmien meta jittieħed minn magħhom, u mbagħad isumu.
L-ewwel Insara fehmu dan. Fehmu li l-mixja tal-ħajja tagħhom, wara li Ġesù tela’ s-sema, hi mixja lejn il-mument meta Ġesù jerġa’ jiġi. U sa dak il-mument, sat-tieni miġja tiegħu, huma jgħixu wkoll bit-talb u s-sawm. Id-differenza hi li l-Fariżej u d-dixxipli ta’ Ġwanni kienu jsumu għax qed jistennew lill-Messija jiġi. Imma l-ewwel Insara – u aħna magħhom – kienu jsumu wkoll mhux għax qed jistennewh għax għadu ma ġiex, imma jħabbru li l-Messija ġie, u jistennew it-tieni miġja tiegħu.
Imma l-iktar importanti mhux biss li ssum imma x’jiġifieri s-sawm. Il-Kelma ta’ Alla turina hawnhekk fl-ewwel qari, mill-Profeta Iżaija, is-sawm li jogħġob lil Alla. Is-sawm mhux biss li int ma tikolx; Alla jagħti tifsira iktar wiesgħa, u anke jispjega għaliex u x’jiġifieri ssum. Jgħid li s-sawm mhuwiex li tgħakkes lilek innifsek. U jgħid: “Jaqaw jien jogħġobni sawm bħal dan, jum biex bniedem jgħakkes lilu nnifsu?” Wisq inqas li ssum u tgħakkes lill-oħrajn, jew titrattahom ħażin, jew tagħmel affarijiet li mhumiex xierqa. Is-sawm, jgħid il-Mulej, hu meta int tiċċaħħad biex taħseb fl-oħrajn, biex turi mħabba u kompassjoni mal-oħrajn. Hemm xebh kbir bejn il-kliem f’Iżaija l-Profeta u dak li Ġesù jgħid, f’San Mattew (kapitlu 25), dwar l-opri tal-ħniena. Hawn, meta f’Iżaija l-Mulej jgħid: “Mhux li taqsam ħobżok ma’ min hu bil-ġuħ, u ddaħħal f’darek lill-imsejken bla saqaf? Mhux li tlibbes lil min hu għarwien?” Innutaw li hu l-istess kliem li qal Ġesù: “Kont bil-ġuħ u tmajtuni … kont barrani u lqajtuni, kont għeri u libbistuni.” Li jfisser li s-sawm fih tifsira jekk jgħinek biex taħseb fl-oħrajn. Mela tiċċaħħad minn biċċa ħobż mhux għaċ-ċaħda fiha nnifisha, imma biex imbagħad dak li tiċċaħħad minnu tgħaddih lil min m’għandux ħobż, lil min hu fil-bżonn.
Nitolbu lill-Mulej jgħinna, f’dan iż-żmien tar-Randan, ħalli aħna nieħdu bis-serjetà s-sawm mhux bħala mezz biex ngħakksu lilna nfusna, wisq inqas biex niftaħru b’dak li qed nagħmlu, imma jkun sawm li jgħinna niċċaħħdu aħna biex naħsbu fl-oħrajn u nuru mħabba u kompassjoni ma’ dawk li huma fil-bżonn.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju