L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Għandna fl-Evanġelju llum dan id-djalogu sabiħ bejn Ġesù u Xmun Pietru. Hawnhekk qegħdin fejn il-baħar ta’ Tiberija, meta Ġesù deher għat-tielet darba, wara l-qawmien tiegħu mill-mewt, lid-dixxipli tiegħu. Dawn kienu għamlu lejl sħiħ jistadu u ma qabdu xejn, u Ġesù qalilhom: “waddbu x-xibka n-naħa tal-lemin tad-dgħajsa, u ssibu” (Ġw 21:6). U għamlu hekk u qabdu ħafna ħut. Dan id-djalogu jiġi eżatt wara, fejn Ġesù lil Xmun Pietru jistaqsih għal tliet darbiet “Tħobbni int?”. Jgħidha b’mod differenti. L-ewwel darba jgħidlu “Tħobbni int aktar minn dawn?” (Ġw 21:15) – li tista’ tfisser: tħobbni int aktar milli tħobb lil dawn? Jew inkella: tħobbni int aktar milli jħobbuni dawn? Tfisser imħabba speċjali. Imbagħad jgħidlu għal darboħra: “Tħobbni int?” U għat-tielet jerġa’ jgħidlu l-istess ħaġa, għalkemm bi kliem differenti fl-oriġinal, fejn qisu jgħidlu: “Int ħabib tiegħi tassew?
Hija din ix-xena ta’ djalogu ta’ mħabba bejn Ġesù u Pietru, fejn dan il-baħar ta’ Tiberija. Hawnhekk Ġesù jifhem xi ħaġa partikulari b’imħabba. Mhijiex imħabba li tfisser li sempliċiment timxi ma’ li tħoss, jew li tfittex il-gost tiegħek; jew imħabba biex timpressjona lin-nies, biex iħarsu lejk, biex in-nies jiggustaw lilek. Mhijiex din l-imħabba li għallimna Ġesù. L-imħabba li għallimna Ġesù hija l-imħabba li toħroġ minnek innifsek biex tingħata lill-oħrajn. U fehmu Xmun Pietru meta Ġesù staqsieh: “Tħobbni int?”
Pietru fehem li fil-fatt ukoll fl-istess mistoqsija Ġesù qed jurih kemm hu jħobb lil Pietru. Għal tliet darbiet jistaqsih din il-mistoqsija, lilu, Pietru, li għal tliet darbiet kien ċaħdu fil-Passjoni. Hemm mhux ċaħad li jħobbu imma ċaħad li jafu. Kien induna hemmhekk bl-iżball li għamel u l-Evanġelju jgħidilna li meta nduna, beka “biki ta’ qsim il-qalb” (Mt 26:75). Imma meta Ġesù jerġa’ jidher u jidħol fi djalogu ma’ Pietru, ma jfakkarlux x’għamel, ma jsawtux bi kliemu, imma jagħtih l-opportunità li jistqarr l-imħabba u jinfeda mit-tliet ċaħdiet tiegħu bit-tliet stqarrijiet ta’ mħabba. Hu għalhekk li r-risposta ta’ Pietru mhijiex sempliċiment “iva” imma “iva, Mulej, inti taf li nħobbok” (Ġw 21:15)
Ġesù, meta Pietru jwieġbu hekk, x’jgħidlu? Jerġa’ jagħtih il-fiduċja. Jurih li jafdah. Jgħidlu: “Irgħa l-ħrief tiegħi…irgħa n-nagħaġ tiegħi” (Ġw 21:15-17). Qed jgħidlu: uri l-imħabba lejja billi issa tkun ragħaj għall-oħrajn, fuq l-eżempju ta’ Ġesù stess, ir-ragħaj it-tajjeb. Fil-fatt, innutaw li Ġesù jagħmilha ċara li n-nagħaġ jibqgħu tiegħu, ta’ Ġesù. Jgħidlu: “Irgħa n-nagħaġ tiegħi”. Ma jsirux ta’ Pietru issa, imma n-nagħaġ huma ta’ Ġesù. Imma qed jafdah b’din il-missjoni ta’ ragħaj f’ismu. Pietru fehemha din; ’il quddiem anke fil-kitba tiegħu jħeġġeġ lir-rgħajja tal-Knisja biex ikun rgħajja f’isem Ġesù.
Dan l-Evanġelju jgħidilna ħafna għall-ħajja tagħna, għax jurina kif aħna wkoll imsejħin biex nidħlu f’dan id-djalogu ta’ mħabba ma’ Ġesù.
Fl-istess djalogu ta’ mħabba, Ġesù jgħinna biex aħna noħorġu mill-iżbalji tagħna, mid-dnubiet tagħna. Jurina l-fiduċja u jgħinna biex aħna wkoll inkunu tassew nistgħu nweġbuh: “Iva, Mulej, inti taf li nħobbok”. Ġesù jistedinna, bħalma stieden lil Pietru biex l-imħabba lejh nuruha fil-qadi tal-oħrajn, fil-ġid li nagħmlu lill-oħrajn.
Nitolbu lill-Mulej illum biex ikollna ħafna f’qalbna din ir-risposta ta’ Pietru “iva, Mulej, int taf li nħobbok”, u li din l-imħabba ġenwina nuruha mbagħad fl-imħabba lejn l-oħrajn, fil-qadi tal-oħrajn, fil-ġid li nagħmlu mal-oħrajn.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta