L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Teżisti l-familja ideali? L-esperjenza tal-ħajja tagħna turina li ma teżistix familja ideali, imma jeżistu familji fil-ħajja reali, b’dak kollu li jgħaddu minnu l-familji – kemm is-sabiħ u mumenti li jimlew il-qalb, kif ukoll waqtiet diffiċli u ta’ sfida.
Meta l-Knisja tippreżenta l-familja ta’ Nażaret – ta’ Ġesù, Marija u Ġużeppi – bħala l-familja li lejha nħarsu għall-ispirazzjoni u għall-akkumpanjament fil-familji tagħna, il-familja li hi l-patruna ta’ din il-parroċċa tal-Iklin, nafu li tqegħdilna familja li kellha diversi sfidi, problemi u diffikultajiet fil-ħajja. Ma kinetx familja fejn kollox kien ward u żahar. Ma kinetx familja fejn kollox mexa ħarir.
L-Evanġelju skond San Mattew, li smajna f’din il-festa, jurina dan. Jurina li sa mill-ewwel mument it-tifel kien imfittex għax kien hemm min irid joqtlu. L-anġlu jgħid lil Ġużeppi: “Qum, ħu miegħek lit-tifel u lil ommu, u aħrab lejn l-Eġittu” (Mt 2:13). Immaġinaw familja fejn titwieled tarbija u hemm min irid joqtolha. Minħabba f’hekk, din il-familja kellha taħrab lejn post ieħor. Spiċċat familja refuġjata proprju minħabba dak li kien qed ifittex il-ħajja tat-tifel. Dan li rajna llum, fejn kellhom imorru lejn l-Eġittu, u mbagħad jerġgħu lura, imbagħad imorru Nażaret biex iħarsu l-ħajja tat-tifel, jurina parti minn din l-esperjenza diffiċli ta’ din il-familja ta’ Nażaret. Nafu li sa mill-bidu l-ħajja ma kinetx faċli għaliha. F’kull waqt li narawha, dejjem hemm dak li hu sabiħ kif ukoll dak li hu diffiċli u ta’ tbatija.
Għalhekk, meta aħna għandna lil din il-familja, għandna familja li tifhimna, u tifhem dak li ngħaddu minnu aħna għax għaddiet minnu hi – jista’ jkun, it-tbatija tagħha kienet ukoll ikbar minn dik tagħna f’diversi mumenti.
X’kien li mexxa dejjem ’il quddiem din il-familja, u li ġab fiha ħafna paċi u ferħ li ma kinux jiddependu miċ-ċirkustanzi ta’ madwar, imma fil-qalb tagħha? Insemmi tliet punti li huma ta’ għajnuna kbira għall-familji fil-ħajja tagħna llum.
It-tħaddin tar-rieda ta’ Alla
L-ewwel nett, it-tħaddin tar-rieda ta’ Alla. Marija u Ġużeppi fittxew dak li jrid Alla, u għarfu f’dak li jrid Alla l-akbar ġid għalihom. Marija, meta dehrilha l-anġlu Gabriel, ma setgħetx tifhem kif se ssir omm Ġesù, imma kif għarfet li kienet ir-rieda ta’ Alla, aċċettat bil-qalb u qalet: “Ara jiena l-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skont kelmtek!” (Lq 1:38) Nafu li Ġużeppi kellu pjan differenti, għax ma setax jifhem x’qed jiġri f’Marija. Imma meta deherlu l-anġlu, u qallu li dak li seħħ f’Marija kien bil-qawwa ta’ Alla, għaraf li dik kienet ir-rieda ta’ Alla, u bidel il-pjan tiegħu. Nafu li Ġesù nnifsu, meta kien għadu tifel u baqa’ fit-tempju, u Marija u Ġużeppi ġew ifittxuh, qalilhom: “Ma tafux li jien għandi nkun f’dak li hu ta’ Missieri?” (Lq 2:49) Araw kif dejjem hija t-tfittxija tar-rieda tal-Mulej. U din ġabet fihom ħafna paċi u ferħ, anke fil-mumenti diffiċli u ta’ tbatija.
Din hi ta’ ispirazzjoni qawwija għalina lkoll: li nfittxu l-ewwel ir-rieda ta’ Alla. Fit-talb tagħna, għandna dejjem nitolbu: Mulej, urina dak li trid minna, għax dak li trid inti hu tal-akbar ġid għalina.
Is-sbuħija tal-imħabba
X’naraw iżjed f’din il-familja ta’ Nażaret? Naraw is-sbuħija tal-imħabba. Dak li jsemmi San Pawl fl-Ittra tiegħu lill-Kolossin “fuq kollox ilbsu l-imħabba li hi l-qofol tal-perfezzjoni” (Kol 3:14) wara li jgħid “Ilbsu mela sentimenti ta’ ħniena, tjieba, umiltà, ħlewwa u sabar” (Kol 3:12) – dan kollu narawh fil-ħajja tal-familja ta’ Ġesù, Marija u Ġużeppi.
Huma juruna l-qawwa tal-imħabba u s-sbuħija tal-imħabba. Juruna kif il-familja ssib tassew il-milja tagħha meta tkun santwarju ta’ mħabba. Juruna li dak li veru jimla lil qalbna hu meta aħna nħobbu u nkunu maħbuba, u l-familja hija l-post speċjali fejn imsejħin biex nagħmlu din l-esperjenza: li nħobbu u nkunu maħbuba.
L-għożża tal-ħajja
Il-familja ta’ Nażaret turina l-għożża tal-ħajja. Lil Marija u Ġużeppi narawhom dejjem jgħożżu l-ħajja ta’ Ġesù sa mill-bidu nett. Meta ngħid sa mill-bidu nett, jiġifieri qabel twieled, meta tnissel. Meta l-anġlu lil Marija qalilha “Int se tnissel fil-ġuf u jkollok iben…” (Lq 1:31), qalilha li fil-mument tat-tnissil hemm Ġesù. Ma qalilhiex li se jkollha ftit ċelloli, li mbagħad xi mument isiru Ġesù, imma li se tnissel lil Ġesù. Għax mill-bidu, mit-tnissil, hemm il-ħajja umana, u Marija u Ġużeppi għożżew il-ħajja ta’ binhom sa mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha, u komplew jipproteġuha f’kull mument – bħalma naraw fl-Evanġelju llum, meta kellhom jitilqu ’l bogħod proprju biex iħarsu l-ħajja ta’ binhom.
F’dan ukoll din il-familja hi ta’ ispirazzjoni għalina. Aħna msejħin biex ikollna din l-għożża tal-ħajja tagħna u tal-oħrajn – l-għożża tal-ħajja umana f’kull waqt tagħha, mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha sat-tmiem naturali tagħha.
Fil-Ktieb ta’ Bin Sirak, smajna kif għandna nirrispettaw lil xulxin fi ħdan il-familja. Isemmi r-rispett lejn il-missier anke fi xjuħitu, u jgħid: “Ukoll jekk moħħu jeħfief, agħdru u tonqsux mill-ġieh” (Bin Sirak 3:13). Ifisser li l-persuna ma ssirx inqas persuna għax jgħaddu s-snin u tkun f’qagħda vulnerabbli. Min hu vulnerabbli u f’sitwazzjoni ta’ dgħufija aktar jeħtieġ minna rispett u għożża. Din hi l-għożża tal-ħajja. Jekk tmexxina din, bħalma mexxiet lill-familja ta’ Nażaret, żgur li aħna nifhmu x’rigal sabiħ tana Alla biex aħna ngħożżuh u inwasslu dejjem din l-għożża lis-soċjetà kollha.
Nitolbu llum għall-familji ta’ din il-parroċċa u għall-familji Maltin. Nitolbu biex il-familja ta’ Nażaret tkun dejjem għalina ta’ sostenn, għajnuna u akkumpanjament fil-ħajja tagħna, u speċjalment f’dawn: li f’kull mument inħaddnu r-rieda ta’ Alla li hi tal-akbar ġid għalina; li ngħixu s-sbuħija tal-imħabba; u li ngħożżu dejjem il-ħajja umana.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta